Jista' l-Ministru jwieġeb għal mistoqsija parlamentari nru. 24452?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġetti li qed isiru bi ftehim mal-Kunsilli Lokali huma:
i) Xoghol ta' upgrading fiz-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali Mġarr, Malta (valur ta' offerta ta' Paving - Lm17,151);
ii) Xogħol estensiv ta' upgrading fil-Ġnien King George V, Floriana (valur Lm100,000) (sena 2001 - Lm40,000 u sena 2002 - Lm60,000);
iii) Upgrading fil-Car Park f'Għar Lapsi l/o Siġġiewi (valur Lm21,000);
Barra dan għaddejin xogħlijiet fuq lokalitajiet turistiċi i.e. Sliema u San Ġiljan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' mobile phones li ntużaw u tħallsu mill-voti tal-Ministeru ta' l-Ambjent matul l-1999 u 2000? Kemm kienet l-ispiża tagħhom globali kull sena separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' 'Mobile Phones' li ntużaw u tħallsu mill-voti tal-Ministeru għall-Ambjent matul l-1999 u l-2000 kien hekk:
Sena Nru. Spiża
-------------------------------------------------------------------
1999 23 Lm10,174.64
2000 24 Lm16,845.94
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ għadhom jaħdmu mingħajr maskla? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li l-maskli qegħdin fl-istore u baqgħu ma tqassmux lill-ħaddiema? Jista' jgħid meta waslu fl-istores dawn il-maskli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li l-użu tal-maskli ma setax jibda qabel ma saru l-arranġamenti kollha meħtieġa fi store apposta li kellu jitwaqqaf propju għall-użu ta' dawn il-maskli. L-iskop ta' dan l-istore huwa li permezz ta' ħaddiema li ntgħażlu volontorjament u li rċevew taħriġ apposta, l-apparat kollu jkun jista' jinżamm u jiġi mantenut f'kundizzjoni tajba. M'huwiex fil-ħsieb tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li l-apparat jinħareġ fuq bażi personali u jingħata lin-nies bħala issue personali. Kull min ikollu bżonn l-apparat jista' jieħdu minn dan l-istore u jerġa' jirritornah x'ħin ilesti. In-nies li hemm ġo dan l-istore huma inkarigati biex jaraw li l-apparat jirritorna lura f'kundizzjoni tajba u biex inaddfu dan l-apparat kif meħtieġ.
L-użu ta' dan l-istore ittardja xi ftit minħabba li parti mill-apparat ġie kkunsidrat mhux skond kif talab id-dipartiment u b'hekk kellu jerġa' jintbagħat lura biex jinbidel.
Il-maskli huma disponibbli għal kull ħaddiem fid-Dipartiment wara li dawn ingħataw taħriġ intensiv dwar l-użu u taħriġ ieħor relatat li wkoll kellu jieħu xi żmien biex il-ħaddiema jkunu ppreparati tajjeb.
Id-data ta' meta l-apparat ħażin inbidel u ġie kkunsenjat lid-Dipartiment hija l-Ġimgħa 16 ta' Frar 2001 iżda wieħed japprezza li wara din id-data kellu jsir xogħol ta' ppjanar fuq l-apparat bħal, eżempju jitwaħħlu n-numri (identification tags) fuq il-maskli kollha eċċ.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jerġa' jsir eżami għal dawk il-labourers fid-dipartiment tax-xogħlijiet li jkunu jixtiequ jiġu kkunsidrati bħala rubble wall builders? Xi grad ikunu meta jikkwalifikaw għal rubble wall builders? Kemm hemm rubble wall builders jaħdmu mad-dipartiment tax-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet bħalissa qed taħdem fuq il-proċess biex tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew postijiet vakanti bħala Senior Operative (Scale 17 - Rubble Wall Builder). L-impjegati kollha minn grupp 1 'il fuq huma eliġibli biex japplikaw għal dan il-post.
Fil-preżent, fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, hemm 16-il persuna fil-grad ta' Senior Operative (Rubble Wall Builder).
Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex l-area tal-barrakka ta' isfel u l-madwar tingħata dehra aħjar kif tixraq? Jista' jara li jkun hemm aktar dawl, u jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm latrina?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant rigward id-dawl ser tiġi mistħarġa. Għar-rigward tal-latrina ser jinħarġu l-offerti għal din fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-inkjesti li kellhom isiru dwar l-inċident fil-fossa tad-drenaġġ li seħħ aktar minn sena ilu? Meta se jiġu konklużi dawn l-inkjesti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18782 (Seduta 364). Il-pożizzjoni għadha l-istess.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħlijiet li kienu approvati li jsiru taħt il-vot ta' l-embellishment għal matul din is-sena u l-lokalita' fejn se jitwettqu dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru taħt il-vot ta' l-embellishment (Touristic Areas) għal matul din is-sena huma dawn li jidhru hawn taħt:
1. Sliema - It-tieni fażi tax-xogħol fuq il-Promenade (minn fejn it-Torri sa fejn Barracuda Restaurant) li jinkludi wkoll upgrading tal-playing field ħdejn it-Torri, restawr tat-Torri u rranġar tal-playing field fi Ġnien Indipendenza. Xogħol fuq il-bankini u storm water system fi Triq it-Torri u n-naħa tar-residenzi.
2. San Ġiljan - L-ewwel fażi ta' upgrading tal-promenade fi Triq Ġorġ Borg Olivier minn fejn iċ-Chains sa fejn il-pitch tal-waterpolo ta' San Ġiljan.
3. Marsascala.
* Xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' San Tumas (ix-xogħol jinbeda hekk kif joħroġ il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.)
* Tkomplija tax-xogħol fuq il-Promenade (minn ħdejn Spigola Restaurant sa St. George's Street).
* Qed jiġu ppreparati t-tenders għat-tielet u r-raba' fażi ta' restawr tat-Torri ta' San Tumas u r-redoubt.
4. Marsaxlokk
* Xogħol ta' resurfacing ta' parti minn Triq il-Wilġa.
* Għarik tal-pavimentar tal-gawwi f'Misraħ il-Parroċċa.
* Xogħol ta' retaining walls ħdejn il-ground tal-futbol.
5. Birżebbuġia - Tlestija tax-xogħol fil-Bajja s-Sabiħa.
6. Buġibba/Qawra - Hu ppjanat li jinbeda xi xogħol fl-inħawi tax-Xemxija in kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-Ministeru tat-Trasport.
Fid-dawl tal-ġrieden, siringi u skart li spiss qed ikun hemm faċċata tal-bini fi Triq l-Istefanotis, San Ġwann, jistgħu jittieħdu passi mid-dipartiment konċernat u possibbilment flimkien mal-kunsill lokal biex jissebbah l-ambjent u jiġi indirizzat dan l-inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Ambjent kien diġa' beda t-tħejjijiet neċessarji biex isir proġett ta' tisbiħ u titjib f'dan il-post. Sadanittant il-Ministeru qed jagħmel il-verifiki meħtieġa dwar jekk l-area in kwestjoni hix art pubblika jew le.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk investigax l-ilmenti li jirriżultaw fil-wholesalers area f' Ta Qali kif rapurtati fil-ġurnal l-orizzont ta' nhar l-Erbgħa 14 ta' Marzu, 2001 mil-lat ta' impatt fuq l-ambjent?
Jista' jinfurmani x'miżuri ħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestiga l-kontenut ta' l-ittra msemmija.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari nru. 24277 fid-dawl tar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 24271?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saru diversi xogħlijiet kemm il-darba, minħabba l-vandaliżmu. Għaldaqstant, ix-xogħlijiet meħtieġa, jiġifieri l-bdil tal-bieb u l-ħġieġ miksur għandhom isiru mill-ġdid. Manutenzjoni tal-plumbing għandha ssir ukoll.
