B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 13241, dwar spezzjonijiet fuq l-ikel u xorb li jinbiegħ lill-istudenti minn uffiċjali tas-saħħa, li oriġinarjament kienet saret fil-25 ta' Jannar lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tas-saħħa fi skejjel matul din is-sena skolastika biex jiġi nvestigat x'ikel u xorb qed jinbiegħ lill-istudenti?
F'liema skejjel saru? L-iskejjel privati u dawk tal-Knisja huma eżenti minn dawn l-iżjajjar? Matul dawn l-investigazzjonijiet, kien hemm xi każ fejn instab li kien hemm xi ikel/xorb li ma kienx addattat għat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika, l-Education Medical Service għamel tliet spezzjonijiet ta' tuck shops, bl-iskop li jiġġudika t-tip ta' ikel u xorb li jinbiegħ, u l-livell ta' l-iġene.
(Barra minn hekk, is-Sezzjoni ta' l-Ispetturi tas-Saħħa, fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, spezzjonat diversi tuck shops, bl-iskop li jiġġudika l-livell ta' l-iġene, inklużi d-dati tal-qtugħ ta' diversi oġġetti, use by date u l-mod kif l-ikel u x-xorb kien qed jiġi ppreżentat.)
It-tliet skejjel kienu:
Vincenzo Buġeja, Boys' Secondary School, B'Kara
Mgr. Pietru Pawl Saydon, Boys' Secondary School, Żurrieq
Ġużeppi Despott, Boys' Junior Lyceum, Verdala.
L-Education Medical Service ma jispezzjonax it-tuck shops fl-iskejjel li m'humiex ta' l-istat, jekk ma jkunx mibgħut speċifikament jew mitlub mill-istess skejjel.
F'wieħed minn dawn it-tuck shops, instab li kien qed isir il-qali (frying), u kien hemm għall-bejgħ xi ħelu li jista' jeħel mas-snien. Rapport fuq dawn, intbagħat lill-kap ta' l-iskola.
Peress li issa ilu għal xi żmien jintalab biex isir maintenance fil-ground tal-Fortini, jista' l-Ministru jikkalkula dawn il-bżonnijiet peress li hemm żewġ skejjel skolastiċi: (a) Lorenzo Gafa' u l-iskola primarja li t-tnejn jużaw dan il-ground għal physical training?
Jista' l-Ministru jara l-importanza tat-talbiet li qed isiru mill-club Vittoriosa Stars, Vittoriosa bħalma sar il-maintenance fi grounds oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-football ground tal-Fortini kien ġie mgħoti b'titolu lill-Vittoriosa Stars F.C. f'Ottubru 1997 permezz ta' Riżoluzzjoni Parlamentari. Skond it-termini tal-kuntratti bejn il-Gvern u l-entitajiet sportivi rispettivi (klawsola Numru 5) "il-manutenzjoni kollha tal-proprjeta` ttrasferita jkunu a karigu tal-klabb mingħajr ebda dritt ta' kumpens".
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Mediterranean Conference Centre mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġie impjegat ebda ħaddiem maċ-Ċentru fil-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali mill-gvern biex jiġu organizzati d-diversi attivitajiet konnessi mal-wasla tal-millenju ta' l-hekk imsejjaħ millenju? Jista' jagħti breakdown ta' din in-nefqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan l-istadju l-pożizzjoni għadha dik kif imfisser fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12511.
Jista'l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-kumpless sportiv li se jinbena f'Bormla se jkun hemm ground tal-5-aside u mhux full size? Jista' jgħid ukoll fiex waslu l-preparamenti u meta hemm il-ħsieb li dan ix-xogħol jibda?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba għall-Mistqsija Parlamentari Numru 13702.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna teknika u mod ieħor se tingħata mill-Commonwealth matul din is-sena finanzjarja fit-taqsimiet ta' l-edukazzjoni, kultura u sport, separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13079, jista' l-Ministru jgħid: (1) liema huma dawk l-iskejjel li fil-fatt saret manutenzjoni fuq l-impjanti sportivi tagħhom mindu sar l-istudju fl-1995/96; (2) għalkemm fit-tweġiba jingħad li fis-sajf ta' l-1997 il-faċilitajiet sportivi ma kenux meqjusa bħala prijorita', issa inbidlet din il-politika? Jekk iva, kif?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn meta sar l-istudju fl-1995/96, fl-impjanti u faċilitajiet sportivi sar xogħol kemm ta' manutenzjoni kif ukoll ta' titjib.
Dan ix-xogħol sar fuq l-inizjattiva tal-Kunsilli ta' l-iskejjel; sar ukoll bħala parti mill-Pjan ta' Żvilupp maħsub u mwettaq mill-iskejjel infushom; kif ukoll fil-programm ta' manutenzjoni tas-sajf.
