Legislature:
Category:
Reset
Active:

EU Disposal of PPE — Jobsplus

Question

Mir-rapport annwali tal-ETC, illum Jobsplus, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jagħti spjegazzjoni li jħoss neċessarju dwar dak li ġie indikat bħala loss (gain) tal-EU Disposal of PPE li fis-sena 2015 intefqu €119,581 mentri fl-2014 kien hemm dħul ta’ €4,161?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont imsemmi huwa dwar disposal tal-infiq li sar fuq infrastruttura ta’ binjiet li Jobsplus kienet għamlet iżda li m’għadhomx jintużaw u li ma ġewx diprezzati kollha.

EU Projects related expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn tul is-sena 2015 intefqu inqas flus f’EU Projects related expenditure?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kuntrarju għal dak li qiegħed jingħad fil-mistoqsija, in-nefqa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol matul is-sena 2015 kienet fil-fatt l-iktar waħda għolja fejn jikkonċerna proġetti taħt il-Programm Operattiv numru 2 (ESF) - €25,393,825.00, filwaqt li kienet it-tieni l-ogħla taħt il-Programm Operattiv numru 1 (ERDF) - €28,878,452.33. In-nefqa totali mill-2007 sal-2015 għall-ESF kienet ta’ €96,969,943.70 waqt li tal-ERDF kienet ta’ €127,090,089.69 b’total ta’ €224,060,033.39. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ spreadsheets, waħda tal-ESF u l-oħra tal-ERDF, li jagħtu dettalji tal-infiq li sar bejn l-2007 u l-2015, b’żieda sinjifikanti fl-infiq matul l-aħħar tliet snin.

Rabat Malta — Nuqqas ta’ aċċessibiltà fil-librerija pubblika – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, rigward nuqqas ta' aċċessibiltà fil-librerija pubblika tar-Rabat Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata. In-nuqqas ta' aċċessibiltà jirreferi għall-lift li kien hemm fil-binja li iżda ma jaqax taħt il-Libreriji Maltin. Infurmat li diġà ġew ikkuntattjati l-awtoritajiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni għal dan in-nuqqas ta' aċċessibiltà.

Alternative Learning Programme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm studenti jattendu l-Alternative Learning Programme?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li preżentement fl-Alternative Learning Programme qegħdin jattendu 155 student/a fl-ewwel sena u 24 student/a tat-tieni sena. B'kollox hemm 179 student/a.

Skola Mariam AlBatool – għajnuniet finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet għajnuna finanzjarja l-Iskola Mariam AlBatool mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum? Taħt liema forma ngħatat din l-għajnuna u jagħti d-data ta’ meta għaddiet kull għajnuna finanzjarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum l-iskola Mariam Albatool irċeviet is-somma totali ta’ €805,448.01 bħala għajnuna finanzjarja. Fl-2015 is-somma ta’ €18,012.24 kienet tappartjeni għall-perjodu Ottubru–Diċembru 2014. Ir-rimbors għas-salarji tal-Learning Support Assistants ngħataw fi Frar, Ottubru u Diċembru 2015, u fi Frar u Ġunju 2016. Ir-rimbors għall-proġetti kapitali ngħata f’Lulju 2015. Fl-2016 ma saretx claim. L-għajnuna finanzjarja skont kuntratt li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-iskola ngħatat f’Marzu, Awwissu u Novembru 2015 u fi Frar, Marzu u Mejju 2016.

Skola Mariam AlBatool – allokazzjoni finanzjarja għal sular ġdid

Question

Peress li fid-dikors tal-Budget għas-sena 2016 il-Ministru għall-Finanzi kien qal “Għas-sena d-dieħla wkoll lill-Iskola Mariam AlBatool se nagħtuha allokazzjoni finanzjarja biex jinbena sular ġdid biex jilqgħu aktar studenti”, jista’ l-Ministru jgħid meta ngħatat din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għajnuna għalkemm għadha ma ngħatatx qiegħda allokata għal titjib infrastrutturali. Dan għadu ma seħħx peress li għad jonqos permessi mill-Gvern tal-Libja.

