Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Nies jirreġistraw

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni fl-aħħar ta' Novembru, 1999 reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-belt ta' l-Isla, kemm minnhom jirċievu xi forma ta' pensjoni, f'liema kategorija u kemm jammonta bħala ħlas mensili komplessivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pensjoni li titħallas skond il-provedimenti tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, b'ebda mod m'hi konnessa mal-lokalita' li fiha tkun toqgħod il-persuna li tkun qed tirċievi l-pensjoni, u għalhekk mhux possibbli li tingħata din l-informazzjoni kif mitluba.

Bormla — Dħul fid-djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' anzjan minn Bormla li jgħix waħdu, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jidħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament sarilha "assessment" mis-"social worker" u sarilha wkoll eżami tat-tabib. Bħalissa qegħda fuq il-"waiting list" għad-dħul fid-Djar ta' l-Anzjani.

Children's allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex is-sinjura li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament naqqsulha iċ-children's allowance, meta l-istess sinjura għandha żewġha boarded out?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Djar — Ta' Ġiorni HE

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex isir tibjid fil-komun ta'Blks I u D tal-Housing Estate ta' Ta' Ġiorni peress li dawn jinsabu fi stat xejn pjaċevoli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Ta' Ġiorni — Letter boxes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-letter boxes u l-kaxxi fejn jinżammu l-arloġġ tad-dawl u ta' l-ilma fi Blk A, Triq Bertha K.Ilg, Ta' Ġiorni jsirulhom l-manutenzjoni meħtieġa peress li jinsabu fi stat ħażin ħafna kif ukoll huma ta'periklu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward tal-manutenzjoni tal-"meter cupboards", għaddejt l-ilment lid-Dipartiment konċernat. Il-manutenzjoni tal-kaxxi ta' l-ittri m'hijiex meqjusa bħala xi ħaġa komuni, iżda trid tiġi msewwija mill-inkwilini.

Isla — Twaqqigħ ta' bini

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 4902, jista' l-Viċi Prim MInstru jinforma lill-Kamra l-pożizzjoni preżenti dwar it-twaqqigħ ta' bini fi Triq San Filippu fil-Belt Sengleana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mistenni joħroġ dalwaqt. Sadanittant, sakemm jinbeda x-xogħol, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jinstab post alternattiv lill-inkwilin preżenti.

NGOs — White paper

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kenitx ġiet ippubblikata white paper fuq NGOs fl-1993? Meta hemm il-ħsieb li din il-white paper tgħaddi mill-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li fl-1993 kienet ġiet ippublikata xi "white paper" dwar l-NGOs. Aktar tard iżda, fl-1995, kien tħejja abbozz ta' Att dwar Għaqdiet Volontarji (Voluntary Organisations Act). Jidher li din l-inizjattiva ma ġietx segwita taħt l-Amministrazzjoni preċedenti. Aktar kmieni din is-sena jiena ħtart grupp ta' tliet esperti sabiex jevalwa dak li diġa' kien sar u sabiex jipprepara abbozz ġdid. Hu ttamat li dan l-abbozz ikun jista' jiġi ppreżentat lill-Parlament matul is-sena d-dieħla.

Legal Unit — Opportunitajiet Indaqs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb jew pjanijiet biex tiġi fformata legal unit li tkun responsabbli għall-immaniġġjar u superviżjoni tal-liġi għall-opportuntajiet indaqs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' diġa' bdiet taħdem biex ikollha l-infrastruttura neċessarja biex hi tkun tista' twettaq l-obbligi li joħorġu mill-Liġi dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita'). Għal dan il-għan is-segretarjat tal-Kummissjoni appuntat persuna full-time u li hi stess għandha diżabilita' biex tikkoordina din il-ħidma. Barra minnhekk il-Kummissjoni dehrilha li jkun aktar għaqli li tixtri servizzi ta' tim professjonali skond il-bżonn milli servizzi ta' avukat biss. Għalhekk wara sejħa pubblika, ntgħażel tim professjonali biex jgħin lis-segretarjat tal-kummissjoni f'din il-ħidma li barra avukat jinkludi wkoll perit, psikoloġista, konsulent finanzjarji u professjonisti oħra skond il-bżonn. Dan l-arranġament hu għal sena u l-Kummissjoni tirrevedi s-sitwazzjoni skond l-esperjenza miksuba.

Residential Services for People with disabilities — Rapport

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk ikkummissjonax rapport fuq Residential Services for people with disabilities? Jekk iva, jista' jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kienet ġiet mitluba biex tagħmel rapport dwar is-servizzi residenzjali għall-persuni b'diżabilita' fil-komunita'. Il-Kummissjoni talbet l-għajnuna tal-Management Efficiency Unit biex iħejji dan ir-rapport flimkien magħha. Dan ir-rapport tlesta u ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' lili u lill-pubbliku ġenerali waqt konferenza stampa li saret fis-6 ta' Lulju 1999. Ma' din it-Tweġiba qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport inkluż l-appendiċi li hemm miegħu.

