Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjiegħ sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-2013 sal-lum ingħataw €41,246.44 f’għajnuna biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ. Ninsab infurmat ukoll li din l-għajnuna ngħatat permezz tal-miżura 313 tal-programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
Jista’ l-Ministru jgħid xi tfisser ekonomija ċirkulari? Għaliex hija essenzjali? Kif beħsiebu jaddottaha pajjiżna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li f’Diċembru tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-pakkett ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari (Circular Economy). Dan il-pakkett, li qed jiġi diskuss fil-livell Ewropew, jindirizza l-valur tar-riżorsi naturali u jimmira li l-ħajja attiva tar-riżorsi tiġi estiża kemm jista’ jkun permezz ta’ aktar użu mill-ġdid u riċiklar tal-materjali fuq is-suq. B’hekk jiġi wkoll attivat suq ta’ materjali sekondarji fejn l-iskart ta’ wieħed isir il-materja prima tal-ieħor. L-ekonomija ċirkolari għandha effett tul il-ħajja kollha tar-riżorsi mill-istadju ta’ produzzjoni sa dak meta jiġu kkunsmati. Għaldaqstant l-iskart jiggwadanja l-valur veru tiegħu u tkun inċentivata d-dħul tiegħu mill-ġdid fiċ-ċirkolu ta’ produzzjoni. Bħala l-ewwel pass, ninsab infurmat li l-Ministeru qiegħed iħejji Terms of Reference biex jitħejja studju li jevalwa l-impatti (Impact Assessment) tat-tibdil propost mill-Kummissjoni Ewropea fid-Direttivi dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Gvern fejn tidħol il-kampanja edukattiva dwar l-iskart?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-kampanja edukattiva dwar l-iskart ġiet varata nhar is-6 ta’ April 2016 u mistennija testendi fuq it-33 xhar li jmiss. Din il-kampanja għandha t-tema “Taħlix l-Iskart – Agħti Sehmek”.
Konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kwistjoni tal-materjal stampat mhux indirizzat/mhux mitlub
Question
Jista’ l-Gvern jgħid fiex wasal il-proċess li nieda ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-kwistjoni tal-materjal stampat mhux indirizzat/mhux mitlub? Kemm huwa importanti biex dan il-materjal jiġi indirizzat? X’kien ir-rispons mingħand is-soċjetà ċivili fuq dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-Ministeru għaddej fuq numru ta’ fronti fuq din l-inizjattiva li jinkludu l-konsultazzjoni pubblika kif ukoll numru ta’ studji nterni li qegħdin jitħejjew biex nifhmu aktar dan is-settur. Dan ikun jista’ jwassal għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni li titwettaq fi sfond aktar infurmat. B’kollox il-Ministeru rċieva 9 sottomissjonijiet li xi wħud minnhom kienu minn atturi importanti f’dan is-settur. Din l-inizjattiva hija waħda li l-Ministeru jqis importanti biex isaħħaħ l-immaniġġjar tal-iskart billi l-ewwel nett inaqqas dak l-iskart li jista’ jiġi evitat. Filwaqt li hemm numru ta’ inizjattivi li jistgħu jittieħdu, jkun aktar għaqli li dawn jittieħdu b’lenti ħolistika meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni u tkun ġiet imwettqa l-konsultazzjoni li nixtiequ fuq dan is-settur.
Bord tal-Awtorità l-ġdida għall-Ambjent u r-Riżorsi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Awtorità l-ġdida għall-Ambjent u r-Riżorsi? X’se jkunu l-funzjonijiet ta’ dan il-Bord? X’inhi l-missjoni strateġika ta’ dan il-Bord?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l- Bord tal-ERA huwa kompost mill-membri msemmija hawn taħt:
Prof. Victor Axiak (Chairperson)
Ms. Carmen Buttiġieġ (Deputy Chairperson)
Architect Ruben Abela
Prof. Maria Attard
Dr. Jason Bonniċi
Prof. Alan Deidun
Ms. Alexia Pisani
Mr. Alan Pulis
Dr. Louise Spiteri
Prof. Alfred Vella
Il-funzjonijiet tal-Bord huma dawk elenkati fl-artiklu 8(2) tal-Att tal-2016 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Il-missjoni tal-Bord hija dik biex l-Awtorita’ tilħaq l-għan tagħha li “Tissalvagwardja l-ambjent għall-kwalita ta’ ħajja sostenibbli”.
