Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw tfal mill-iskola wara li jkunu temmew it-tagħlim tagħhom fil-livell sekondarju?
Jeżistu figuri dwar kemm se jispiċċaw minn skejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk privati dejjem matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa stmat li f'din is-sena skolastika se jispiċaw:
Skejjel ta' l-Istat:
1,414 student fl-iskejjel Sekondarji
1,846 student fil-Junior Lyceums
615 student fit-Trade Schools
Skejjel tal-Knisja:
1,332 student
Skejjel Privati:
286 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li se jirtiraw għalliema matul din is-sena skolastika minħabba ż-żmien?
Kemm irtiraw diġa'?
F'liema livelli qegħdin jgħallmu/kienu jgħallmu?
X'suġġetti kienu/qegħdin jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' Għalliema li se jirtiraw matul din is-sena skolastika minħabba ż-żmien hu ta' 42. Minnhom diġa' irtiraw 16.
Dawn huma mqassmin kif ġej:
SKEJJEL PRIMARJI - 8 għalliema
SKEJJEL SEKONDARJI
Suġġett Numru ta' Għalliema
Matematika 6
Franċiż 1
Taljan 1
Ingliż 2
Malti 2
Ġermaniż 1
Graphical Comm. 1
Craft 1
Needlework 1
Studji Soċjali 1
Ġografija 1
Reliġjon 1
PSE 2
In charge of class 2
Xogħol ta' Stores Office 1
SKEJJEL TA' SNAJJA
Matematika 1
SKEJJEL SPEĊJALI 3 (waħda minnhom diġa' irtirat)
DIPARTIMENT TA' L-ISTUDJI OGĦLA U EDUKAZZJONI GĦALL-ADULTI
Edukazzjoni Fiżika 1 (diġa' irtirat)
Accounts 1
Ġermaniż 1
Marketing 1
Ingliż 1
Mużika 1
Jista' l-Ministru jgħid fuq medda ta' ħames (5) snin kemm hu maħsub li se jkun hemm bżonn għalliema għall-iskejjel ta' l-Istat?
Skond il-pjani tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, kemm se jkun hemm bżonn b'livell primarju, sekondarju eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba ċirkustanzi u fatturi varjabbli mhux possibli li jsiru xi "forecasts" preċiżi ta' kemm ser ikun il-bżonn ta' għalliema b'mod ġenerali u b'mod partikulari (ie. settur settur u suġġett suġġett). dawn il-fatturi varjabbli jinkludu:
a) promozzjonijiet ta' għalliema u uffiċjali oħra. Id-Diviżjoni ma tkunx f'pożizzjoni li tgħid minn qabel min ser jieħu promozzjoni u, allura, jħalli vaganza u, wkoll, min ser jilħaq flok min ħa l-promozzjoni.
b) irtirar kmieni speċjalment "boarding out". Barra n-numru li b'xi mod tista' tasal għalih b'mod ġenerali jekk tħares lejn it-trend fl-aħħar snin, hemm ukoll min ser jirtira. Hu diffiċli li tippronostika kemm u min ser jiġi "boarded out".
c) Maternity/Paternity u/jew pregnancy leave. Hawn ukoll mhux faċli tgħid min u mil-liema setturi jew suġġetti ser jiġu t-talbiex għal dan il-leave.
d) Scholarships - Bħal fil-każijiet ta' qabel, mhux faċli tgħid min u mil-liema suġġetti jew setturi.
e) Għażla ta' suġġetti mill-istudenti, prinċipalment fis-settur sekondarju u post-sekondarju. Billi n-numru ta' studenti fl-"optional subjects" u fis-settur post-sekondarju jinbidel kull sena, dan ukoll hu fattur varjabbli.
f) Riżenji ta' għalliema. Hawn ukoll mhux in-numru jgħodd, iżda mil-liema settur jew suġġett ġej.
Madanakollu hemm fatturi oħra li huma prevedibbli (pe l-irtirar ta' għalliema kull sena għal ħames snin li ġejjin) u dawn jagħtu indikazzjoni tajba (iżda mhix preċiża) tal-ħtiġijiet tad-Diviżjoni.
Fil-ħames snin li ġejjin bil-provvista ta' studenti tal-B.Ed u PGCE, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser ikollha għalliema biżżejjed għal ħtiġijiet tagħha. Naturalment jibqgħu ċerti oqsma li ser jibqgħu jħossu xi nuqqas ta' għalliema kwalifikati bħal pe. Computer Science, Fiżika, Graphical Communication u xi suġġetti fil-qasam post-sekondarju.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li matul din is-sena finanzjarja se jsirilhom xogħol ta' manutenzjoni?
