Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Tarxien - Tibjid

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-flats ta' Triq Ħal Luqa, Tarxien Block I, Block II, Block III u Block IV jiġu mbajda fil-komun tagħhom biex ir-residenti jkollhom ambjent sabiħ u nadif peress li jinsabu fi stat ta' telqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Ministeru tal-Politika Soċjali — Riżenja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' mpjieg tal-persuna li ddettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qabel ma kien irriżenja mill-post tax-xogħol tiegħu madwar sentejn ilu? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' l-impjieg ġdid ta' l-imsemmija persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iż-żewġ dokumenti mitluba mill-Onor. Membru, jiġifieri: (i) kopja tal-kuntratt tal-persuna msemmija meta kienet impjegata mal-Aġenzija Sedqa; (ii) kopja tal-kuntratt tal-persuna msemmija fil-kariga ġdida tagħha mal-Programm Ħidma Soċjali (SWDP). Dan il-kuntratt huwa ffirmat mill-persuna msemmija u mill-President tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali.

Ministeru għal Politika Soċjali — Rigali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tweġiba għall-Mistoqija Parlamentari Numru 12328.

Impjiegi — Mwiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol fis-snin 1996, 1997, 1998 u 1999? Kemm kienu rrapportati korrimenti fuq il-postijiet tax-xogħol fl-istess perijodu? Kemm tħallsu benefiċċji soċjali sena b'sena ta' l-istess perijodu mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Meta d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jagħti benefiċċji, x'ikun l-obbligu ta' l-employer f'dawk li huma benefiċċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' talbiet għall-Benefiċċju tal-Korriment u l-ammont imħallas hu kif jidher hawn taħt: 1996 1997 1998 1999 Mwiet fuq 12 5 12 8 ix-xogħol Numru ta' 6,134 5,723 5,430 5,151 talbiet għall- korrimenti fuq il-post tax- xogħol Ammont Lm380,847 Lm464,556 Lm420,419 Lm428,642 imħallas (proviżorja) f'Benefiċċju Meta persuna tkun koperta taħt l-Att li Jirregola l-Kundizzjonijiet ta' l-Impieg, hija jkollha dritt għal paga sħiħa għal perjodu massimu ta' sena mid-data ta' l-inċident. Il-prinċipal jkollu dritt jitlob lura l-flus li tkun irċeviet f'benefiċċju l-persuna li jkollha l-inċident.

Anzjani — Servizz tal-Home Help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jingħata servizz lil anzjana li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għalkemm tinsab weħidha għandha bżonn għajnuna ta' servizz tal-Home Help peress li t-tfal jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjana li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament applikat għall-Home Help iżda l-Bord deherlu li m'għandux jingħatala dan is-servizz.

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħin fil-każ ta' l-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab waħedha u mhux tajba aktar li tgħix waħedha tiġi megħjuna biex tidħol f'xi dar ta' l-anzjani bħal SVPR?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament applikat sabiex tidħol fir-residenza San Vinċenz fit-30 ta' Settembru 1999 u fit-18 ta' Jannar 2000 waslet l-applikazzjoni tagħha sabiex tidħol fid-dar ta' l-anzjani f'Bormla. Fiż-żewġ applikazzjonijiet, dan il-każ qed jingħata l-attenzjoni meċessarja u skond il-priorita' li tiġi stabbilita mill-assessment tas-"social worker" u tat-tabib.

Djar — Postijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji (bħal prezz li tħallas, mingħand min inxtraw u f'liema lokalita' qegħdin) tal-postijiet li l-Awtorita' tad-Djar xtrat mingħand il-privat minn Settembru 1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Settembru 1998 sallum l-Awtorita' tad-Djar ma xtrat l-ebda bini mingħand il-privat. Biss, bħalissa l-Awtorita' qed tevalwa l-offerti li rċievet wara li ħarġet skema għal xiri ta' postijiet mingħand il-privat.

