Legislature:
Category:
Reset
Active:

Valletta — Triq Melita - Appartamenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jikkonsidra li l-ħitan tat-taraġ fl-appartament f'Nru. 2, Triq Melita, il-Belt Valletta jingħata tibjida peress li jinsab fi stat ħażin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

SWDP — Impjegati

Question

Rigward l-SWDP, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux sejħiet għal post ta' CEO ġdid? Kemm u meta saru sejħiet? Min intgħażel u fuq liema kriterji intgħażel? Min kienu l-applikanti l-oħrajn u xi kwalifiki kellhom? Kemm hemm nies jaħdmu ma' l-SWDP u x'inhuma r-renumerazzjonijiet tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qabel ma nħatar iċ-Chief Executive Officer il-ġdid tas-"Social Welfare Development Programme (SWDP), il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) kienet ħarġet sejħa pubblika fil-ġurnali lokali bil-permess meħtieġ tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Din is-sejħa kienet ħarġet f'Awwissu tas-sena l-oħra. Kien hemm tlieta u għoxrin (23) applikanti għal din il-pożizzjoni li ovvjament kellhom kwalifiki diversi. Kif diġa' tħabbar pubblikament intgħażel is-Sur Joe Gerada fuq rakkomandazzjoni ta' Bord ta' Għażla maħtur mill-Bord ta' l-imsemmija Fondazzjoni. Is-Sur Gerada għandu kwalifiki u esperjenza kemm maniġerjali kif ukoll fis-'social work' u m'għandhiex dubju li din kienet għażla valida. L-iStaff Complement preżenti ta' l-SWDP huwa kif jidher hawn taħt waqt li l-iskali tas-salarji qed jingħataw fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Chief Executive Officer 1 Deputy Head 1 Secretary 1 Services Manager 1 Administrative Support Workers 9 Messengers 3 Social Workers 38 Community Development Officers 5 Psychology Officers 7 Trainer 1

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li applikat għall-għajnuna tal-housing bħala single parent? Jista' jgħid meta l-każ tagħha, li issa ilu pendenti għall-aktar minn sitt snin, effettivament se jiġi konkluż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tkun ikkunsidrata flimkien ma' oħrajn li għandu pendenti d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Benefiċċji tal-mard

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-ogħla rata ta' ħlas ta' benefiċċju tal-mard għal persuna miżżewġa li hi self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ogħla rata għal Benefiċċju tal-Mard mill-1 ta' Jannar, 2000 hi ta' Lm5.66ċ kuljum għal kull persuna li tkun sew impjegata kif ukoll jekk tkun taħdem għaliha nnifisha. Din ir-rata titħallas lil ġenitur singlu jew persuna miżżewġa li qed tmantni lill-parti l-oħra fiż-żwieġ li ma tkunx impjegata "full-time".

Djar — Ilmenti fl-Imtarfa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana bl-iżviluppi tat-talba għall-mistoqsija parlamentari numru 12036 dwar Nru 6B Binja Ġebel id-Dwejra, Imtarfa, L/O Rabat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar infurmat lill-kuntrattur bl-ilmenti tar-resident ta' numru 6B Binja Ġebel id-Dwejra. Fil-fatt, il-kuntrattur diġa mar għand ir-resident imsemmi sabiex jagħmel ix-xogħol rimedjali meħtieġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ittra datata 29 ta' Diċembru 1999 li l-Awtorita' tad-Djar kitbet lir-resident biex jikkonferma li x-xogħolijiet markati fl-istess ittra jkunu saru.

Impjiegi — Persuni boarded out

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew boarded out bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa u kapijiet tal-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, Pensjoni taħt l-Iskema Kontributorja titħallas lill-persuna assigurata u mhux lill-"Kap ta' Familja". Għaldaqstant ma tinżammx statistika mid-Dipartiment dwar kemm minn dawn in-nisa li qed jirċievu l-Pensjoni ta' l-Invalidita' huma kapijiet tal-familja.

Ministeru tal-Politika Soċjali — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi bejn l-1987 u l-1996 mill-Ministeru, dipartimenti u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'marka jew ditta kienu dawn il-karozzi? Jista' jgħid kemm ġew jiswew fi flus il-karozzi b'mod separat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' units li l-Awtorita' tad-Djar qed tibni fl-Imtarfa fil-mument? Meta se jkunu lesti u meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet għal pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar qed tippjana li tibni madwar 120 post fl-Imtarfa. Fuq 26 minnhom, l-Awtorita' tad-Djar għanda applikazzjoni pendenti ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar waqt li fuq 94 oħra qed tħejji l-pjanti. Għadu prematur li jingħataw aktar dettalji.

