Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #30699 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Akwakultura — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' studenti mill-pajjiżi Għarab u Afrikani li tħarrġu fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Akwakultura f'San Luċjan matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 29992 li kienet identika għal din il-mistoqsija. Inżid ngħid li f'San Lucjan ma jeżisti l-ebda Ċentru Nazzjonali ta' l-Agrikoltura.
Leg 9 PQ #30703 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produtturi — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar PQ 30498?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija l-istess bħal dik mogħtija għall-mistoqsija identika u cioe' il-Mistoqsija Parlamentari numru 30340 li ġiet imwieġba fit-12 ta' Diċembru 2001 f'seduta 669, u cioe’, biex inġeddu l-memorja ta’ kullħadd, ir-risposta kienet kif ġej: “Preżentement qed isiru diskussjonijiet mall-partijiet konċernati fir-rigward ta' l-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture li qed jitħejja għas-settur agrikolu. It-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata meta jintemmu dawn il-konsultazzjonijiet.”
Leg 9 PQ #31213 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Armier — Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li rreġistraw l-art li jaħdmu fl-Armier u li issa se tittieħed biex fuqha jinbnew il-beach rooms?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li r-reġistrazzjoni ta' dan ir-raba saret fuq skema mnedija mill-Ministeru ta' l-Intern, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ġonna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isiru fil-ġonna ta' 1) Argotti 2) Fil-Moll 3) Barrakka ta' Fuq 4) Barrakka t'Isfel 5) Hastings 6) Romeo Romano bħalissa? X'hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa fil-ġonna msemmija huma dawn: 1. Ġonna ta' l-Argotti a). Xogħol strutturali u bdil ta' saqaf ta' ġibjun li hu perikoluż. b). Bdil ta' żewġ pilastri tal-bieb tan-nofs minħabba li huma perikolużi. c). Irranġar tal-passaġġi prinċipali. 2. Il-Moll tal-Furjana a). Xogħol normali ta' taħwil ta' l-istaġun. 3. Barrakka ta' Fuq a). Xogħol normali ta' taħwil u irranġar tal-vaska tan-nofs. 4. Barrakka ta' Isfel a). Qiegħed jitkompla x-xogħol strutturali fuq il-proġett ta' restawr tal- monument ta' Sir Alexander Ball. 5. Ġnien Hastings - Valletta a). Mistenni li jibda x-xogħol fuq il-ħajt ta' barra l-ġnien. 6. Ġnien Romeo Romano, Sta Venera a). Qiegħed jitkompla xogħol ta' tqegħid ta' ċangatura fil-passaġġi prinċipali.
Leg 9 PQ #30688 Sitting 688 2002-01-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa full-time u part-time li daħlu l-biegħa/prodott tagħhom fil-Pitkalija Ċentrali is-sena li għaddiet? Kemm kienet il-kwantita' ta' ħxejjex u frott separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul is-sena 2001 daħlu fil-Pitkalija Ċentrali 28,651,667 kgs ħaxix u 1,852,476 kgs frott. L-istatistika rigward in-numru ta' bdiewa nvoluti qed tinġabar.
Leg 9 PQ #30677 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta' l-inħawi fejn se jsiru l-proġetti ta' landscaping mħabbra fil-Budget? Min huma l-uffiċjali responsabli minn dawn il-proġetti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30581.
Leg 9 PQ #30678 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

PA — Winery tal-Buskett

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-periti li sottomomettew il-pjanti lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-iżvilupp fil-winery tal-Buskett? Kif ġew magħżula dawn il-periti u x'esperjenza għandhom għall-iżviluppi maħsuba li jsiru fil-winery tal-Buskett?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-pjanti għall-iżvilupp fil-Winery tal-Buskett ġew sottomessi minn perit li tqabbad mid-Dipartiment bħala konsulent għal dan ix-xogħol. Dan il-perit għandu l-esperjenza meħtieġa għax-xogħol li hu ppjanat.
Leg 9 PQ #30679 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Għaqdiet tal-Bdiewa — Winery tal-Buskett

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani liema kienu dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li ġew avviċinati u imħajra mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex jiżviluppaw il-winery tal-Buskett matul l-aħħar snin? Meta saru l-laqgħat u x'kienu ir-riżultati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ma saru l-ebda laqgħat mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma' l-għaqdiet tal-bdiewa fl-iżvilupp tal-Winery tal-Buskett matul l-aħħar snin.
Leg 9 PQ #30680 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Winery tal-Buskett