Sign Language Research Project

Question

Jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħidilna x'tip ta' support ipprovda l-Ministeru għas-Sign Language Research Project?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali premezz ta' Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' hu kommess li jgħin fil-Proġett ta' Riċerka dwar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Dan il-proġett hu mmexxi mill-Fondazzjoni Żvilupp tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija li hi komposta mill-oqsma kollha involuti f'dan il-qasam li huma l-iskola speċjali Helen Keller għall-persuni neqsin mis-smigħ, l-Istitut tal-Lingwistika tal-Universita' ta' Malta, l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ (Malta) u l-Gozo Association for the Deaf. L-għajnuna li l-Kummissjoni qed tagħti lil din il-Fondazzjoni tikkonsisti filli: (a) saret talba li ġiet aċċettata lill-Ministeru għall-Ambjent, biex uffiċċjal tiegħu, li hu stess għandu nuqqas ta' smigħ u juża din il-lingwa, jagħmel żewġ nofs ta' nhari fil-ġimgħa xogħol fuq din ir-riċerka. Hu qed jagħmel dan ix-xogħol taħt is-supervizzjoni tad-Direttur tal-Istitut tal-Lingwistika tal-Universita' ta' Malta. (b) pprovdiet "computer station" armat b'dak kollu li hemm bżonn biex dan l-uffiċċjal jkun jista' jagħmel din il-ħidma mill-uffiċċini tal-Kummissjoni stess. Barra minn hekk din is-sena, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' permess tal-Programm għall-Edukazzjoni Kontinwa, Taħriġ U Riċerka (PEKTUR) kompla bid-deċiżjoni li kienet ittieħdet fl-1998 li joffri l-fondi neċessarji biex jiġi ppubblikat il-ktieb "Support to Mainstreamed Deaf Students". Fil-fatt dan il-ktieb issa ġie ppubblikat u l-Kummissjoni ser tgħaddi l-fondi miftiehma. F'dan il-ktieb hemm sessjoni dwar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija li hemm il-ħsieb li titkabbar ħalli jiġi żviluppat dizzjonarju tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Kopja ta' dan il-ktieb qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani — Ġerontoloġija - Studju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ikkummissjonax xi studju fil-qasam tal-ġerontoloġija biex b'hekk ikun up-to-date mal-bżonnijiet ta' l-anzjani llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani flimkien mal-Management Efficiency Unit preżentament għaddej bi studju biex jiġu mifhuma aħjar il- bżonnijiet u x-xewqat sew ta' dawk l-anzjani li qed jirċievu xi servizz minn dawk mogħtija mid-Dipartiment kif ukoll ta' anzjani li m'humiex jibbenefikaw minn ebda servizz.

SVDP — Trasferiment ta' anzjana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħin lill-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex tiġi trasferita mis-sala li qiegħda fiha għal dik indikata separatament minn din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjana li l-partikolarijiet tagħha intbagħtu separatament saritilha talba mit-tabib sabiex tiġi trasferita fil-25 t'Ottubru 1999. It-talba tagħha qed tiġi kkonsidrata skond il-vakanzi tas-sala fejn tixtieq tmur u fid-dawl ta' talbiet oħrajn simili.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Xogħol Nutarili

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnentari numru 8585, jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażel Dr Raphael Fenech Adami bħala nutar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dr Raphael Fenech Adami ma ġiex magħżul mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ iżda mis-sid tal-post innifsu. Il-Korporazzjoni ħallset għall-ispejjeż nutarili.

Djar — Uffiċjali

Question

In vista tal-mistoqsija parlamentari numru 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li uffiċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar jibdew jattendu ġewwa l-Kunsilli Lokali tal-Fgura u tax-Xgħajra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskop li l-Awtorita' tad-Djar kellha sabiex tmur fl-uffiċċju tal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera u l-Kalkara kien, peress li f'dawn il-lokalitajiet hemm problema konċentrata fil-Qasam tad-Djar. Dan ma jirriflettix l-istess fil-Fgura u x-Xgħajra. Biss, dan is-suġġeriment ser jiġi kkonsidrat mill-Awtorita'.

Bormla — Uffiċċju tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa pproġettat li jsir ix-xogħol fuq l-Uffiċċju tas-Sigurta Soċjali f'Bormla? Kemm se jintnefqu flus u minn fejn se jingħata s-servizz waqt li jkun qed isir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fuq l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jinsab Bormla bħalissa miexi b'ritmu mgħaġġel. Hu stmat li l-ispiża fuq dan l-Uffiċċju ser tammonta għal madwar Lm26,000. Minħabba li l-Ufficcju jinsab magħluq, bħalissa qed jingħata servizz ta' natura temporanja minn Ħanut Nru.4 Blokk 1 Bieb Sta Liena, Bormla.