Anzjani — Care workers

Question

B'riferenza għall-postijiet ta' care workers fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani, liema sejħa saret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 7 ta' Jannar 2000 f'paġna 74, partikolarment għall-paragrafu 6 fejn jintqal (quote) "L-applikanti għandhom jinnominaw żewġ persuni biex jagħmluha ta' referees (politikanti u qraba ta' applikanti ma jistgħux jaġixxu bħala referees)" (unquote), jaħseb il-Viċi Prim Ministru li: (1) peress li l-kelma "politikanti" skond id-dizzjunarju tal-Professur Joseph Aquilina, maħruġ fl-1990 f'paġna 1067, il-kelma "politikant" tfisser "petty politician jew dabbler in politics" il-kelma adatta kellha tkun "politiċi" għaliex "politikanti" tammonta għal insult għal klassi politika Maltija; (2) il-fatt innifsu li l-politiċi, inkluż membri parlamentari, ma jistgħux jagħmluha ta' referees timplika nuqqas ta' fiduċja fil-klassi politika Malija u/jew li m'humiex responsabbli biżżejjed biex jagħmluha ta' referees, meta l-istess membri parlamentari jistgħu jagħmluha ta' referees f'diversi applikazzjonijiet għal xogħol kif ukoll bħala xhieda li r-ritratti ta' applikanti jkunu verament tal-persuna konċernata u anke biex jifformaw applikazzjonijiet uffiċjali, bħal dak tal-passaport; u (3) taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-klawsola msemmija f'gazzetta uffiċjali tal-Gvern m'għandhiex tiġi ripetuta fil-futur għaliex tista'timplika nuqqas ta' serjeta' u allura sfiduċja fil-membri parlamentari Maltin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

(1) Huwa veru li l-użu tal-kelma "politiċi" għandha tifsira aħjar minn "politikant". (2) u (3) Il-fatt li l-politiċi ma jistgħux jagħmluha ta' referees tidher li hija politika tal-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office, u allura dan id-dipartiment mhux f'posizzjoni li jwieġeb din il-parti tal-Mistoqsija.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, meta familja tkun qed tgħix f'post ikkundannat u li jkun tal-privat u din il-familja tapplika għall-akkomodazzjoni alternattiva għand il-housing, x'metodi ta' selezzjoni jintuża sabiex dawn in-nies ma jibqgħux jissugraw ħajjithom u jinħarġu minn ġo dan l-istat ta' miżerja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull persuna li tapplika għall-akkomodazzjoni alternattiva mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali tkun mitluba tiddikjara jekk il-post li qed tgħix fih huwiex perikoluż jew le. Dan isir sabiex id-Dipartiment ikun jista jevalwa kull każ ippreżentat quddiemu. Ovvjament kull dikjarazzjoni tkun riflessa f'punti li fl-aħħar mill-aħħar huma wieħed mill-fatturi prinċipali ta' kull allokazzjoni. Biss, irrid nenfasiżża li s-sid biss għandu r-responsabilita' tal-periklu li jkun fih il-post. Dan iffisser li l-inkwilini għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li s-sid ineħħi l-periklu mill-post li jabitaw fih.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta post tal-gvern ikun diġa' ġie kkundannat u fih qed jabitaw in-nies, x'inhi l-politika tal-gvern f'dawn il-każi? Il-gvern huwa kommess li tinstab akkomodazzjoni alternattiva biex jinstab post alternattiv immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Postijiet tal-Gvern li jiġrilhom ħsara waqt li jkunu mikrija jiġu msewwija mid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija ta' Djar. Ġeneralment il-periklu jitneħħa mingħajr bżonn ta' akkomodazzjoni alternattiva.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu għall-kliem iebes fl-editorjal tan-Newsletter "il-Pensjonant" fejn il-pensjonanti jikkritikaw bl-aħrax l-għaġir tal-Gvern fil-konfront tagħhom? Il-Gvern Nazzjonalista beħsiebu jwettaq il-wegħda elettorali li għamel f'dan il-qasam, u jekk fl-affermattiv meta, ċioe' li jingħataw iż-żidiet sħaħ fil-pensjonijiet u jekk hux beħsiebu jkompli jċaħħad lill-pensjonanti milli jieħdu iż-żidiet li jinħarġu fil-collective agreement (billi minflok tingħata lump sum payment biss)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Nazzjonalista jilqa' kull kritika kostruttiva li jsirlu bi spirtu ta' djalogu. Fir-rigward tal-pensjonijiet naħseb li diġa' spjegajt fit-tul dwar il-Politika tal-Gvern f'dan il-qasam fit-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 6218 u 12069. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant huwa tajjeb li nippreċiża li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi għar-reviżjoni tal-pensjoni fuq il-bażi taż-żiediet li jkun hemm fis-salarju jew paga bażika tal-post li kellu il-pensjonant. Il-"Collective Agreements" isiru bi ftehim wara diskussjonijiet bejn il-Unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u min iħaddem. Kif spjegajt diġa', wara li jsir dan il-Ftehim il-Pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali jiġu riveduti mill-ewwel Sibt ta' Jannar ta' kull sena abbażi ta' l-istrutturi ġodda ta' salarji bażiċi nklużi fil-"collective agreement" ġdid. Inżid ngħid li l-istess Liġi ma tippermettix li jittieħed xi ammont li ma jkunx parti ntegrali mill-paga bażika ta' ftehim kollettiv ġdid.

