Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qiegħed jagħti lill-klabb tal-football tax-Xgħajra, biex jitneħħa l-periklu li hemm wara l-lasti tal-ground tal-football, in-naħa li qiegħed jitla' bini ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Awissu 1998 kienet ingħatat għajnuna finanzjarja ta' Lm2,500 lil Xgħajra Tornadoes F.C. mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti sabiex itejbu l-faċilitajiet tal-ground tagħhom. Jirriżulta minn stħarriġ li din l-għajnuna ma ġietx utilizzata sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa tal-ground skond l-istess talba tal-club. Informat ukoll li sal-lum, il-club naqas li jipprovdi dettalji u xhieda tax-xogħol li effettivament sar mill-club permezz ta' l-imsemmija għotja.
B'riferenza għall-kumpless sportiv fil-Kottonera u l-ground 5-a-side tal-football, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ma jistax jinbena ground full size għax hemm art okkupata minn nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 13720, 13872.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13702, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-persuni li ffurmaw il-kumitat ad hoc li twaqqaf sabiex jevalwa l-ħteġijiet ta' ċentri sportivi reġjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9346 mgħotija f'Seduta 147.
Jikkonferma l-Ministru li waqt laqgħa li l-kunsill lokali ta' Bormla kellu ma' nies għolja fis-segretarjat ta' l-isport dwar il-ground 5-a-side, dawn oġġezzjonaw għall-bini ta' 5-a-side ground u mhux full size ground u li ntqal lilhom "take it or leave it"?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux minnu li f'laqgħa mal-Kunsill Lokali ta' Bormla xi persuni mis-Segretarjat qalilhom il-kliem "take it or leave it" għal proposta ta' 5-a-side ground. Id-diskussjonijiet kienu kordjali u pożittivi fejn anke saret stedina lis-Segretarju Parlamentari sabiex jiddiskuti l-proposti mal-Kunsill ta' Bormla fl-Uffiċini tal-Kunsill. Waqt id-diskussjonijiet anke saret riferenza għall-istat tal-ground tal-Football tal-Verdala, fejn ukoll mistennija ssir spezzjoni. Rigward il-full sized football pitch anke intqal li dan jista' jkun fażi oħra tal-proġett fil-futur jekk jibqa' jinħass il-bżonn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13718, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza ta' kull membru tal-Malta Racing Club u d-dati ta' meta attendew għal-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8783 dwar il-bini ta' l-ex-kindergarten ġewwa Brittania Street, Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-użu ta' dan il-bini? Meta se jittieħdu passi sabiex jiġi mbarrat kull aċċess għal dan il-bini abbandunat minħabba d-diversi abbużi ta' droga li jseħħu fih?
Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm intilfu lezzjonijiet tal-computer fl-iskola Umberto Calosso (3A)? Jista' jgħid x'rimedju se jsir jew qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi għall-aħjar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li persss li ma kienx hemm għalliem tal-Computer, il-Klassi 3A tilfet lezzjoni fil-ġimgħa.
Informat ukoll li waqt it-teaching practice kellhom lezzjoni għal sitt ġimgħat. Ser jerġa' jintbagħat student teacher fit-teaching practice li jmiss.
Jidhirlu l-Ministru li wara li għal numru ta' snin it-timijiet tal-Kottonera kienu mwiegħda ground tal-football tal-ħaxix minn gvernijiet Nazzjonalisti, il-bini ta' ground 5-aside mhuwiex jilqa' x-xewqat tad-dilettanti tal-football?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 13720, 13872.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Mużewijiet mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħadd ma ġie impjegat mad-dipartiment indikat fil-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li żaru d-diversi mużewijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern? Jista' jgħid u jagħti breakdown ta' kull mużew partikolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Onor. Membru ma speċifikax perjodu partikolari, sejjer nagħti n-numru ta' nies li żaru l-Mużewijiet matul is-sena li għadha kif spiċċat. Għaldaqstant informat li n-numru ta' nies li żaru l-mużewijiet u siti storiċi fis-sena 1999 huwa kif ġej:
Mużew/Sit storiku Numru ta' viżitaturi
Jannar - Diċembru 1999
Mużew ta' l-Arkeoloġija 74,603
Mużew ta' l-Arti 32,865
Mużew ta' l-Istorja Naturali 16,529
Mużew tal-Fdaliet Rumani 61,446
Għar Dalam 98,141
Tempji ta' Ħaġar Qim 134,927
Palazz ta' l-Inkwiżitur 44,503
Mużew Marittimu 36,910
L-Armerija, il-Palazz 97,376
State Rooms, il-Palazz 128,887
Katakombi ta' San Pawl 86,041
Tempji ta' Ħal Tarxien 123,104
Mużew tal-Gwerra 40,238
Mużew ta' l-Arkeoloġija, Għawdex 20,177
Mużew tal-Folklore, Għawdex 18,481
Mużew tax-Xjenza Naturali, Għawdex 10,944
Tempji tal-Ġgantija, Għawdex 176,619
Il-Mitħna ta' Kola, Għawdex 42,933
TOTAL 1,244,724
Jista' l-Ministru jgħid meta l-istudenti ta' l-iskola primarja ta' Bormla se jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-ground ta' quddiem l-istess skola? Ma jidhirlux il-Ministru li l-affarijiet għandhom jitkomplew peress li t-tfal qed ikollhom jibqgħu fil-klassi waqt il-break?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Ministeru ta' l-Ambjent ilestu x-xogħol li għaddej madwar il-ground ta' l-iskola, dan ikun jista' jintuża mingħajr ebda periklu. Rappreżentanti tat-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed isegwu mill-qrib l-andament tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern fuq restawr u żamma ta' swar, fortizzi u tempji neolitiċi sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Għal dak li għandu x'jaqsam man-nefqa fuq restawr tas-swar u fortizzi, nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru għall-Ambjent.
