Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltacom għadhiex bil-pjani tagħha għal Millenium ġdid viż bini ta' torri ta' 70 sular fl-exchange ta' San Ġiljan/Paceville?
Jekk fl-affermattiv, fiex waslu l-konsultazzjonijiet ma' l-intrapriżi li kien hemm diskussjonijiet magħhom?
X'tagħrif jista' jagħti aktar il-Ministru dwar dan il-proġett?
Kemm kienet in-nefqa ta' pjanti, disinji u marketing, li sar, inkluż il-brochure li miegħu kien hemm il-video?
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal għoti ta' rigali mill-fondi pubbliċi allokati għall-Ministerun għas-Servizzi Ekonomiċi.
It-tweġiba hija fin-negattiv.
Peress li l-bdiewa residenti fl-inħawi ta' Farmhouse Wied il-Bużbież (Spring) l-Imtaħleb, l/o Rabat, Malta jenħtieġu li jiddawwal ir-razzett tagħhom ħalli jkollhom aktar sigurta' bħal bdiewa oħra fl-inħawi, jista' l-Ministru jawtorizza li jsiru x-xogħlijiet neċessarji, cioe' japprova li tiġi stallata bozza? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu dwal pubbliċi f'dawn it-toroq fil-Madliena peress li huma mudlana u b'periklu għar-residenti: Triq il-Prekursur, Triq Zejni u Triq il-Hummejr? Meta se jitwaħħlu dawn id-dwal?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Customer Service Officers fi ħdan il-Maltacom qegħdin iwettqu ħidma fir-roster tal-Customer Service Assistants fil-fergħa tagħha fil-Belt? Jekk ir-raġuni hija li għax hemm iżjed Customer Service Officers milli hemm ħtieġa għalihom, jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Maltacom wettqet ħatriet fil-grad ta'Customer Service Officers riċentement?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Customer Service Officers, li għalihom qed tirreferi l-Onorevoli Interpellant, ma setgħux jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom fil-post ta' qabel għal raġunijiet indipendenti mill-Maltacom.
Dawn il-Customer Service Officers iddaħħlu fir-roster biex jaħdmu 'kif ikun meħtieġ' wara ftehim ma' l-Unions li tirrapreżentahom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rakkmandazzjonijiet li l-Ombudsman kien għamel lit-Telemalta, illum Maltacom, fuq l-ilment li għadd ta' mpjegati kienu ressqu quddiemu rigward il-ħatra ta' Customer Service Officer skond is-sejħa 4/94? Jikkonferma l-istess Ministru li l-Ombudsman kien ħejja rapport lit-Telemalta u jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-Ombudsman li għalih qed tirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li fi żmien qasir jieħu ħsieb li jiġi nstallati l-bozoz neċessarji għad-dawl ġewwa Triq Ġdida fi Triq il-Fortizza, Xgħajra u fl-istess Triq il-Fortizza, Xgħajra billi hemm numru ta' residenti li qed ibatu minħabba dan in-nuqqas?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3959 dwar il-passenger handling fee, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ mistoqsijiet li fil-fatt ma weġibx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli wieħed jgħid kemm ser iddaħħal aktar il-Malta International Airport miż-żieda fil-passenger service charge għax dan id-dħul jiddependi minn kemm jgħaddu passiġġieri mill-ajruport.
Lanqas huwa possibbli li wieħed jgħid kemm għamlet profitt l-MIA sa l-aħħar ta' l-1998, peress li s-sena finanzjarja tagħlaq fl-aħħar ta' Marzu ta' din is-sena.