Buskett – proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej fil-Buskett? Meta huwa mistenni li jkun komplut? X’jinkludu x-xogħlijiet u r-restawr li saru s’issa? Kemm kien l-ammont ta’ siġar indiġeni li tħawwlu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-proġett ta’ restawr u tiswija b’fondi Ewropej fil-Buskett, huwa maqsum f’diversi azzjonijiet u bħalissa 40% jinsab lest. Il-proġett li beda fl-1 ta’ Lulju 2013 mistenni jkun lest għal nofs is-sena 2018. Infurmat li bħala xogħlijiet jinkludi:
a) Tiswija/restawr u tibdil ta’ arkati u ħitan annessi magħhom li minnhom saru
· Volum ta’ 435.26m3 ta’ ħitan annessi magħhom
· Tul ta’ 116.38m ta’ ħitan annessi magħhom
· 5 arkati lesti
66% tax-xogħol huwa lest
b) Tiswija/restawr jew bini ta’ 17,149m2 ta’ ħitan tas-sejjieħ u 4,499m2 ta ħitan tal-ordni (Ashlar walls)
· Xogħlijiet li saru s’issa huma
· Volum 7414.27m2 ta’ ħitan tas-sejjieħ
· 43 ħitan tas-sejjieħ lesti
33% tax-xogħol huwa lest
Infurmat ukoll li bħala parti mill-proġett se jiġu mħawla 3,300 siġra, fejn s’sisa tħawlu 1,720 siġra li jinkludu:
· Ħarrub
· Żnuber
· Żebbuġ
· Rand
· Żafżafa l-Kbira,
· Ballut
· Luq
· Ulmu
· Fraxxnu
· Rummien
51% tas-siġar huma imħawla
Infurmat ukoll li bħala parti mill proġett dan jinkludi wkoll tneħħija ta’ siġar aljeni fuq total ta’ arja ta’ 241,742m2 fejn s-siġar li se jitneħħew huma ilanthus altissima
, Agave, Vitis sp
50% ta xogħol huwa lest.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-iskema ta’ għajnuna li waqqaf il-Gvern se tkun qed tgħin lill-għaqdiet volontarji ambjentali reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjoni Volontarji? Liema huma dawk il-proposti li se jkunu qed jingħataw prijorità? Kemm huwa l-ammont totali ta’ finanzjament li se jkun fih dan il-fond ambjentali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-iskema tinvolvi l-għoti ta’ finanzi għall-interventi u azzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent, diment li jiġu sodisfatti għadd ta’ kriterji tekniċi u amministrattivi.
Ninsab infurmat ukoll li l-proposti eliġibbli se jiġu valutati minn kumitat li se jinħatar apposta mill-Ministeru għal dan il-għan, sabiex il-prijorità tkun deċiża skont il-merti partikolari tal-proposti li jaslu għand il-kumitat, b’mod partikolari l-benefiċċju ambjentali attwali tal-intervent jew azzjoni propost/a. Il-finanzjament totali huwa €50,000.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24805 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24814 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet li tqabbdet tagħmel il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata u jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24811 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji/individwu li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24810 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Tkabbir ta’ uċuh u annimali ta’ razez tradizzjonali Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw inċentivi biex bdiewa u raħħala jkabbru u jrabbu uċuħ u annimali ta’ razez tradizzjonali Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 jinkludi miżura numru 10.1, li tinkludi l-miżuri agro-ambjentali klimatiċi numru 6 li hija intenzjonata għal dawk il-bdiewa u r-raħħala li jixtiequ jimplimentaw proġetti li permezz tagħhom jiġu konservati riżorsi ġenetiċi lokali. Ninsab infurmat ukoll li l-bdiewa u r-raħħala se jingħataw għajnuna għat-tkabbir u manutenzjoni ta’ siġar tal-ħarrub u taċ-ċawsli u għaż-żamma tat-tiġieġa s-sewda Maltija u l-gendus Malti.