ETC — Is-Sur Laurenti/Is-Sur Camilleri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi d-domanda 11897 li saret iktar minn xahar ilu (fit-3/12/99) u li sas-17/1/2000 għadha ma ġietx risposta? Jista' l-Ministru jispjega għalfejn kien hawn dan id-dewmien kollu meta l-informazzjoni mitluba ma tirrikjediex riċerka partikolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dettalji dwar l-ingaġġ tas-Sur John Camilleri fil-kariga ta' Chief Executive Officer ta' l-ETC diġa' ngħataw fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 10,637. Dwar id-dokument tal-kuntratt għall-ħatra taċ-Chief Executive Officer il-ġdid, jien infurmat li dan għad irid jiġi ffinaliżżat.

Caritas/Sedqa

Question

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Mons. Victor Grech, direttur tal-Caritas, kif irrapportat fit-Torċa tal-Ħadd 16 ta'Jannar fejn qal "Għadu ma nħoloqx koordinament effettiv bejn il-Caritas u s-Sedqa, flimkien mal-entitajiet kollha li jaħdmu f'dan il-qasam". X'miżuri qed jittieħdu sabiex tiżdied il-kooperazzjoni bejn dawn l-imsemmija entitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Sedqa, bħala l-Aġenzija Nazzjonali, taħdem fil-qrib kemm mal-Caritas kif ukoll ma' Aġenziji oħra mhux governattivi. Dan isir fil-qasam tal-Prevenzjoni u tas-Saħħa u Kura, kif ukoll billi toffri taħriġ lil ħaddiema ta' dawn l-Aġenziji. Barra minn hekk, il-Gvern waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż ta' Droga, Akolħol u Dipendenzi Oħra, li fost x-xogħol ewlieni tagħha, hemm proprju il-koordinament tax-xogħol li jsir mid-diversi aġenziji li jaħdmu fis-settur.

Belt/Floriana — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux tabilħaqq se jiġu nstallati l-lifts fil-bini tal-housing fiz-zoni tal-Belt u Floriana? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji ta' fejn u meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar qegħda fil-proċess li timpjega Perit Ċivili u Engineer biex jiġi studjat fid-dettal fejn jistgħu jiġu installati il-"lifts" f'dawk il-Blokki li r-residenti tagħhom applikaw taħt l-iskema relattiva. Meta jiġu identifikati dawk il-blokki fejn jista' jiġi installati il-"lifts", jinbdew immedjatament il-proċeduri neċessarji.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm attwalment applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni soċjali minn ċittadini li jgħixu fil-Belt, Floriana u Hamrun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 362 applikazzjoni mill-Belt, 159 mill-Ħamrun u 91 applikazzjoni mill-Furjana.

EU — Export Refunds

Question

Peress li wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea titlef miljuni kbar ta' liri kull sena f'export refunds fuq prodotti ta' l-ikel importati mill-Unjoni Ewropea stess, jista'l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kif dan se jaffetwa l-familji Maltin u Għawdxin li jiddependu mill-benefiċċji soċjali? Kemm fil-fatt qed jikkalkola l-gvern li jkun dan it-telf ta' l-export refund li jitlef il-poplu fuq ikel importat mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minħabba sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċevimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-Festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonjiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull okkażjoni min fejn ġie ordnat l-ikel u x-xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' l-Ministru jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħala pajjiż ċivili, hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied. Dan il-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb jibdel din l-użanza. Jekk l-Onor. Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata, nkun f'pożizzjoni li nordna li tinġabar din l-informazzjoni.