Legislature:
Category:
Reset
Active:

Koperattiva Industrija tal-Majjali — Ftehim mal-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-ministeru u l-KIM? X'punti ntlaħqu bħala ftehim bejn iż-żewġ partijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari prattikament identika Nru 23247 tas-seduta 494 tat-13 ta’ Frar.

Bdiewa — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta din is-sena se joħorġu s-sussidju tal-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li biex titħallas l-għajnuna li tingħata speċifikament għaċ-ċereali għad fadal li jiġu maħdumin l-aħjar kalkoli għall-benefiċju tal-bdiewa. Meta jkunu finalizzati dawn il-kalkoli l-Aġenzija tal-Pagamenti tkun tista’ tawtorizza l-ħlas.

Wied il-Għajn — Local Plans - Għoli ta' bini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 21025, jista' l-Ministru jispjega jekk iż-żieda fl-għoli ngħatat fl-inħawi fejn hemm konċentrazzjoni ta' attivita' turistika jew kummerċjali għaliex Triq Żonqor, Wied il-Għajn ma ngħatatx żieda ta' sular meta l-bqija ta' Wied il-Għajn ngħata żieda ta' sular?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Refused permit

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex fis-sena 2000 saret applikazzjoni għal permess li jidher separatament fejn dan ġie refused, saret reconsideration b'konsultazzjoni ma' Heritage Malta u Superintendance of cultural heritage fejn dawn esiġew li ma jsirx żvilupp u din issa reġgħet telgħet għal reconsideration nhar il-Ħamis 01/03/07? Jista' jara jekk dan il-permess għandux joħroġ peress li jinsab qrib World Heritage site, xi 20 pied 'il bogħod?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija marbuta li tikkonsidra kull applikazzjoni u kull talba għal rikonsiderazzjoni irrispettivament mill-pożizzjoni ta' awtoritajiet oħrajn. Ta' min jgħid li fuq dan il-każ il-parir tad-Direttorat lill-Bord huwa għal rifjut.

Swimming pools

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm swimming pools reġistrati ai termini ta' l-Avviż Legali 129/2005 kif ukoll liema huma dawk il-postijiet li ġew hekk reġistrati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Korriment fuq ix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiem, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separtament, weġġa' fuq ix-xogħol fit-23 ta' Ġunju, 2005 u għadu sal-lum ma ngħatax kopja ta' l-injury form għalkemm kien għamel ir-rikjesta għal dan fis-27 ta' Ottubru 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kopja ta’ l-imsemmija Injury Form inbagħtet lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fit-28 ta’ Ġunju 2005 wara li l-persuna involuta ippreżentat dan ir-rapport fl-24 ta’ Ġunju 2005. Dakinhar stess kopja oħra inbagħtet lid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi skond il-proċedura segwita mill-Environmental Landscapes Consortium (ELC). Fl-10 ta’ Jannar 2007, is-Sur Louis Marsh mill-General Workers Union (GWU), f’isem il-persuna involuta, għamel talba għal dan ir-rapport u kien riferut lid- Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali peress li dan kien investiga r-rapport.

MEPA — DC Guidance 2005

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-emendi għad-DC Guidance 2005 se jidħlu fis-seħħ wara li nhar il-Ħamis, 1 ta' Marzu, 2007 ġew approvati mill-Bord tal-MEPA? Jista' jippreżenta kopja tal-verżjoni finali ta' dawn l-emendi fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li waqt is-seduta tal-bord rilevanti, fejn kien diskuss id-DC Guidelines 2005, il-Bord approva b'xi emendi dan id-dokument. Id-dokument issa huwa finalizzat u wasal għandi għall-approvazzjoni proprju llum.

Dipartiment ta' l-Ambjent — Ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament: a) għandhiex xi arranġament speċjali mad-dipartiment ta' l-ambjent sabiex ma tmurx fuq il-post tax-xogħol? b) hijiex mislufa mill-kunsill lokali ta' Tas-Sliema? c) għandhiex permess sabiex waqt il-ħin tax-xogħol tkun taħdem mas-soċjeta' separatament indikata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li l-persuna indikata minnu taħdem ma’ xi dipartiment jew ma’ xi entità li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi.

MEPA — Tibdil ta' dar f'każin tal-banda

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk id-dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandix permess mill-MEPA biex tinbidel f'każin tal-banda? Hu veru li dan il-permess ġie miċħud b'mod unanimu mid-DCC f'Novembru li għadda iżda jidher li xorta waħda qed isir xogħol fid-dar biex tinbidel f'każin tal-banda u dan fil-preżenza ta' membri tas-soċjeta' mużikali? Jista' jikkonferma jekk dan ix-xogħol li qed isir mis-soċjeta' mużikali San Girgor fid-dar imsemmija hux qed isir in vista tal-każin li għad irid jinfetaħ minkejja li l-permess ġie miċħud mid-DCC? X'passi se jittieħdu f'dan il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma nħareġ l-ebda permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex id-dar in kwistjoni tinbidel f'każin tal-banda. Fil-fatt, fis-6 ta' Novembru 2006, l-applikazzjoni relatata, PA4171/06, għall-bdil t'użu minn residenza għal soċjetà mużikali, ġiet miċħuda mill-Bord tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp. Minn spezzjoni li saret ma jidhirx li saru xi xogħlijiet li kienu jeħtieġu xi permess.