Informat ukoll li bħalissa qed isir 'up-date' ta' l-istudju msemmi (1995/96) u minnu nkun nista' ngħati tweġiba preċiża u attwali għad-dettalji kollha mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li skond it-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi numru 13079 "hemm faċilitajiet biżżejjed iżda jirrikjedu xogħol ta'manutenzjoni, x'uħud konsiderevoli"? X'inhu x-xogħol li hu rikjest f'kull każ? Sar xi ppjanar biex isir xi xogħol f'xi waħda minn dawn l-iskejjel matul din is-sena finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13722.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li skond it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13079 "l-istruttura fiżika u spazju ma jippermettux il-bini ta' faċilitajiet ġodda?"
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għll-Mistoqsija Parlamentari Numru 13722.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija stmata l-ħsara li saret fil-ground tal-football tal-Furjana, wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millennju? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li dan il-ground jingħata lit-tim Furjaniż biex imexxih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istima tal-ħsara li saret fil-ground tal-football tal-Furjana qed tiġi kompilata. It-tmexxija tal-ground hi materja ta' konsiderazzjoni fid-dawl tal-pjan ta' struttura li jirriserva l-ispazju bħala wieħed ta' importanza nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru fl-iskola primarja ta' Tas-Sliema dan l-aħħar wara li xxaqqaq it-taraġ li jieħu għal fuq?
X'periklu hemm għall-istudenti u għalliema ta' l-iskola?
Meta se jibda x-xogħol tant meħtieġ fuq il-bini ta' l-iskola u meta se jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tqiegħdu seratizzi ta' l-injam u puntali tal-ħadid fit-truf tal-branki biex jissudaw l-istruttura tat-taraġ. B'dawn il-miżuri ma jeżistu ebda perikli għall-istudenti u l-għalliema ta' l-iskola.
Informat ukoll li fil-preżent qiegħed jitħejja d-dokument għall-pubblikazzjoni ta' offerta għax-xogħlijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilmenti kontinwi li qed ikun hemm fl-iskola primarja ta' Bormla minħabba r-riħa qawwija ta' drenaġġ?
Instab imnejn ġejja din ir-riħa?
X'qed isir biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajt ġimgħa ilu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13450. L-Onor. Membru jista' wkoll jirreferi l-ilment lill-Ministeru ta' l-Ambjent.
Peress li ninsab informat li hemm klassijiet tal-woodwork fl-iskola Umberto Colosso li tilfu numru konsiderevoli ta' lezzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir fuq din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Umberto Colossa ma jirriżultax li ntilfu lezzjonijiet fil-klassi tal-woodwork.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' pitches u faċilitajiet sportivi oħra se jkun jinkludi ċ-ċentru sportiv tal-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informata li l-proġett tal-Kumpless Sportiv fil-Kottonera jaħseb, fost faċilitajiet oħra, għal multi purpose hall li tinkludi faċilitajiet ta' satellite halls li jistgħu jospitaw attivitajiet indipendentement mill-attivitajiet sportivi oħra, outdoor 5-a-side calcetto, kif ukoll indoor boċċi dromo, changing rooms, lecture room, uffiċini għal għaqdiet nazzjonali, uffiċini għall-iStampa, bar/cafeteria.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru, maqsum sena sena, ta' studenti li qed jattendu l-iskola Maria Reġina tal-Ħamrun? Kemm hu n-numru ta' għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4962, jista'l-Ministru jinformana jekk kienx hemm xi żviluppi dwar it-trasferiment tal-monument ta' Dun Mikiel Xerri għal Misraħ il-Palazz, il-Belt?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandix żviluppi ġodda x'nirrelata.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni l-kumpless sportiv li se jsir fil-Kottonera se jkollu ground tal-football għal 5-aside biss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett tal-Kumpless Sportiv fil-Kottonera jaħseb, fost faċilitajiet oħra, għall-bini ta' football ground 5-a-side skond rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ad hoc li kien twaqqaf sabiex jevalwa l-ħtiġijiet ta' Ċentri Sportivi Reġjonali, kif ukoll sussegwentement fuq pjanti mfassla b'konsultazzjoni ma' entitajiet kompetenti fil-qasam ta' l-isport nazzjonali.
L-ewwel fażi tal-proġett ġie konkluż bl-approvazzjoni tad-disinn u sottomissjoni ta' applikazzjoni ta' żvilupp lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li l-board of studies għat-teknoloġija bagħat fit-18 ta' Ġunju, 1997? Liema membri tal-bord iffirmaw dan ir-rapport? Min ma ffirmaħx?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Malta Racing Club jistgħux isiru mħatri fuq tiġrijiet li jsiru barra minn Malta? Jikkonferma l-Ministru li din is-sena mill-inqas darbtejn saru mħatri fuq tiġrijiet li saru barra minn Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel u tal-klieb tal-liepru huwa l-uniku wieħed fil-Pajjiż li fuqu jistgħu jsiru imħatri b'mod organizzat.
Din is-sena kien hemm darba biss li saru imħatri fuq tiġrijiet internazzjonali. Din kienet meta riċentement sar il-Prix d'Amerique fi Franza li xxandret diretta fuq TVM. Dan kien ukoll mezz sabiex il-Malta Recing Club jakkwista aktar introjtu.