Peress li wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea trid tiddaħħal f'pajjiżna taxxa ġdida fuq prodotti ta' l-ikel importati mill-pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea (TARIC), jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'impatt se jkollha din it-taxxa ġdida fuq il-familji Maltin u Għawdxin li jiddependu mill-benefiċċji soċjali? Kemm fil-fatt huwa kkalkolat li jogħlew il-prodotti ta' l-ikel għall-poplu Malti u Għawdxi minħabba din it-taxxa ġdida li se ġġib fuq il-poplu Malti u Għawdxi s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu persuni residenti fl-Isptar San Vinċenz de Paule tul is-sena 1999? Jista' jgħid mil-liema lokalita' kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Wara l-ħruġ tal-Ordni ta' Standard Nazzjonali dwar żieda fil-pagi għall-impjegati (1999), jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif se jiżgura li l-ħaddiema part-time, li wkoll huma ntitolati għall-parti miż-żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa, fil-fatt se jieħduha?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema part-time fl-iskejjel tal-Knisja privati u f'dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin li għandhom jibbenefikaw minn din iż-żieda? Jista' jagħti l-figuri għal kull kategorija separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jifli l-kontenut ta' l-Ordni ta' Standard Nazzjonali ta' l-1999 dwar Żieda fil-Paga għall-Impjegati (Avviż Legali 219/1999).
Paragrafu 2 (1 u 2) jgħid:
"Il-pagi ta' mpjegati "whole-time" għandhom jiżdiedu b'Lm1.00 fil-ġimgħa, u dan b'aġġustament għall-għoli tal-ħajja.
Ir-rata fis-siegħa ta' mpjegati "part-time" għandha tiżdied b'wieħed minn kull erbgħin tar-rata ta' żieda speċifikata fis-subartikolu ta' qabel."
Għalhekk, l-għalliema kollha "part-time", bħal kull impjegat ieħor "part-time", ser jibbenifikaw minnha, proporzjonatament.
L-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg ser iżuru l-iskejjel privati biex jaraw li l-liġi qed tkun osservata.
Skond ir-"records" tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hemm 975 għalliema "part-time" fl-iskejjel tal-knisja privati u dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Il-Korporazzjoni ma żżommx "records" skond il-kategoriji mitluba mill-Onor. Membru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament sabiex jidħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jidhirlu l-Ministru li dan ir-raġel ta' 84 sena, li f'dawn l-aħħar ġimgħat spiċċa waħdu għax tilef il-mara, għandu jingħata prijorita' sabiex ikun viċin uliedu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-anzjan li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament kien applika fl-1997 sabiex jidħol fid-dar ta' l-anzjani. F'Settembru 1999 id-Dipartiment ġie mgħarraf li kien reġa bdielu. Fil-5 ta' Jannar 2000, dan l-anzjan għamel applikazzjoni ġdida u issa għad irid isir ir-rapport tas-social worker u l-eżami mediku.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jiddaħħlu tal-post numru ta' occupational health and safety officers ma' l-Occupational Health and Safety Unit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 12654.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tintlaqa' t-talba tagħha li tiġi aċċettata fi dar ta' l-anzjani tal-Gvern peress li tgħix waħedha u għandha bżonn attenzjoni kontinwa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji intbagħtu separatament, reċentament reġa' sarilha 'assessment' mis-"social worker". Skond dan is-"social assessment" li sar fit-8 ta' Novembru 1999, din il-persuna "tixtieq li għalissa titniżżel fuq il-"waiting list" sakemm tħossha li ma tistax tkampa f'darha iżjed speċjalment jekk ikompli jonqsilha d-dawl". In vista ta' dawn l-jiżviluppi ġodda fl-istat fiżiku tagħha, id-dħul tagħha fid-Djar ta' l-Anzjani qiegħed jingħata priorita' akbar.
Aktar minn sentejn ilu kienet ingħatat opportunita' ta' "respite" bħala prova ta' dħul pero' ma qagħditx aktar minn jumejn.
Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jara għalfejn l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament baqgħet ma riċevitx l-benefiċċji soċjali ta' meta kienet bis-sick leave minkejja li sfat imweġġa' f'Settembru 1998 u damet bis-sick leave sa Marzu 1999?
Possibbli li din il-persuna jinħarġulha l-benefiċċji dovuti għax minkejja li ilmentat diversi drabi, baqgħet ma rċeviet xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna konċernata ġiet infurmata fuq it-talba li kellha biex tirċievi l-Benefiċċju tal-Mard.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil minn intbagħtu dawn il-kartolini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sakemm ma ningħatax raġuni l-għala qed tintalab din l-informazzjoni ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-1 ta' Jannar, 2000 kemm-il persuna żaru jew talbu servizz mill-Job Centres ta' l-ETC f'Malta u f'Għawdex?
Fil-fatt kemm-il job centre hawn, fejn jinsabu; u meta nfetħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istatistika mitluba mill-Onor. Membru ma tinżammx u għalhekk mhux f'pożizzjoni li nagħtiha bi preċiżjoni.
L-ETC għandha Job Centre fil-Belt, f'Għawdex, f'Bormla u fil-Mosta. L-aħħar żewġ Job Centres (i.e. dawk ta' Bormla u tal-Mosta) infetħu s-sena li għaddiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti bħalissa fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jgħid minn liema lokalita' ġejjin u kemm għandhom eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla hemm 24 persuna residenti. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
Bormla 13
Birgu 4
Qormi 2
Paola 3
Żabbar 1
Tarxien 1
L-etajiet ta' dawn il-persuni huma hekk:
1 ta' 63
2 ta' 66
1 ta' 68
1 ta' 69
3 ta' 72
1 ta' 75
2 ta' 76
1 ta' 77
1 ta' 78
2 ta' 79
2 ta' 80
1 ta' 82
1 ta' 83
2 ta' 84
1 ta' 86
1 ta' 88
1 ta' 92
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm hemm nies jirreġistraw għax-xogħol minn dawn il-lokalitajiet: (1) Żabbar; (2) Żejtun; (3) Wied il-Għajn? Jista' jgħid kemm minn dawn huma rġiel u kemm huma nisa u l-gruppi ta' eta' (ħamsa jew għaxar snin)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar tikkonsidrax li tinstalla lifts iżgħar f'appartamenti tal-gvern bħal:
104, Triq il-Kapuċċini, Floriana; u 24 Triq Sant'Anna, Floriana fejn fil-lift space bejn it-taraġ hemm spazju għal lift box għal żewġ jew tliet persuni għax fihom joqogħdu ħafna anzjani fis-sulari ta' fuq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qegħda fil-proċess li timpjega Mechanical Engineer u Architect għall-installar tal-lifts fi blokki tal-Gvern. Meta dawn jiġu ingaġġati fi ftit ta' żmien ieħor, ikun jista' jiġi konstatat jekk jistax jiġu installati l-lifts.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' xiri ta' flat tal-gvern li l-partikolaritajiet dwar dan l-individwu qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ser jintbgħat il-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tiġi valutata din il-proprjeta'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma' din il-mistoqsija u li tinsab waħedha u bi bżonn kbir li tidħol f'dar ta' l-anzjani jew SVPR, tiddaħħal f'xi waħda minn dawn l-istituzzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-anzjana li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament applikat biex tidħol f'dar ta' l-anzjani fid-9 ta' Settembru 1999. Diġa' sarilha l-assessment mis-social worker u anke l-eżami mediku.