Il-Gżira — Skola Ġużè Ellul Mercer – suġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm żgħażagħ jattendu fl-Iskola Ġużè Ellul Mercer ġewwa l-Gżira? Jista’ jgħid ukoll liema huma s-suġġetti li qed jiġu mgħallma fl-Iskola Ġużè Ellul Mercer fil-Gżira? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru u t-tul tal-lezzjonijiet li qed jiġu offruti f’din l-iskola ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-21 ta’ Ottubru 2016 kien hemm 99 student u studenta. L-istudenti jkollhom sitt lezzjonijiet ta’ ħamsin minuta l-waħda fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, fil-Fiżika jew fl-ICT. Barra minn hekk ikollhom ukoll tliet lezzjonijiet ta’ ħamsin minuta fl-Edukazzjoni Fiżika u fil-PSD. Qed nipprovdu wkoll lezzjonijiet tar-Reliġjon u tat-Taljan wara l-ħin għal numru ta' studenti. Dawn ikollhom żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda fil-ġimgħa għal kull suġġett.

Kap ta’ skola tal-istat li ġie deployed

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamenatari 27881, jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx it-talba tal-istess kap tal-iskola li tiġi deployed bħala uffiċjal edukattiv? Jista’ jgħid ukoll jekk twaqqafx xi bord li assessja l-kwalifiki fil-mużika ta' din il-kap tal-iskola? Jista’ jgħid ukoll x'inhu preżentement il-grad ta' din il-persuna minħabba li qed taqdi l-funzjoni ta' uffiċjal edukattiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li din il-persuna kienet esprimiet xewqa li tibdel il-ħidma tagħha għal raġunijiet ta’ natura personali. Twaqqaf kumitat ad hoc magħmul minn żewġ Diretturi li analizza t-talba tagħha. Matul dan l-eżerċizzju ġie verifikat li l-uffiċjal għandha kwalifiċi u esperjenza estensiva fil-qasam tal-mużika. Għaldaqstant, peress li ħabat li l-pożizzjoni ta’ Uffiċjal Edukattiv tal-Mużika kient temporanjament vakanti, setgħet tiġi offruta l-opportunità, li filwaqt li jibqa’ jinżamm il-grad ta’ Kap ta’ Skola, għal perjodu ta’ żmien definit tgħin lid-Dipartiment tal-Kurrikulu f’dan il-qasam. Hekk kif, l-Uffiċjal Edukattiv tal-Mużika rritornat lura minn barra l-pajjiż wara sena (fuq leave skont il-PSMC), l-uffiċjal l-oħra ntalbet tgħin f’qasam ieħor. Bħalissa l-istess persuna qiegħda taqdi dmirijiet ta’ Uffiċjal Edukattiv ta’ Snin Bikrin, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Mużika u Arti. Bħala kap ta’ skola primarja, hi kellha esperjenza estensiva f’dan il-qasam, speċjalment meta kienet kap ta’ skola Primarja A. Dan huwa post temporarju għaliex hija tista’ tintalab terġa’ lura bħala Kap ta’ Skola, skont l-esiġenzi tas-servizz.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol –konsulenti

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27900, u l-Excel Sheet f’verżjoni elettronika li ngħatat mat-tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni jew entitajiet li qed jipprovdu servizz ta’ konsulenza fiċ-ċelloli (cells) mmarkati bl-isfar li jidhru fid-dokument li qed jingħata separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-isem fl-ewwel ċellola huwa s-Sur Alfred Mallia. Sitta miċ-ċelloli l-oħra mmarkati bl-isfar ma kenux inklużi fil-kopja li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra peress li kienu kuntratti skaduti li tnejn minnhom reġgħu ġew imġedda u fil-fatt l-ismijiet ta' dawn iż-żewġ persuni jidhru fl-istess area of work tal-lista li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li persuna oħra kienet irriżenjat is-sena l-oħra u għalhekk isem din il-persuna ma deherx fuq il-lista mpoġġija. Fil-verżjoni elettronika jidher 'Advisor on sports at KMS' li bi żvista dan ma deherx fil-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan huwa s-Sur Mark Cutajar.