Bdiewa u raħħala li jarmaw il-pannelli fotovoltajiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bdiewa u raħħala li jarmaw il-pannelli fotovoltajiċi jingħataw xi forma ta’ għajnuna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li l-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 jinkludi provvista għal għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala li jixtiequ jagħmlu investiment f’tagħmir li jiġġenera enerġija minn sorsi rinovabbli bħala parti mill-proġett tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li fix-xhur li ġejjin se jinħarġu sejħiet għal proġetti taħt il-miżura 4.1.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex iħajjar lill-bdiewa biex jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jkabbru varjetajiet ta’ ħaxix u frott ġodda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ġie mwaqqaf Direttorat ġdid fi ħdan il-Ministeru responsabbli għal Agrikoltura bil-għan li jieħu ħsieb id-diversifikazjoni fil-biedja. Dan id-Direttorat qed jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-crop husbandry fl-Għammieri u l-mixtla tas-siġar tal-frott f’San Vinċenz. Hawnhekk qed isiru studji u riċerka fuq diversifikazjoni ta’ numru ta’ varjetajiet ġodda ta’ ħxejjex u siġar ta’ frott kif ukol fuq varjetajiet lokali, biex eventwalment il-bdiewa jkunu jistgħu jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom skont id-domanda tas-suq.
Ninsab infurmat ukoll li d-disseminazjoni ta’ informazjoni biex il-bdiewa jitħajru jiddiversifikaw issir permezz ta’ artikli diversi fir-rivista ‘Nisġet Artna’, permezz ta’ viżiti għand il-bdiewa diversi u b’demonstration plots fl-Għammieri. Varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-frott mill mixtla tas-siġar tal-frott jiġu mħabbra fuq il-mezzi tax-xandir, permezz ta’ ‘posters’ u sms’s lill-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment tal-Wasteserv fil-proġett tal-Malta North, magħruf aħjar bħala l-Impjant tal-Għallis? X’kontribut ambjentali se jkun qed jagħti dan il-proġett? X’tip ta’ skart se jkun qed jittratta? Kemm hi l-kapaċità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-faċilità tal-Malta North qiegħda fil-fażi ta’ “commissioning” u l-għan aħħari ta’ dan il-proġett hu li jkompli jnaqqas l-iskart li jmur direttament fil-landfill, kif ukoll jiġġenera l-enerġija bis-sistema ta ‘anaerobic digestion’. Flimkien ma’ dawn il-kontributi, dan l-impjant ser ikompli jgħin fl-ekonomija ċirkolari permezz tal-estrazzjoni tal-frazzjoni riċiklabbli. Infurmat ukoll li ser jkun qed jgħin fit-tnaqqis tal-“aerial gas emmissions”, dan billi jevita li skart organiku u bijodegredabli milli jmur fil-landfill. Dan l-impjant diġà qiegħed jilqa’ skart muniċipali u skart goff, bil-pjan li tintlaħaq il-kapaċità massima ta’ 66,000 tunellata fis-sena ta’ skart muniċipali; 47,000 tunellata fis-sena tà skart goff; u 39,000 tunellata fis-sena ta’ skart tal-annimali, sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar €50 miljun.