Question

Kemm hija s-somma ta' flus ivvutati sabiex id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jwettaq il-proġett fil-winery tal-Buskett?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-flus għall-iżvilupp tal-Winery fil-Buskett se jinħarġu skond il-ħtieġa mill-Vot X Capital Item 7006 u 7019, kif ippublikati fl-Estimi għas-sena 2002.
Leg 9 PQ #30681 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ġonna tal-Buskett — Xogħolijiet u Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x-xogħolijiet ta' manutenzjoni saru fil-ġonna tal-Buskett matul is-sena 2001? X'siġar tħawlu u x'tip u daqs? Kemm kien in-numru ta' siġar li nqerdu kawża tal-maltemp u l-vandaliżmu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet li saru fil-ġonna tal-Buskett, matul is-sena 2001, jikkonsistu prinċipalment f'tiswija ta' l-arkata ta' taħt il-forn u tiswija ta' madwar għaxar selħiet ta' ħitan tas-sejjieħ. Tħawlu madwar 375 siġra tal-Pinus, Cupressus, Populus, Olea u Quercus ta' mhux aktar minn metru u nofs tul, u sentejn eta'. Tmien siġar ġew irrappurtati li nqerdu kawża ta' maltemp u vandaliżmu.
Leg 9 PQ #30671 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Aps Bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar u arbuxelli fil-serer li l-Aps Bank kien sponsorja lis-sezzjoni urban & rural landscaping s-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fis-serer tal-Aps Bank tkabbru 5,190 cuttings u 6,800 xitla minn żerriegħa. Bħalissa hemm miżrugħa madwar 173,000 żerriegħa ta' siġar u arbuxelli.
Leg 9 PQ #30672 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu esportati l-ewwel kwantitajiet ta' ħut tal-fish farms lokali, din is-sena b'nofs id-dazju l-UE timponi fuq din l-industrija lokali? Meta fil-fatt intlaħqu dawn l-arranġamenti bejn il-Gvern Malti u l-UE? Għall-kemm żmien l-UE se tibqa timponi l-parti l-oħra tal-levy/dazji fuq dan il-ħut?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-fish farms Maltin jipprevedu li jibdew jesportaw minn nofs Jannar 'il quddiem. Fir-rigward tad-dettalji l-oħra mitluba, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall- "Additional Protocol Fixing the Provisions Applicable to Trade in Certain Fish and Fishery Products to the Agreement Establishing an Association between the European Economic Community and Malta". Kopja ta' dan id-dokument qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #30674 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Kompetizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kif se jkun possibli għall-bdiewa li jbiegħu l-prodott tagħhom fis-suq lokali kontra l-kompetizzjoni li ġġib magħha t-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies matul din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Gvern għandu kull fiduċja fil-bidwi Malti u l-prodott Malti. Għaldaqstant il-Gvern se jipprovdi għajnuna speċjali u partikolari biex il-bidwi Malti jegħleb kull diffikulta' li toffri il-kompetizzjoni waqt li l-levies jonqsu gradwalment. Minn naħa tiegħu, il-bidwi mistenni jtejjeb il-preżentazzjoni, l-varjeta' u l-kwalita’.
Leg 9 PQ #30675 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema partijiet ta' Malta saru xogħlijiet ta' landscaping mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul is-sena 2001? Kemm minnhom saru fuq talba tal-kunsilli lokali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minħabba in-nuqqas kbir ta' xita, il-kwantita' u l-kwalita' ta' xogħol ta' landscaping kellu jkun limitat. Madankollu saru xogħlijiet ta' landscaping ta' natura limitata mal-Kunsilli li għandhom kuntratt mad-Dipartiment f'dawn l-inħawi: Mellieħa, Mġarr, Naxxar, Mosta, Rabat/Baħrija/Mtarfa, Birkirkara, Iklin, Għarghur, Mdina, Imrieħel, Balzan/Lija, Swieqi, San Ġwann, San Ġiljan, Sliema, Pieta', Floriana, Valletta, Żebbuġ, Marsa, Paola, St. Luċija, Bir-id-Deheb, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Għar Dalam, Safi, Mqabba, Kirkop, Qrendi, Kalkara, Birgu, Bormla u Xgħajra.
Leg 9 PQ #30676 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar matul is-sena 2001, f'Malta u Għawdex separatament mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u x'tip u x'etajiet u daqs kellhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