Aġenzija Għożża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-Aġenzija Għożża?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Servizz Għożża huwa servizz fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li joffri għajnuna u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u l-ġenituri tagħhom. Dan jintlaħaq permezz ta’ diversi programmi li jinkludu: 1. Program speċifiku għat-tfajla tqila li jiltaqa’ tliet darbiet fil-ġimgħa. 2. Grupp ta’ sapport għat-tfajla omm u t-tarbija li jiltaqa’ darba fil-ġimgħa. 3. Program ta’ appoġġ għall-ġenituri tal-ommijiet u missirijiet żgħażagħ. 4. Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-iskejjel Sekondarji kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti 5. Programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4. 6. Laqgħat ta’ Informazzjoni minn speċjalisti fil-qasam mediku, legali, edukattiv u soċjali. 7. Counselling għat-tfajla tqila/tfajla omm, il-partner u l-ġenituri tagħhom. 8. Żvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni li jirrifletti l-bżonnijiet tat-tfajla omm u tat-tarbija, flimkien ma’ professjonisti oħra. Dan jintlaħaq permezz ta’ networking ma’ entitajiet u aġenziji oħra fosthom Aġenzija Appoġġ, Servizz Benniena, Parentcraft, LEAP u l-Fondazzjoni tal-President għat-tisħiħ tas-soċjetà. Il-programmi ta’ prevenzjoni joffru tagħlim u informazzjoni dwar l-iżvilupp emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku tal-adolexxenti billi jiddiskutu temi speċifiċi bħal relazzjonijiet u esperimentazzjoni sesswali fost l-adolexxenti. L-informazzjoni dwar in-numru ta’ tfajliet tqal li ġew megħjuna matul is-sena skolastika 2015-2016, in-numru ta’ studenti u ġenituri li ħadu sehem fil-programmi ta’ prevenzjoni matul is-sena skolastika 2015-2016, u s-sessjonijiet ta’ Counselling u helping skills li saru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Literacy Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-Literacy Resource Centre?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul din l-aħħar sena, iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Litteriżmu tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu: · Ħoloq policy u service charter fuq l-operat tiegħu. · Żied il-kollezzjoni tiegħu b’1,200 ktieb/riżorsa. · Ta sapport lill-għalliema tal-litteriżmu u lill-kapijiet tad-dipartiment tal-litteriżmu. · Ta sapport lill-għalliema tal-primarja u l-LSAs fuq riżorsi/kotba tal-litteriżmu. · Sar it-tqassim tal-għamara u r-riżorsi sabiex iċ-Ċentru tar-Riżorsi jimxi għal binja ġdida li hija akbar u aktar komda għal min juża l-istess ċentru. · Ta għajnuna lill-iskejjel primarji tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Paola A u B fuq l-għażla ta’ riżorsi kif ukoll lill-Iskola Primarja ta’ San Alwiġi. · Il-katalgu taċ-ċentru tar-riżorsi tqiegħed fuq il-Fronter ħalli l-għalliema u LSAs ikollhom aċċess akbar għalih u jkunu wkoll jistgħu jibbukkjaw ir-riżorsi li jkunu jixtiequ jużaw elettronikament. · Iċ-Ċentru kien miftuħ għal min ikun jixtieq jużah: it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mit-8.30 sal-16.30, u t-Tlieta u l-Ħamis mit-8.30 sas-14.30 matul is-sena skolastika u kuljum mit-8.30 san-12.30 fis-sajf 2016.

Inizjattiva “Aqra kemm Tiflaħ”

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-inizjattiva “Aqra kemm Tiflaħ”?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-programm ‘Aqra kemm tiflaħ - Enriching Classroom Libraries’ fis-sena skolastika 2014-15 sa Ġunju 2016 tqassmu 22,915 ktieb bil-Malti u bl-Ingliż f’52 skola primarja u dawn il-kotba qegħdin jintużaw minn 5,000 student/a. Magħhom tqassmu wkoll 500 riżorsa abbinati mal-istess kotba. Fl-2016, għall-ewwel darba wkoll, il-programm ‘Aqra kemm Tiflaħ’ iddaħħal ukoll fi tliet skejjel medji, jiġifieri l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, in-Naxxar u Bormla. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda tippjana li fit-tliet snin li ġejjin il-programm ‘Aqra Kemm Tiflaħ’ jinfirex fl-iskejjel primarji kollha ta’ Malta u Għawdex, u b’hekk kull klassi mill-1 sas-6 sena jkollha librerija attrezzata b’mill-inqas 100 ktieb; 50 ktieb bil-Malti u 50 ktieb bl-Ingliż, kotba kemm fittizji kif ukoll fattwali.