Presidenza Ewropea – sfidi dwar l-ambjent u l-klima
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-isfidi tal-Presidenza Ewropea kemm dawk ambjentali kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu mal-klima? Liema huma dawk il-prijoritajiet tal-Presidenza li għandhom jingħataw importanza?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-prijoritajiet tal-politika ambjentali tal-klima ta' Malta għall-Presidenza ġew maqbula f'Diċembru li għadda fil-Programm ta’ Ħidma ta’ Trio li ġie adottat fi Brussell. F'dan ir-rigward, l-isfida ewlenija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE se tkun li jinżamm il-momentum dwar il-ħidma mibdija mill-imsieħba fit-Trio tagħna din is-sena biex isir progress dwar il-Pakkett fuq l- Ekonomija Ċirkulari kif ukoll il-Pakkett dwar il-Klima 2030. Infurmat ukoll li dan se jinvolvi li Malta potenzjalment tressaq il-proposti leġiżlattivi li bħalissa hemm fuq il-mejda fil-Kunsill għal diskussjonijiet u n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar xi wħud mid-dossiers, kif ukoll tkompli tmexxi d-diskussjoniet fil-Kunsill fuq proposti li se tagħmel il-Kummissjoni matul din is-sena fl-istess kuntest tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-klima. Il-Ministeru qed jiffaċċja l-ikbar sfida tiegħu meta niġu għan-negozjati internazzjonali fl-oqsma tal-politika ambjentali u tal-klima, madankollu qed jittieħdu passi biex Malta tkun tista’ tiffaċilita l-kordinazzjoni Ewropea għal dawn in-negozjati.
Dipartiment tal-Artijiet – proċess ta’ konsultazzjoni għal siti għall-afforestazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet biex ikunu identifikati siti għal afforestazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li l-konsultazzjoni bejn il-Ministeru u t-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern għadhom għaddejjin f’tentattiv li tinstab art tal-Gvern tajba għall-afforestazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa d-Direttorat tal-Parks qed jagħmel stħarriġ preliminari fuq sit f’Bormla/Fgura u oħra fl-Imsida fl-inħawi tas-Swatar sabiex ikun jista’ jibda t-tħawwil ta’ siġar.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex se jkun qed jikkonsisti x-xogħol tal-Bord dwar l-Azzjoni fuq il-Klima li se jkun qed imexxi l-istrutturi li joħorġu mil-liġi dwar l-azzjoni fuq il-klima li l-Parlament approva b’mod anonimu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li x-xogħol tal-Bord dwar l-Azzjoni fuq il-Klima huwa stabbilit fl-Att (Kapitolu 543 Att Fuq Azzjoni Dwar Il-Klima) skont Artiklu 11, bl-għan li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att u jew ta’ kull regolament magħmul taħtu. Il-Bord iservi wkoll sabiex jagħmel ir-rabtiet meħtieġa u neċessarji mal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima. Ninsab infurmat ukoll li minn meta ġie mwaqqaf il-Bord, dan beda jiltaqa’ mal-partijiet interessati sabiex jibda konsultazzjoni meħtieġa u b’hekk iwettaq monitoraġġ biex Malta tkun konformi mal-obbligi tagħha skont il-UNFCCC u l-obbligi tagħha bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24193, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-miżuri li jaqgħu taħt il-programm imsemmi, u li nfetħu fit-28 ta' Marzu 2016? F'kull każ, meta hu mistenni li jagħlqu l-istess applikazzjonijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali bħalissa qiegħda tilqa’ miżuri Agro-Ambjent-Klima. Infurmat ukoll li l-miżuri li se jiftħu matul din is-sena huma: Numru 1 relatata mal-vinji u msaġar tal-frott, waqt li Numru 6b toffri għajnuna lil minn irabbi l-gendus Malti u Numru 6c għal min għandu siġar tal-ħarrub jew tut/ċawsli. Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni se tagħlaq fis-16 ta’ Mejju 2016 u l-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sad-9 ta’ Ġunju, iżda jkunu suġġetti għall-penali ta’ 1% għal kull ġurnata tard wara d-data tal-għeluq.