Liema xogħol se jsir f'kull skola? Kemm se jiswa f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-deċiżjoni finali dwar ix-xogħlijiet li għad iridu jsiru din is-sena ser jittieħdu fi żmien qasir.
Peress li mindu l-Ministru wieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12739 dwar tfal mingħajr superviżjoni wara li jispiċċaw mill-iskola Ġużeppi Despott, għaddejt l-informazzjoni lil xi ġenituri li qaluli li xorta m'hemmx superviżjoni fuq il-post minn xi għalliem u t-tfal qed jiġru bejn il-buses u fit-triq, jista' l-Ministru jgħid jekk is-surmast u/jew l-assistant tiegħu jkunux fil-post jew fl-uffiċċju tagħhom?
Jaf il-Minsitru li aktar minn darba kienet se ssir traġedja għaliex din it-triq hija traffikuża ħafna u b'hekk hemm bżonn ta' kontroll strett fuq l-imġieba tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta kien ikkuntattjat il-Kap ta' l-Iskola ikkonferma t-tagħrif mogħti li jew hu personalment jew xi wieħed mill-Assistenti Kapijiet ikun preżenti sabiex jissorveljaw l-istudenti sakemm ikun rikeb l-aħħar wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-edukazzjoni tispeċifikax li għandu jkun hemm kunsilli skolastiċi - bl-istess forma ta' dawk l-iskejjel statali - fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel elenkati hawn taħt hemmx kunsilli skolastiċi li saru b'elezzjoni b'rappreżentanza ta' ġenituri, għalliema u studenti (fejn jkun il-każ): (i) il-kulleġġ ta' San Alwiġi; (ii) il-kulleġġ De La Salle; (iii) il-kulleġġ St.Edward's; (iv) il-kulleġġ San Albert il-Kbir; (v) il-kulleġġ San Elija; (vi) l-iskola San Anton; (vii) l-iskola San Martin; u (viii) l-iskola St.Michael?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-liġi ta' l-Edukazzjoni (Att Nru XXIV ta' l-1988) tirriafferema l-awtonomija ta' l-iskejjel privati. Il-liġi ta' l-Edukazzjoni ma tobbliga lil ebda skola privata li jkollha Kunsill Skolastiku kif hemm speċifikat għall-iskejjel statali. Iżda, f'ħafna mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hemm xi forma ta' Parent - Teacher Association. Hija l-iskola stess li tippromwovi xi forma jew oħra ta' Kunsill ta' l-Iskola. Iżda l-liġi ta' l-Edukazzjoni tħeġġeġ lill-iskejjel privati biex huma wkoll jimxu fuq il-mudell ta' Kunsill Skolastiku li hemm fl-iskejjel ta' l-Istat.
Fil-fatt Artiklu 25 jgħid li "kull min japplika u jingħata liċenzja sabiex jiftaħ skola skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artiklu 6 ta' dan l-Att għandu jagħmel kull sforz sabiex, mingħajr obbligu legali, jagħmel tiegħu sistema ta' tmexxija minn Kunsill ta' Skola kif maħsub f'din it-Taqsima ta' dan l-Att".
Fl-aħħar nett informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ,m'għandiex informazzjoni dwar Kunsilli Skolastiċi fl-iskejjel elenkati fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista' l-Ministru jara li jsir dak ix-xogħol rikjest sabiex l-intiena ta'drenaġġ li hemm fl-iskola primarja ta' Bormla tkun tista' tiġi eliminata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qegħda ssegwi l-iżvolġiment tas-sitwazzjoni tad-drenaġġ biswit l-iskola primarja ta' Bormla flimkien ma' l-Ispettur Sanitarju Distrettwali tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Minn testijiet preliminari li saru s'issa jirriżulta li l-ħsara tinsab fit-triq u mhux ġo l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid:
1) kemm hemm facilitators Għawdxin li jaħdmu ma' persuni bi bżonnijiet speċjali f'Malta;
2) kemm hemm facilitators li jaħdmu f'Għawdex;
3) kemm hemm talbiet pendenti għal facilitators minn ġenituri Għawdxin;
4) kemm hemm vakanzi għal facilitators f'Għawdex; u
5) meta se jimtlew dawn il-vakanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm:
1. 18-il Kindergarten Assistant Għawdixja li jaħdmu mat-tfal
bi bżonnijiet speċjali f'Malta
2. 25-il Kindergarten Assistants li jaħdmu mat-tfal bi
bżonnijiet speċjali f'Għawdex fil-Mainstream
3. 17-il każ pendenti
Bħalissa ma hemmx vakanzi għal facilitators f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet/kumitati differenti jaqgħu taħt il-Ministeru li għandhom x'jaqsmu ma'l-oqsma tal-libreriji u arkivji? Min huma l-membri ta' dawn il-korpi? Meta ġew maħtura l-aħħar u b'liema terminu ta' żmien? meta se jinħatru dawk għall-perjodu kurrenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitati/Bordijiet differenti li jaqgħu taħt il-Ministeru u li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma tal-Libreriji u Arkivju huma:
1. MALTA BOOK FAIR ORGANISING COMMITTEE - maħtur f'Awissu
1999 b'terminu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2000.