Skolasajf

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta' Skolasajf għal din is-sena? Kemm kien hemm tfal li applikaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ Skolasajf din is-sena kien bejn it-13 ta’ Lulju u s-7 ta’ Settembru, 2016 u matul dan il-perjodu ġiet esplorata t-tema ta' 'Rispett lill-kulħadd'. In-numru ta’ tfal reġistrati kien 11,184 fi 63 Ċentru li minnhom 10 kienu f’Għawdex, 3 Ċentri ta’ Riżorsi, u s-Sannat Special Unit. Il-ħinijiet ta’ Skolasajf kienu bejn it-08.30 ta’ filgħodu u n-12:30 ta’ wara nofsinhar. Madankollu, fit-30 ċentru li se nsemmi ġie offrut ħin estiż mis-07.00 sat-8.30 ta’ filgħodu u min-12.30 sal-17.30 ta’ filgħaxija. Attard Luqa Pembroke St Venera Birżebbuġa Mellieħa Qormi SG Valletta Birkirkara Mġarr Rabat Żabbar Cospicua Mosta San Ġwann Żebbuġ Fgura Marsascala Siġġiewi Żejtun Floriana Naxxar Sliema Żurrieq Ħamrun GP Paola San Ġiljan Xagħra San Pawl il-Baħar Victoria It-temi li ġew diskussi matul is-sajf kienu: 1. Respect for Myself 2. Respect for Family and Friends 3. Respect for the Environment 4. Respect for Animals 5. Respect for my Country 6. Respect for Different Cultures 7. Respect for Work Iċ-ċentri kienu wkoll imħeġġa jagħmlu attività flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex inressqu viċin ix-xogħol li jsir fil-komunità. Iċ-ċentri organizzaw ukoll attività b’risq il-Malta Community Chest Fund. Għat-tieni sena Skolasajf ħadmet ukoll man-National Literacy Agency bil-programm Aqra fis-Sajf. Kien hemm ukoll attivitajiet ta’: - Sport - Futsal - Health Factor Programme mal-istudenti tal-età tal-Kindergarten - Kwizz edukattiv ibbażat fuq it-temi msemmija. Kompetizzjonijiet li ġew organizzati waqt Skolasajf: - Wasteserv - Selfie with my pet – Animal Welfare - Peacelab - Transport Malta - Aqra fis-Sajf Bookmark Competition - French Dutch German Embassy Kien hemm ukoll numru ta’ entitajiet u NGOs li taw sehemhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm billi offrew sessjonijiet f’ċentri differenti ta’ Skolasajf.

Sena skolastika li jmiss – skejjel tal-istat — għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu n-numru ta' għalliema fl-iskejjel tal-istat għas-sena li ġejja? X'persentaġġ minnu huma supply teachers?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-total ta' għalliema fl-iskejjel tal-istat hu ta' 3,874 li minnhom 239 huma supplenti, ekwivalenti għal 6.17%. Mit-total mogħti hemm 250 għalliem li qegħdin fuq xi tip jew ieħor ta' leave. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-figuri mogħtija jinbidlu matul is-sena skolastika.

Sena skolastika li jmiss – skejjel tal-istat — LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu n-numru ta' LSAs fl-iskejjel tal-istat għas-sena li ġejja? X'persentaġġ minnu huma supply LSAs?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-24 ta’ Ottubru 2016 fl-iskejjel ta’ l-istat hemm 2336 edukatur fil-gradi ta’ LSA. Minnhom 896 huma Supply LSA. Mill-ewwel total mogħti, 45 LSA u 8 Supply LSA bħalissa qegħdin fuq parental jew career jew unpaid study leave. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-figuri mogħtija jinbidlu matul is-sena skolastika.