MEPA

Question

B'riferenza għall-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament,, jista' l-Ministru jikkonferma li kull min kellu dritt jiġi magħruf ġie magħruf sa meta kellu jsir l-appell?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Bċejjeċ tal-baħar — PTF

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li xtrat jew bniet dgħajsa tistax taqlibha għall-PTF billi dan jixtieq imur jistad biha imma fuq bażi part-time?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ż-żewġ partijiet kummerċjali tar-Reġistru tad-Dgħajjes tas-Sajd huma magħluqa. Iż-żewġ kategoriji li qed nirreferu għalihom huma l-MFA u l-MFB fejn l-MFA hija Kategorija tas-Sajd Kummerċjali full-time waqt li MFB hija Kategorija tas-Sajd Kummerċjali part-time. Il-Fergħa tas-Sajd u ta’ l-Akwakultura tkun tista' tirreġistra dgħajjes tas-sajd f'dawn iż-żewġ kategoriji meta jkun hemm xi bastiment minnhom li jirtira. Dan ta’ l-aħħar ma jridx ikun ħa xi għajnuna pubblika. Id-de-reġistrazzjoni tal-bastimenti li ser jitneħħew u r-reġistrazzjoni tal-bastimenti l-ġodda jidhru f'avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, kif diġà sar fit-12 ta' Dicembru 2006.

MEPA — Laqgħa tal-Bord

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Minuti tal-laqgħa tal-bord tal-MEPA tal-21 ta' Diċembru, 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-minuti relattivi għall-parti pubblika tal-laqgħa tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tal-21 ta' Diċembru 2006. Kopja ta' dawn il-minuti ngħatat ukoll lil min kien talab kopja tagħhom u dan anki in vista tal-parir mogħti mill-Ombudsman.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' xtieli/pjanti fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 ma kien hemm ebda nefqa għal xtieli/pjanti fil-ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' għamara/pittura fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 ma kien hemm ebda nefqa għal għamara/pittura fil-ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ikliet/Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitalityfil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Xiri ta' Stationery

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal xiri ta' stationery fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Dock 1 project

Question

Issa li ġie ppreżentat outline application għall-proġett ta' Dock 1, jista' l-Ministru jgħid x'imiss issa f'dan il-proċess? Jista' jgħid jekk il-poplu tal-Kottonera hux se jkollu d-dritt jisma' mingħand l-iżviluppaturi x'se jinvolvi dan il-proċess? X'inhi l-possibbilta' li xi tip ta' public hearing issir fil-lokalita' ta' Bormla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-applikazzjoni wasal fl-istat li ntbagħtu l-ittri ta' konsultazzjoni, interni u esterni, u l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tistenna r-risposti għalihom. Matul il-proċess tat-tħejjija tal-project brief fuq Baċir Nru 1 mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq (MUDR) kienet digà saret laqgħa għall-pubbliku. Fejn jirrigwarda din l-applikazzjoni, tagħrif dwarha deher fil-gazzetti u twaħħlet notifika fil-post. Il-pubbliku jista' jżur l-uffiċċji ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u jara l-pjanti kollha sottomessi ma’ l-applikazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li kienet saret laqgħa bejn il-Kunsill Lokali ta’ Bormla, rappreżentanti ta’ l-iżviluppaturi u uffiċjali mill-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u t-Toroq.

Wied il-Għajn — Impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li għamel l-awditur tal-MEPA dwar il-proċess ta' l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Miniex f’pożizzjoni li npoġġi fuq il-mejda tal-kamra dan l-abboz ta’ rapport għaliex dan mhuwiex wieħed finali. Kif informa diġà l-awditur lill-complainant, l-Ombudsman indikalu li ma jkunx korrett li jiffinalizza rapport ġaladarba każ għadu pendenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell. L-awditur aċċetta l-parir ta’ l-Ombudsman u għalhekk ma kompliex jipproċessa r-rapport.

Magħtab — Gassijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għal gassijiet li se jinġibdu mill-miżbla tal-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23648.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul l-2006 l-ammont ta' kera li tħallas mill-Ministeru fuq propjetà kien ta' Lm 127,740.54. L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħallset is-somma ta’ Lm56,494 f’kera filwaqt li l-WasteServ (Malta) Ltd ħallset Lm21,627.02.