Dan il-Kumitat hu ffurmat minn: is-Sur Anthony Mangion, Chairman - is-Sur Philip Borġ, Segretarju - u s-sinjuri Horace Portelli, Ġorġ Borġ, Hazel Sultana, Vicky Vella, Catherine Vella, Joe Camilleri, Tessa Baluci, Paul Mizzi u Lawrence Zerafa bħala membri.
2. PUBLIC LIBRARIES ADVISORY COMMITTEE - maħtur fil-21 ta'
Mejju 1998 għal perjodu li ntemm fil-31 ta' Diċembru 1998.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: is-Sur Anthony Mangion, Chairman, - is-Sur Joseph R. Grima, Viċi Chairman, - is-Sur Joseph Boffa, Segretarju - u s-Sinjuri Victor Fenech, Joseph Zerafa, Paul Xuereb (Dr), Lilian Sciberras, Tessa Baluci, Vicky Vella u Joe Debattista bħala membri.
Dan il-Kumitat ma reġax ġie kostitwit.
3. NATIONAL ARCHIVES CONSULTATIVE COMMITTEE - maħtur fl-1 ta'
April 1998 għal perjodu li ntemm fil-31 ta' Diċembru 1998.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: Dr Albert Ganado, Chairman - is-Sur Joe Boffa, Viċi Chairman, - is-Sur William Zammit, Segretarju - u s-Sinjuri Mons Fortunato Mizzi, Hella Jean Bartolo, Rev. Ġwann Azzopardi, Maġġur Albert Abela, Prof. Stanley Fiorini, Dr Joseph Bezzina, Charles Galea Scannura, Joe Attard, Dr John Chircop, Joseph Caruana, Stephen Gegiorgio u Maroma Camilleri bħala membri.
Dan il-Kumitat għadu ma reġax ġie kostitwit.
4. ACTION COMMITTEE LIBRARY MANAGEMENT - maħtur f'April 1997.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: Dr Paul Xurerb, Chairman - is-Sur Philip Borġ, Segretarju, u Dr Albert Ganado, Mons. Dun Ġwann Azzopardi, Dr John Chircop, is-Sinjorina Hella Jean Bartolo u s-Sur William Żammit bħala membri.
Dan il-Kumitat ma baqax jiffunzjona.
Ser jittieħdu l-passi meħteiġa biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu nominati l-kumitati li hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li ssir reviżjoni u aġġornament tal-liġi tad-depożitu legali u ta'l-arkivji nazzjonali bil-għan li jiġi salvagwardat aħjar il-wirt dokumentarji nazzjonali?
Hemm xi pjan biex fil-libreriji differenti statali ta'pajjiżna jkun hemm staff imħarreġ? Fiex jikkonsisti dan il-pjan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji Nazzjonali qed jimplimenta l-ftehim datat 1995 tar-riorganizzazzjoni tal-gradi tal-Librerija (Library Grades). Fil fatt riċentement ġew promossi impjegati fil-grad ta' Senior Assistant Librarian, Assistant Librarian u Library Officers. Fil-preżent jinsabu miftuħa sejħiet għall-grad ta' Senior Operative Libraries u Restorers. Fil-futur qrib ser joħorġu sejħiet għall-gradi ta' Library Attendants u Operative Libraries.