Jobsplus — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn kien hemm żieda doppja fl-infiq tat-tindif (cleaning) mill-korporazzjoni ETC, illum Jobsplus, bejn is-sena 2014 fejn intefaq €71,369 u s-sena 2015 fejn intefqu €145,043?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor' Interpellant li ż-żieda msemmija hija dovuta għal dawn ir-raġunijiet: · Żieda fis-sigħat tal-kuntrattur; ftit iktar minn 800 mitt siegħa minħabba l-uffiċini ta’ Pembroke u Mtarfa li tammonta għal kwazi €6,800. · Żieda fir-rata ta’ ħlas; minn €5.85 fis-siegħa fl-2014 għal €7.56 fl-2015 inkluż VAT – total ta’ sigħat maħduma kienu ftit iktar minn 16,900 li jammonta għal €29,000. · Invoices tas-sena 2014 li tħallsu fl-2015 - €31,000.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati b’contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati b'contract for service fil-preżent mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol inkluż fis-segretarjati privati tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari, kif ukoll mad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Jista’ jagħti lista ta’ min huma, kemm hi r-rata li qed jitħallsu biha u kemm kienet in-nefqa s'issa għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 58 persuna mad-Direttorati u 29 persuna maż-żewġ segretarjati privati li għandhom contract for service. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wħud minn dawn il-persuni diġà ġew inklużi fil-lista li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27900.

Skejjel tal-Istat – nefqa fuq teaching aids

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn kull skola tal-Istat fuq teaching aids edukattivi, matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kienu dawn ir-riżorsi, skola bi skola u sena b'sena u f'liema kwalità? Kif ġiet koperta n-nefqa għal dawn ir-riżorsi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għall-fatt li mistoqsija bħal din fejn tintalab informazzjoni dettaljata, skola bi skola, fuq medda ta' ħames snin, tinħtieġ ħafna xogħol u riżorsi sabiex tinġabar. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni bdiet tkun disponibbli b'mod elettroniku mis-sena 2014. Qabel l-2014 kien jintuża programm ta' Cash Accounts li kien disponibbli f'livell ta' skola jew bħala hardcopy fit-taqsima tal-Accounts. L-Onor. Interpellant għandu japprezza illi minbarra r-riżorsi umani li tinħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni manwalment qabel l-2014, iż-żmien huwa limitat ħafna. Madankollu, peress li kien diġà sar xogħol b'konnessjoni ma' PQ preċedenti bl-istess suġġett, ninsab f'pożizzjoni li nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta' infiq fuq teaching aids edukattivi skola bi skola għas-sena 2014. Din it-tabella tikkonferma l-vastità tal-informazzjoni mitluba.