L-istess persuna ma jidhirx li għamlet applikazzjoni sabiex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li titwaqqaf l-Occupational Health and Safety Authority?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed isiru l-preparamenti meħtieġa bil-ħsieb li titwaqqaf l-"Occupational Health and Safety Authority", matul din is-sena, wara li tiġi approvata l-liġi fil-Parlament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex, minkejja li tliet inspectors fl-Occupational Health Unit ħadu d-diploma (Occupational Health and Safety) fit-8 ta' Ottubru, 1999, dawn għadhom fl-istatus ta' trainees? Jidhirlu l-Ministru li din hija inġustizzja ma' dawn il-ħaddiema li fosthom hemm min qed jagħmel xogħol ta' inspector pero' jitħallas ta' trainee?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-"Trainee Inspectors (Health and Safety) li temmew b'suċċess il-kors li jwassal għad-"Diploma in Social Science (Occupational Health and Safety) li kienu daħlu f'kuntratt mal-Gvern għandhom jinħatru Spetturi (Saħħa u Sigurta') fuq bażi regolari b'effett retrottiv mid-data tal-ksib tad-Diploma.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm organizzat courses differenti l-ETC mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-1 ta' Jannar, 2000? F'dawn il-courses attendew xi persuni b'diżabilita'?
Fl-istess perijodu x'ħidma wettqet l-ETC biex tgħin persuni b'diżabilita' issibu mpjieg?
Kemm minn dawk li qed jirreġistraw bħalissa huma reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' bħala persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-1 ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Diċembru 1999, l-ETC organiżżat tmien korsijiet speċifikament għal persuni b'diżabilita'. Għal dawn il-programmi ta' taħriġ attendew 44 persuna b'diżabilita'. Erbatax oħra ġew integrati f'korsijiet normali ta' l-ETC. Ma dawn wieħed irid iżid sitt programmi ta' taħriġ organiżżati flimkien ma' l-Eden Foundation li għalihom attendew sbatax-il persuna.
Il-ħidma ta' l-ETC biex tgħin persuni b'diżabilita' jsibu mpjieg kienet tikkonsisti minn:
* Pariri lill-persuni b'diżabilita' li qed ifittxu mpjieg.
* L-użu ta' skemi li jħajjru lil min iħaddem biex jimpjega persuni b'diżabilita'.
* Taħriġ fiċ-ċentru ta' l-ETC jew f'organiżżazzjonijiet oħra li għandhom faċilitajiet apposta bħalma hi l-Eden Foundation.
* Koordinament ma' organiżżazzjonijiet li jistgħu jirreferu persuni b'diżabilita' għas-servizzi ta' mpjiegi jew taħriġ li toffri l-ETC.
* Taħriġ fuq postijiet tax-xogħol biex jiġu megħjuna persuni b'diżabilita' jintegraw fid-dinja tax-xogħol. Taħriġ bħal dan sar b'kollaborazzjoni ma' Dar il-Wens u l-Eden Foundation.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat li l-ETC ma żżommx din l-informazzjoni, iżda ser jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex din l-informazzjoni tibda' tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawk li qed jirreġistraw bħalissa għax-xogħol huma 'l fuq minn 40 sena?
Xi pjanijiet għandha l-ETC biex il-gvern iżomm il-wegħda elettorali tiegħu li jgħin persuni 'l fuq minn 40 sena biex isibu xogħol - ħaġa li fis-snin li għaddew dehret li ma tantx hi faċli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Diċembru 1999 in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u huma minn 40 sena 'l fuq kien ta' 3,020.
Bħalissa l-ETC qed tiddiskuti skema apposta ndirizzata għall-ħaddiema 'l fuq minn 40 sena u jinsabu bla xogħol. Malli din l-iskema tiġi finaliżżata tingħata nformazzjoni lill-pubbliku u l-aktar lil dawk li jistgħu jibbenefikaw minnha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jissewwa l-periklu fil-fond 43/8 Strait Street, Valletta peress li taħtu joqogħdu residenti kif ukoll jinstabu uffiċini u stabbilimenti kummerċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-fond 43/8 Strait Street mhuwiex wieħed residenzjali u b'hekk ir-responsabilita' għat-tiswija tiegħu ma taqax taħt id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Madankollu jien infurmat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Estates Management ħareġ sejħa għal offerti biex il-flat in kwistjoni jintuża bħala uffiċċju. Għal aktar informazzjoni nagħi parir lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Intern li taħtu jaqa' d-Dipartiment ta' l-Estates Management.