Jista' l-Ministru jara li jieħu passi biex jitwaqqa il-bini li hemm qrib Conception Str, Imsida li apparti milli mhuwiex abitat jinsab fi stat ta' abbandun u f'qagħda perikoluza ferm kif jixhdu l-prekawzjonijiet li kellhom jittieħdu xi ftit tal-ġranet ilu peress li dan il-bini qed iservi biss biex jitrabbew l-annimali fih b'periklu kbir għas-saħħa tar-residenti tal-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-perit inkarigat mid-'Dangerous Structures' ġie mitlub jinvestiga l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala f'xi ħinijiet id-drenaġġ qiegħed ifur minn man hole li hemm fit-triq ta' taħt l-Imdina qabel il-bridge il-ġdid li hemm fejn is-sala Olive Gardens, l/o Mdina?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li permezz tal-'jetting/suction bowser' ittella' waste u anke biċċa njama minn quddiem l-Olive Gardens.
Peress illi fil-viċinanzi jitbattlu l-bowsers, ħa titnaddaf biċċa mina fil-viċin bin-nies tad-'deep sewers' peress li jista' jkun illi hemm ħafna sludge u għalhekk tista' tikkontribwixxi għal fawran spiss f'dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid meta inbeda x-xogħol ta' pavimentar tal-pjazza Assedju l-Kbir (quddiem il-Qrati) fil-Belt?
Meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol peress li fl-istat li qiegħda l-pjhazza din toħloq inkonvenjent kbir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kien hemm xi dewmien fil-proġett minħabba l-fatt li meta nqalgħet l-art li kien hemm, instabu l-pedamenti tal-monument oriġinali (jiġifieri l-funtana ta' qabel l-1927) u minħabba dewmien fl-għoti tat-tender tal-madum. Il-proġett għandu jitkompla f'dawn il-ġranet peress li l-materjal meħtieġ issa wasal u ngħata lill-kuntrattur li se jagħmel il-paviment.
Jista' l-Ministru jara li jsiru safeguards minn min hu responsabbli fuq il-bankina fi Bishop Scicluna Street, Qormi fejn twaqqet dar u bħalissa hemm ħofra fonda li hija ta' periklu għal kulħadd partikularment għat-tfal ta' l-iskola li jgħaddu b'numru kbir propju minn din l-area?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż il-post fejn sejrin isiru l-uffiċji ta' l-Awtorita' tar-Riżorsi?
Jekk fl-affermattiv fejn hu dan il-post u kemm se jintefqu flus sabiex jiġu irranġati dawn l-uffiċji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-uffiċċji ta' l-Awtorita' tar-Riżorsi sejrin jokkupaw parti żgħira minn Block A tal-Furjana. Dan ser isir bħala miżura temporanja, sakemm jinstab post adatt.
Il-parti l-kbira tax-xogħol sar bin-nies tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. L-ispiża tal-kuntratturi privati s'issa tlaħħaq is-somma ta' madwar Lm5,000.
Ta' min jgħid li ntagħżel dan il-post peress li x-xogħol ta' riabilitazzjoni kien avvanzat. Ix-xogħol li sar fuq dan il-post ried isir xorta waħda, u f'din il-parti, meta jitilqu l-Awtorita', jidħlu l-Contracts & Supplies Section.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jintbagħtu periti tal-gvern jeżaminaw l-ħsarat strutturali li saru fil-bini ta' 57, Triq Spinola, San Ġiljan (ritratti qed jintbagħtu separatament) mill-kuntrattur li kien qed jaħdem fuq il-bini li jmiss ma' dan il-fond?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar mill-Perit inkarigat mid-'Dangerous Structures' tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija fit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Dan ir-Rapport ġie mgħoddi lill-Pulizija ta' tas-Sliema fid-9 ta' Marzu 2001 biex dawn jieħdu l-passi meħtieġa.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24271 u tweġiba ċioe il-Lm 11,200 li d-Dipartiment ta' l-Artijiet għadda lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni biex jiġi ranġat it-taraġ tas-suq tal-belt, jista' l-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi?
Meta se jiġi rranġat dan it-taraġ sabiex ikun hemm aċċessibilita' aħjar partikolarment għall-anzjani?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt biex isiru dawn it-tiswijiet diġa' ġie mogħti u għandu perjodu ta' tmien ġimgħat biex dan ix-xogħol jitlesta.