Bil-ħatriet li saru u b'dawk li ser isiru, id-Dipartiment se jkollu l-istruttura neċessarja biex iwettaq ħidmietu aħjar. Fil-frattemp diġa' inbeda proċess biex l-impjegati kollha fil-gradi tal-librerija jkunu mħarrġa fix-xogħol tagħhom. Dan il-proċess jikkonsisti filli qed jingħata t-taħriġ neċessarju lill-membri ta' l-istaff tad-Dipartiment minn uffiċjali ta' l-Universita` ta' Malta, b'esperjenza fid-diversi taqsimiet tax-xogħol tal-libreriji.
Jista'l-Ministru jgħid meta se toħroġ il-ħarġa li jmiss tal-Biblijografija Nazzjonali ta' Malta? Fejn wasal ix-xogħol fuq din il-ħarġa? Hemm xi pjan biex ikun hemm ċentru nazzjonali biblijografiku fid-dipartiment tal-libreriji u l-arkivji? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fuq il-ħarġa tal-Biblijografija Nazzjonali li jmiss tinsab fi stadju avvanzat u bħalissa qed jinħadmu xi dettalji biblijografiċi u l-programm sabiex din tkun stampata. Ta' min isemi li dan l-aħħar ġew promossi żewġ ħaddiema għall-grad ta' Assistant Librarians u dawn bdew jaħdmu mill-ewwel fuq din il-biċċa xogħol.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, informat li qed jiġi studjat il-ħsieb li jkun imwaqqaf Ċentru Nazzjonali Biblijografiku immexxi mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji Nazzjonali u li jkun jiġbor fih il-Bibljoteka Nazzjonali, l-Universita`, l-Għaqda Bibljotekarja u kull entita` oħra interessata.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm-il darba nħarġet ċirkulari mid-Dipartiment tas-Servizzi ta'l-Istudenti u Relazzjonijiet Internazzjonali lill-kapijiet ta'l-iskejjel bħalma nħarġet fil-każ tal-Moscow Circus on Ice maħruġa fis-6/12/99? F'kull każ x'kienet l-okkażjoni? B'liema kriterji jiġu deċiżi dawn il-każijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika, id-Dipartiment tas-Servizz għall-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali ħarġu ħames ċirkularijiet lill-kapijiet ta' l-iskejjel bħalma nħarġet fil-każ tal-Moscow Circus on Ice.
Numru taċ-Ċirkulari Data Titlu
SILC 43/99 27/09/99 Performance at Manoel
Theatre "Tin Pan Ali"
SILC 62/99 02/11/99 Quddiesa għat-tfal ta'
l-iskejjel li tiftaħ il-
Kampanja Milied Flimkien
SILC 64/99 26/11/99 Performance at Manoel
Theatre "Il-Merkant ta'
Venezja"
SILC 67/99 06/12/99 Las Vegas International
Circus Performances for
Schools
SILC 68/99 06/12/99 Moscow Circus on Ice
Performances for Schools
SILC 07/00 21/01/00 World Guides' Day
Huwa d-Direttur tad-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Istudenti u Relazzjonijiet Internazzjonali li jagħżel liema talba tiġi annunzjata lill-iskejjel permezz ta' ċirkulari. Dan isir wara konsultazzjonijiet ma' l-Uffiċjal Edukattiv li jmexxi l-Youth Service Organisation (YSO).
Jista' l-Ministru jgħid x'passi aktar beħsiebu jieħu l-PBS fuq il-ġurnalista Nathalie Attard li waqt li l-cameraman ta' NET News kien qed jiġbed filmat tan-nies bilqiegħda għall-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista din il-ġurnalista tax-xandir ta' l-Istat għamlet mossi diżonesti u oxxeni kif kkonfermat l-istess Awtorita' tax-Xandir?
Jaqbel il-Ministru li b'dak li għamlet Nathalie Attard, mhux biss insulentat lill-kollegi tagħha ta' NET News u lit-telespettaturi ta' NET Television, iżda għamlet ukoll diżunur mhux biss lilha personali iżda wkoll lix-xandir ta' l-Istat li huwa sostnut bi flus il-poplu u allura kisret il-Kodiċi ta' Etika ġurnalistika?
Billi t-telespettaturi ta' NET News jammontaw għal kważi nofs il-poplu Malti u Għawdxi, jaħseb il-Ministru li Nathalie Attard għandha tagħmel apoloġija pubblika lill-kollegi tagħha ġurnalisti ta' NET News kif ukoll lit-telespettaturi ta' dan l-istazzjon li bit-taxxi tagħhom m'humiex aktar lesti li jsostnu lil Nathalie Attard li għażlet li tinsulentahom?