Endeavour Programme – studenti li applikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta’ studenti li applikaw kull sena li nfetħu l-applikazzjonijiet għall-Programm Endeavour skont il-Livell MQF? Kemm kienu l-istudenti li ngħataw scholarship u x’finanzi huma disponibbli għall-istudenti fil-Gruppi MQF rispettivi? Jista’ jelabora wkoll fuq il-proċedura adottata fil-proċess tal-għażla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikanti għall-Programm Endeavour skont il-livell MQF huwa kif se nsemmi: Sena Endeavour Grupp A Nru. ta’ applikanti MQF 7 MQF 8 Baqgħu eliġibbli Nru. ta’ boroż ta’ studju 2015 313 279 34 *284 MQF 7 * 18 MQF 8 * 229 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 18 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 2016 311 284 27 *284 MQF 7 * 18 MQF 8 * 153 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 16 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 Sena Endeavour Grupp B Nru. ta’ applikanti MQF 7 MQF 8 Baqgħu eliġibbli Nru. ta’ boroż ta’ studju 2015 319 226 93 *181 MQF 7 * 74 MQF 8 * 26 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 31 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 2016 408 297 111 *228 MQF 7 * 79 MQF 8 * 22 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 44 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 Għall-Endeavour Grupp A qed jiġu allokati 7 miljun ewro fuq firxa ta’ ħames snin jiġifieri għal perjodu 2015 – 2020. Sa issa diġà nħarġu żewġ sejħiet taħt din l-iskema u diġà ngħataw 416-il borża ta’ studju għal valur ta’ madwar 3.7 miljun ewro (382 fil-livell ta’ Masters u 34 fil-livell ta’ PhDs/Professional Doctorates). Il-kumplament tal-fondi li jammonta għal madwar 3.3 milljun ewro iridu jiġu utilizzati għat-tliet sejħiet oħra maħsuba taħt dan il-proġett. Fil-każ ta’ Endeavour Grupp B, ta’ kull sena l-Gvern jalloka 900,000 ewro mill-vot tal-Edukazzjoni biex imantni boroż ta’ studju li jiġu mogħtija taħt dan il-grupp. Sa issa diġà ngħataw 122 borża ta’ studju (47 fil-livell ta’ Master u 75 fil-livell ta’ PhD/Professional Doctorates). Fir-rigward tal-proċedura adottata fil-proċess tal-għażla, qed tintuża l-istess proċedura li kienet tintuża mill-Gvern preċedenti għall-programmi STEPS u l-Malta Government Scholarships Schemes (MGSS). Għal dan il-għan il-Gvern ħatar żewġ bordijiet tal-għażla, wieħed għall-Endeavour Grupp A u ieħor għall-Endeavour Grupp B, flimkien ma’ Bord tal-Appelli. L-Endeavour Grupp A Bord u l-Endeavour Grupp B Bord inħatru għal perjodu ta’ sentejn u huma inkarigati mill-proċess tal-għażla wara li kull applikant/a li j/tibqa’ eliġibbli j/tissejjaħ għal intervista. L-intervisti huma bbażati fuq il-kriterji msemmja fir-regolamenti abbinati ma’ l-istess skema. L-ammont ta’ boroż ta’ studju li jingħataw jiddependi minn kemm ikun jiswa kull kors flimkien mal- allowances dovuti u l-valur kumplessiv ta’ kull borża ta’ studju rispettivament kif spjegat fir-regolamenti ta’ din l-iskema.

Endeavour Programme – fondi li ma ġewx allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx fondi li ma ġewx allokati taħt il-Programm Endeavour? Jekk iva, hemm intenzjoni li dawn il-fondi jiġu trasferiti fi grupp ieħor fi ħdan l-istess programm biex jikkompensaw għall-assorbiment akbar ta’ fondi f’sezzjoni oħra tal-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi allokati għall-programmi Endeavour għal din is-sena intużaw. L-Endeavour Scholarships Scheme hija skema li hi maqsuma f’żewġ kategoriji jiġifieri Grupp A u Grupp B. Grupp A huwa programm intenzjonat biex jiġi parzjalment iffinanzat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-Fond Soċjali Ewropew, filwaqt li Grupp B huwa sosnut minn fondi lokali. B’dana illi proġett li jkun qed jibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropeja mhux aċċettabli u ma jistax isir trasferiment ta’ fondi minn proġett tal-EU għall-iskema lokali. Bl-istess mod kif ma setax isir meta kien hemm il-programmi STEPS u MASTER it! versus il-Malta Government Scholarships Scheme –Postgraduate Scheme (MGSS – PG). Għall-Endeavour Grupp A qed jiġu allokati 7 miljun ewro fuq firxa ta’ ħames snin jiġifieri għal perjodu 2015 – 2020. Sa issa diġà nħarġu żewġ sejħiet taħt din l-iskema u diġà ngħataw 416-il borża ta’ studju għal valur ta’ madwar 3.7 miljun ewro (382 fil-livell ta’ Masters u 34 fil-livell ta’ PhDs/Professional Doctorates). Il-kumplament tal-fondi li jammonta għal madwar 3.3 milljun ewro iridu jiġu utilizzati għat-tliet sejħiet oħra maħsuba taħt dan il-proġett. Fil-każ ta’ Endeavour Grupp B, ta’ kull sena l-Gvern jalloka 900,000 ewro mill-vot tal-Edukazzjoni biex isostni u jmantni boroż ta’ studju li jiġu mogħtija taħt dan il-grupp. Sa issa diġà ngħataw 122 borża ta’ studju (47 fil-livell ta’ Master u 75 fil-livell ta’ PhD/Professional Doctorates). M’hemmx lok ta’ fondi jiġu trasferiti minn grupp għall-ieħor kif spjegat.