Parlament — Mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru mistoqsijiet parlamentari mill-membri tal-Gvern mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-15 ta' Diċembru, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn l-1 ta' Jannar 1999, u l-15 ta' Diċembru 1999, saru 3,716-il Mistoqsija Parlamentari minn membri parlamentari tan-naħa tal-Gvern.

San Ġiljan — Triq Lapsi - Ħsara f'soqfa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u immedjati biex ħsara li hemm fis-soqfa tal-Blokk tal-Mezzanini fi Triq Lapsi, San Ġiljan issirilhom it-tiswijiet meħtieġa peress li fihom ħsara li ilha tiġi rrapportata u li qatt ma' ttieħdu passi dwarha u peress li aktar ma' jgħaddi żmien biex din il-ħsara tiġi msewwija aktar il-ħsara qed tikber b'konsegwenza li jekk it-tiswijiet li hemm bżonn li jsiru ma jsirux immedjatament, ma jkunx fadal alternattiva oħra ħlief li dawk ikollhom jinbidlu bi spiża ferm akbar għall-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li hemm pendenti każ wieħed biss u dan ġie rappurtat fid-9 ta' Diċembru 1999, jiġifieri mhuwiex ħsara li "ilha tiġi rappurtata". Jien infumat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jieħu l-azzjoni meħtieġa fil-ġranet li ġejjin.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament ma ġiex magħżul sabiex jidħol fid-dar ta' l-anzjani f'Bormla, meta din il-persuna ilha ħafna li applikat u fl-istess ħin iddaħħlu persuni li applikaw wara din il-persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament diġa' sarilha "assessment" mis-"social worker" u sarilha wkoll eżami tat-tabib. Għad-dħul fid-Dar ta' Bormla, ir-residenti qegħdin jiġu ammessi fi gruppi żgħar biex jingħataw ċans jissetiljaw. S'issa d-Dar ta' Bormla għadha mhix mimlija kollha u dan l-anzjan qiegħed fuq il-"waiting list" biex jiġi kkonsidrat għad-dħul. Barra dan, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dħul ta' applikanti fi djar jew residenzi għall-anzjani ma jkunx ibbażat fuq iż-żmien ta' kemm ilhom li applikaw, imma fuq l-urġenza ta' kull każ individwali.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji f'Malta u f'Għawdex li ħadu l-benefiċċji soċjali taċ-Children Allowance matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif jidher aktar 'l isfel. Sena Numru ta' Familji 1994 52,731 1995 52,420 1996 47,480 1997 43.477 1998 42,581

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-benefiċċji soċjali taċ-Childrens allowance li qed jiġu ttrattati fil-mument mid-dipartiment konċernat? Kemm hija l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti u x'inhu jikkawża dan id-dewmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fil-mument qiegħed jittratta 3,212-il applikazzjoni li minnhom 1,336 qegħdin pendenti minħabba li jonqoshom xi informazzjoni minn naħa ta' min applika, filwaqt li madwar 400 daħlu fl-aħħar xahar. 259 huma każijiet li jikkonċernaw diretturi ta' kumpaniji li qegħdin jiġu nvestigati f'aktar dettal. Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi liema hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti, biss numru ta' applikazzjonijiet jibqgħu pendenti għal aktar minn sitt xhur għaliex l-informazzjoni mitluba ma tkunx waslet fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Fost dawn hemm applikazzjonijiet li jonqoshom il-Final Accounts tal-Kumpanija jew il-Profit & Loss Account.