L-informazzjoni dwar in-nefqa fuq restawr għat-tempji neolitiċi f'dawn l-aħħar għaxar snin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skola bi skola fil-livelli kollha r-rata ta' parteċipazzjoni mill-ġenituri fl-elezzjonjiet tal-kunsilli skolastiċi għas-sena skolastika kurrenti?
X'jaħseb dwar din ir-rata d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Hemm xi inizjattiva maħsuba biex jgħollu din ir-rata? Liema huma dawn l-inizjattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jidher mill-istatistika, hemm skejjel fejn ma saritx elezzjoni u skejjel fejn saret.
Fl-iskejjel primarji Malta kien hemm elezzjoni f'20 skola minn total ta' 66. M'hemmx raġuni waħda għala f'46 skola ħarġu biss 3 ġenituri u allura ma saret ebda elezzjoni. Bħalissa qed isir studju biex f'aktar skejjel ikun hemm elezzjoni.
F'Għawdex, tnejn minn ħdax-il skola primarja kellhom elezzjoni.
Fl-iskejjel speċjali, tnejn minn ħamsa kellhom elezzjoni.
Fis-settur sekondarju, għaxra minn tlieta u tletin kellhom elezzjoni.
Fis-settur post-sekondarju, ħamsa minn sittax kellhom elezzjoni.
Fis-settur ta' l-iskejjel tas-snajja' tnejn minn għaxra kellhom elezzjoni.
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni m'hu xejn kuntent b'dawn il-figuri u ser jaħdem mal-Kapijiet ta' l-iskejjel biex kemm jista' jkun f'kull skola jkun hemm elezzjoni.
Jista'l-Ministru jelenka dawk l-għaqdiet/assoċjazzjonijiet li talbu li jsir trasferiment lilhom ta' faċilitajiet sportivi? Liema huma dawn il-faċilitajiet? Kemm-il talba ġiet rifjutata u għaliex? Jista' jagħti l-figuri għall-1997, 1998 u 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-lista ta' l-Għaqdiet/Assoċjazzjonijiet li talbu li jsirilhom trasferiment ta' faċilita` sportiva fil-perjodu bejn l-1997 u d-9 ta' Frar 1999 ġiet mgħotija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4572 f'Seduta 73.
Informat li minn din il-lista hemm talbiet miċħuda fir-rigward tal-faċilita` sportiva ġewwa l-Kalkara (Boċċi), Kordin 'C' Ground (Football) - [sid l-art huwa l-MDC], Pembroke (Tennis), Sta Venera (Boċċi), Ta' Qali (Assoċjazzjoni Sport Muturi). Dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar matul is-sena 1999. Hemm talbiet oħra li jinsabu pendenti sakemm isir l-assessment meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti.
Il-lista ta' l-Għaqdiet/Assoċjazzjonijiet li talbu li jsirilhom trasferiment ta' faċilita` sportiva fil-perjodu bejn l-10 ta' Frar 1999 u l-31 ta' Diċembru 1999, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li ċerti skejjel, speċjalment dawk indipendenti, m'għandhomx ċerti suġġetti li fil-kurrikulu nazzjonali ġdid se jkunu obbligatorji minn Settembru li ġej, jista' l-Ministru jgħid kif se jgħin biex l-iskop tal-kurrikulu jintlaħaq?
Jista' jgħid f'liema skejjel indipendenti bħalissa qed jiġu mgħallma l-media studies, personal skills, studji soċjali (bħala suġġett wieħed u mhux bħala parti minn suġġet ieħor) u l-istorja ta' Malta? F'kull każ, jista' jgħid kemm hemm għalliema - fulltime/part-time - li jgħallmu dawn is-suġġetti f'kull skola indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħala passi biex jgħin ħalli l-iskop tal-Kurrikulu jintlaħaq, waqqaft Kumitat għat-tmexxija tat-twettiq tal-Kurrikulu (National Steering Committee on the Implementation of the National Minimum Curriculum) u Kumitat ieħor biex jieħu ħsieb jifformola strateġija għat-taħriġ (Training Strategy Formulation Team).
Id-dettalji mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.