F'ambjent ħarex minħabba xita limitata f'Malta, tħawlu madwar 4,950 siġra ta' madwar sentejn jew għoli ta' metru u nofs. Dawn kienu tat-tip: Cypressus, Olea, Ficus, Cassia, Punica, Lagunaria, Brachychiton, Pinus, Prunus, Pyrus, Thuya, Cercis, Tamarisk, Laurus, Casuarina, Chamaerops u Duranta. Dwar Għawdex, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #30639 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħitan tas-Sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li ħfna bdiewa, kawża tal-maltemp li għamel ħerba, iġġarrfulhom diversi ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi ta' l-Imtaħleb, Kunċizzjoni, Landrijiet u l-Baħrija, jista' jara li ssir manutenzjoni meħtieġa u ċioe jitlob wkoll l-għajnuna tad-dipartiment ta' l-ambjent u tax-xogħlijiet pubbliċi sabiex jitranġaw dawn il-ħitan hekk karatteristiċi u tradizzjonali barra li huma ta' mportanza għall-mistier tal-biedja? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-Dipartiment sal-lum għad m'għandux taqsima responsabbli mill-bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Qegħdin fil-proċess avanzat biex jiġi ffurmat grupp għat-tiswija ta' dawn it-tip ta' ħitan. Sadanittant talbiet għal tiswija fil-ħitan tas-sejjiegħ jiġu riferuti lit-Taqsima tal-Countryside fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent.
Leg 9 PQ #30640 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Talba għall-Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li rapurtaw il-ħsarat li kkawżalhom il-maltemp fix-xahar ta' Diċembru 2001? Kemm tammonta it-talba għall-ħsarat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-maltempata tal-11 ta' Diċembru, 2001 ikkaġunat ħsara f'uċuh tar-raba lil11-il bidwi, fin-naħat ta' Ħad-Dingli. Din il-ħsara, kif stmata mill-bdiewa nfushom kienet tammonta għal Lm8,675. Madankollu, fl-opinjoni ta' l-uffiċjali tat-Taqsima ta' l-Agrikoltura u Żvilupp Rurali, uħud mill-uċuh, speċjalment il-patata, setgħu jirkupraw minn din il-ħsara.
Leg 9 PQ #31000 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Konsulenti Mhux Legali — Ħlas

Question

Liema huma il-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek? Kemm qed jitħallsu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd u mad-Dipartimenti li jaqgħu taħtu hemm b’kollox tmien konsulenti. Dawn huma: Is-Sur M Camilleri, is-Sur S Deguara, is-Sur Z Peric, is-Sur R Vassallo Agius, is-Sur E Attard, is-Sur D Dandria, is-Sur A Grech u s-Sur J Pirotta. Il-kuntratti tas-Sur Z Peric u s-Sur A Grech għalqu ftit ilu u se tintalab estensjoni. Erbgħa minn dawn il-konsulenti jitħallsu bir-rata ta' Lm 8,516 fis-sena u allowance ta' Lm 80 fix-xahar għall-fuel u mobile phone. Konsulent çħor jitħallas bir-rata ta' Lm 9,621 fis-sena kif ukoll użu ta' karrozza u faċilitajiet b'xejn ta' telefon. It-tliet konsulenti l-oħra jaħdmu part-time u b'kollox jitħallsu bejniethom Lm 11,920 fis-sena.
Leg 9 PQ #30637 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kwarantina ta' l-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment se jsir sabiex tiġi żviluppata l-kwarantina ta' l-annimali u tjur matul din is-sena 2002? Kemm se jiswa? Kemm hija s-somma ivvutata għall-dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li bħalissa għaddej xogħol fil-kwarantina ta' l-annimali l-kbar f'Zammit Dock liema spiża se tkun ta' Lm1,200. Għar-rigward ta' kwarantina ta' l-annimali zgħar (klieb/qtates) qegħdin attenti għal xi żviluppi minħabba s-sistema l-ġdida ta' passaporti fejn dawn l-annimali m'għandhomx għalfejn jgħaddu minn kwarantina. Din l-istess kwarantina tista' sservi wkoll biex jinzammu għasafar taħt perjodu ta' kwarantina.
Leg 9 PQ #30638 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kwarantina tal-Pjanti, Xtieli u Siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment se jsir sabiex tiġi żviluppata l-kwarantina tal-pjanti, xtieli u siġar matul din is-sena 2002? Kemm se jiswa? Kemm hija s-somma ivvutata għall-dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li n-nefqa speċjali biex tiġi żviluppata l-kwarantina tal-pjanti mill-fondi allokati għall-Pjan Nazzjonali għall-Adozzjoni ta' l-Acquis matul din is-sena (2002) hi stmata li tkun Lm151,000. Dawn il-fondi se jintnefqu biex jiżdiedu u jittejbu s-servizzi tal-laboratorji, isiru 'surveys' u monitoraġġ u taħriġ tan-nies tekniċi. Dawn huma kollha ħtiġiet biex ikun hemm servizz aħjar ta' kwarantina tal-pjanti.