Benefiċċji soċjali

Question

Peress li ħafna kopji Mellieħin li applikaw għall-benefiċċji taċ-Childrens Allowance għall-ewwel darba bħal fil-każ tar-riferenza 310360(m) qed jilmentaw li ilhom jistennew għal xhur twal sabiex jingħataw dan il-benefiċċju, jista' l-Viċi l-Prim Ministru jinvestiga u jawtorizza li l-proċess jiġi ffinalizzat mill-aktar fis possibbli? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jidher li saret l-ebda talba għall-Allowance tat-Tfal minn persuna li għandha l-I.D. Card bin-numru 310360(M). In-numru ta persuni li għamlu talba għall-Allowance tat-Tfal għall-ewwel darba u għadhom ma tħallsux huwa ta' 376 li minnhom 249 ġew mitluba biex jipprovdu xi informazzjoni biex it-talba tagħhom tkun tista' tinħadem. Il-bilanċ ta' 127 huwa ta' talbiet li daħlu matul Novembru u Diċembru ta' din is-sena. Dawn l-applikazzjonijiet ġejjin minn kull parti ta' Malta u Għawdex. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jipproċessa kull talba bil-għan li jistabilixxi d-dritt u r-rata ta' benefiċċju li tkun dovuta. Il-koperazzjoni, jew in-nuqqas tagħha, minn min jagħmel it-talba jinfluwenza l-perjodu ta' żmien biex tinħadem l-applikazzjoni. Ikun ta' sodisfazzjon għad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali meta talbiet għall-Benefiċċji Soċjali jitħallsu kemm jista' jkun fl-iqsar żmien possibbli.

Impjiegi — Hospital Auxiliaries

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fil-grad ta' Hospital Auxiliaries fid-dekasteru tiegħu u li mhux qed jagħmlu xogħol ta' tindif ta' sptarijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-Ministeru għall-Politika Soċjali hemm 109 Hospital Auxiliaries li huma maqsumin kif ġej: RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAULE 97 li minnhom 44 ma jagħmlux xogħol ta' tindif ta' sptarijiet. DIPARTIMENT GĦALL-ĦARSIEN TA' L-ANZJANI (ESKLUŻ SVPR) 7 li minnhom 4 ma jagħmlux xogħol ta' tindif ta' sptarijiet. Il-5 l-oħra ma jagħmlux xogħol ta' tindif ta' sptarijiet u jinsabu kif ġej: Wieħed fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari; Wieħed fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'; Wieħed fl-'Adult Training Centre' ta' Marsascala; Wieħed fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali; u Wieħed fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jdaħħal anzjan ta' 85 sena minn Bormla, li ismu qed jintbagħat separatament, li jinsab waħdu u li applika biex jidher fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Is-social worker diġa' ra l-każ u anke sarlu eżami mediku mit-tabib.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li saru l-"assessments" ta' l-anzjan imsemmi, kif diġa' ġie spjegat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 11918, l-anzjan qed jiġi kkunsidrat flimkien ma applikazzjonijiet oħrajn simili biex jidħol f'Bormla Home.

Għajn Dwieli — Triq l-Ammiraljat - Fond Nru 11

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11757, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għall-bejgħ taż-żewġ garages li hemm fi Triq l-Ammiraljat, Għajn Dwieli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward ta': (1) garaxx numru 1, is-sejħa għall-offerti saret permezz ta' Avviż Numru 305 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fid-29 ta' Diċembru 1998. (2) Garaxx numru 4, is-sejħa għall-offerti saret permezz ta' Avviż 97 li ġie pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Lulju 1999.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, l-aħħar ċekk tal-pensjoni flok kien ta' Lm170 kien ta' Lm161.23c? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni ta' dan it-tnaqqis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi 'l-Pensjoni tal-persuna ndkata mill-Onor. Membru hija korretta. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet nfurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' Pensjoni li qed tirċievi.

Djar — Kumpens minħabba l-maltemp

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jagħti xi kumpens, għajnuna jew għotjiet ta' flus lil persuni u individwi li ġratilhom ħsara f'darhom bil-maltemp li sar bejn it-28 ta' Novembru, 1999 u t-2 ta' Diċembru, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-familji li d-djar tagħhom ġew affettwati mill-maltemp ta' dawn il-ġranet u ma setgħux jkomplu jgħixu fi djarhom ġew offruti akkomodazzjoni t'emerġenza ġewwa lukandi sakemm jiġi stabbilit in-numru eżatt ta' djar li ġarbu ħsarat. S'issa jidher li hemm madwar 25 familja li ġew affettwati, bl-ikbar numru mill-Belt Valletta. Il-Gvern, permezz tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jagħmel rapport tal-ħsarat li ġarbu d-djar kollha. Issa li dawn ir-rapporti huma kważi konklużi, d-Dipartimenti konċernati ser jaraw liema djar huma totalment inabitabbli sabiex, jekk ikunu każijiet soċjali jingħataw postijiet alternattivi u liema huma dawk id-djar li jistgħu jibbenefikaw minn xi skema tal-Awtorita' tad-Djar sabiex jirranġaw djarhom u jkomplu jgħixu fihom.