Jekk il-Ministru ma rax dan il-filmat, jista' jinnota li għandi l-permess ta' NET News biex ngħaddilu kopja privatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-PBS ikkunsidra dan il-każ malli ġie għall-konjizzjoni tiegħu u beda l-proċeduri stabbiliti ta' dixxiplina kontra l-impjegata konċernata.
Ġejt mogħti l-parir li peress li dawn il-proċeduri qed jieħdu l-kors tagħhom ma tkunx prudenti li nikkummenta dwar dan il-każ f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-entita' tal-ħsarat li ġew ikkaġunati fit-tempji ta' Ħal Tarxien wara l-maltemp ta' Novembru, 1999? Wara li wieħed jara t-tempju, b'mod partikolari l-parti tal-lvant tat-tempju, huwa possibbli li wieħed jislet xi tagħrif arkeoloġiku ġdid dwar l-oriġini ta' dawn it-tempji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħsarat ikkaġunati fit-Tempji ta' Ħal Tarxien mill-maltemp ta' Novembru u Diċembru 1999 jikkonsistu f'kolass ta' settur ta' waħda mill-apsidi tat-tempju, li x'aktarx parti minnha kienet diġa' inbniet mill-ġdid wara li dan is-sit ġie skavat. Jidher li l-elementi arkitettoniċi involuti, għalkemm spostaw ruħhom, baqgħu intatti u jistgħu jitpoġġew lura f'posthom.
Informat ukoll li, kif osserva tajjeb l-Onor. Membru, qabel ma jsir dan kollu, id-Dipartiment tal-Mużewijiet qiegħed jislet l-informazzjoni kollha li jista' miż-żona affetwata, kemm dwar l-oriġini tat-tempju kif ukoll dwar kif ġie rekostitwit matul is-seklu għoxrin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Pixxina Nazzjonali mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imesmmi mpjieg, jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi fil-Pixxina Nazzjonali ġiet impjegata persuna waħda bħala Aquatic Facility Operator wara li ġiet riferita mill-ETC u b'hekk ġew segwiti l-proċeduri normali ta' ingaġġ. It-talba lill-ETC għall-mili tal-post kienet saret mill-Amministrazzjoni tal-Pixxina fit-22 ta' Settembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jimtlew il-postijiet ta' education officers mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? X'se jkun il-complement ta' kull direttorat mad-diviżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni qegħda f'diskussjoni mal-Malta Union of Teachers sabiex il-firxa ta' Education Officers li jiġu appuntati taqbel iżjed mal-ħtiġijiet tal-lum milli kienet il-firxa miftehma f'Marzu '96. Is-sejħa ta' l-applikazzjoni toħroġ meta l-Malta Union of Teachers u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jiftehmu fuq il-firxa proposta. Għaldaqstant għadu mhux possibli li tingħata risposta definita għat-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista l-Ministru jara li jiġi eżaminat l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu under separate cover peress li għandu problemi kbar bil-kitba u bil-matematika u lill-ġenituri qalulhom li aktarx għandu d-dyslexia? Jista'jingħata l-għajnuna meħtieġa peress li f'sentejn oħra jispiċċa l-edukazzjoni primarja umhux se jkun jaf jikteb u jaqra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel imsemmi ser isirlu l-iscreening test tad-dyslexia u jekk jirriżulta li t-tifel ibati minn din il-kondizzjoni jingħata għajnuna skond il-bżonnijiet tiegħu.
Jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja vera tar-rapport li l-Board of Studies għat-teknoloġija dentali bagħatlu fit-18 ta'Ġunju 1997? Jista' l-Ministru jgħid liema membri ffirmaw dan ir-rapport?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitwettaq il-ftehim li kien sar mal-Kunsill Lokali ta' Bormla biex isir il-kumpless sportiv u ground full size quddiem De La Salle, Cottonera? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jibda l-proġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li qatt sar xi ftehim formali mal-Kunsill Lokali Bormla dwar xi kumpless sportiv u football ground full size biswit il-Kulleġġ De La Salle fil-Kottonera.
Madanakollu informat li diġa' beda jitwettaq l-ewwel stadu tal-proġett tal-bini ta' Ċentru Sportiv Reġjonali fil-Kottonera, li fost l-oħrajn mistenni li jkun jinkludi l-bini ta' football ground 5-a-side.