Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14347 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gudja

Question

B'riferenza għall-ittra iffirmata li dehret fuq il-ħarġa tal-ġurnal ta' "In-Nazzjon" f'paġna 10, tal-Ġimgħa 18 ta' Frar, 2000 iffirmata mis-Sur Karmenu Dalli, Gudja fejn ġie allegat li nhar il-Ħamis 3 ta' Frar, il-Gudja PTA ta' l-iskola primarja tal-gvern organizzat coffee morning f'lukanda fejn ġew mistiedna biss kandidati għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali mal-Partit Laburista u fil-preżenza tas-surmast infurmaw lill-udjenza li kienu se jikkontestaw għall-elezzjoni tal-kunsill lokali mal-MLP, u saħansitra talbuhom jgħinuhom fil-kampanja elettorali u biex jivvotawlhom bħala kandidati tal-MLP, billi din kienet ittra pubblika iffirmata - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - jista'l-Ministru jew id-diviżjoni ta'l-edukazzjoni tinvestiga l-kontenut tagħha? Billi din kienet attivita' tal-PTA ta' l-iskola tal-gvern u li fiha allegatament kien preżenti s-surmast ta' l-iskola primarja tal-Gudja, jaħseb il-Ministru li hu inaċċettabbli li din tinbidel f'waħda puramament politika? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet għamlet id-diviżjoni ta'l-edukazzjoni, min għamilhom, x'irriżultalu, lil min kellmu, ħadux statement bil-miktub jew verbalment, x'passi ttieħdu, kontra min ttieħdu, u fiex kienu jikkonsistu?

Response (GALEA, LOUIS)

Jidhirli li l-fatti indikati mill-Onor. Membru jagħtu lok għal nuqqas ta' stima u kredibilita` tal-Kunsill ta' l-Iskola anke jekk id-deċiżjoni dwar id-dettalji ma tkunx ittieħdet formalment mill-Kunsill. Barra minn hekk informat li l-Kap ta' l-Iskola ma kienx preżenti għal laqgħa. Dak inhar kien qed jattendi sessjoni ta' Taħriġ fi Programm tal-Computer. Il-Kap ta' l-Iskola ġie mitlub mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jagħmel statement u nforma li l-laqgħa msemmija ġiet organizzata mill-ġenituri membri tal-Kunsill Skolastiku. Ser inkompli nsegwi l-każ biex infiehem li dawn il-ħwejjeġ ma jagħmlux ġid lill-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #12589 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu msemmi ma kien hemm ebda trasferiment fil-Pixxina Nazzjonali.
Leg 9 PQ #14268 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Matsec — Eżamijiet

Question

Peress li l-Ministru talabini npoġġi l-mistoqsija parlamentari numru 12738 dwar applikazzjonijiet ta' l-istudenti għall-eżamijiet tas-SEC, wara l-15 ta' Frar, jista' issa jwieġeb din il-mistoqsija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kandidati li ser jersqu għall-eżami tas-Secondary Education Certificate għas-Sessjoni ta' Mejju 2000 huwa hekk: Numru ta' Applikanti Malta 7232 Għawdex 730 TOTAL 7962 Il-lista ta' suġġetti li ser jersqu għalihom f'din is-sezzjoni kif ukoll l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14270 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Ċentru sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jibda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċentru sportiv quddiem il-Kulleġġ De La Salle, hux se titmiss l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala) jew xi faċilitajiet tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tweġiba hija fin-negattiv. Madanakollu, hemm il-ħsieb li fl-istadju tal-bini tal-Kumpless Sportiv ta' Cottonera tittieħed l-inizjattiva sabiex isir xogħol ta' riabilitazzjoni fil-pitch tal-football ta' l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala).
Leg 9 PQ #14294 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kull skola sekondarja f'Malta, x'kien il-persentaġġ ta' tfal li ġabu l-kwalifiki minimi biex jidħlu fil-Junior College?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #14296 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tax credits

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mid-diskussjonijiet li kellhom iseħħu dwar tax credits għal ġenituri ta' tfal li jattendu skejjel privati? Meta beħsiebu l-gvern Nazzjonalista jwettaq din il-wegħda elettorali?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-opportunita` ngħid fil-pubbliku, f'dawn il-ġimgħat ser ikolli laqgħat mal-partijiet interessati fis-suġġett in kwestjoni.
Leg 9 PQ #14311 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Ingliż - Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti barranin li s-sena li għaddiet (1999) attendew xi kors biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista' jelenka l-iskejjel u n-numru ta' studenti li attendew f'kull skola? Jista' jagħti dettalji dwar il-pajjiżi li ġew minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #14340 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Literacy study

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir sforz sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, kif jirriżulta mil-literacy study li sar fi tfal ta' sitta jew seba' snin, li biha l-ogħla rata ta' illitteriżmu qiegħda fit-tfal fl-iskejjel primarji tal-gvern fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera? Jista' jiżdiedu n-numru ta' għalliema f'dawn l-iskejjel sabiex ikun hemm anqas studenti għal kull għalliem/a?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-riżultat u r-rakomandazzjonijiet li saru fl-istudju dwar il-literiżmu msemmi fil-Mistoqsija se jittiedu b'serjeta` u se jitwettqu l-passi rimedjali li r-riċerka turina li huma effettivi. Ma rridux nassumu li s-soluzzjoni ewlenija għar-riżultat ta' l-istudju huwa t-tnaqqis tan-numru tat-tfal fil-klassijiet. Il-verita` hija ħafna iżjed kumplessa u trid tinkludi riflessjoni serja dwar il-metodi tat-tagħlim. Ħarsa lejn in-numri ta' tfal li hemm bħalissa fil-klassijiet ta' l-iskejjel tar-reġjun imsemmi fil-Mistoqsija kif jidhru fil-listi li se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, turina numri li b'ebda kejl ma jistgħu jitqiesu bħala kbar. Dawn in-numri jkomplu jsostnu l-bżonn ta' ħarsa tajba lejn fatturi oħra li jinfluwenzaw it-tagħlim barra n-numri ta' tfal fil-klassi.
Leg 9 PQ #14341 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-complement ta' staff akkademiku fl-iskejjel primarji tal-gvern b'mod ġenerali? Hemm xi ratio bejn in-numru ta' għalliema u n-numru ta' tfal? Kemm hemm tfal li jattendu u x'inhu l-complement ta' l-istaff akkademiku fl-iskejjel primarji fil-Belt u fil-Furjana, skola bi skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-complement ta' l-Istaff ta' l-għalliema fl-iskejjel primarji hu ta' għalliem wieħed għal kull klassi. Barra mill-għalliema ta' kull klassi fl-iskejjel primarji jista' jkun hemm ukoll numru ta' "Complementary" u "Peripatetic teachers" li jvarja minn skola għal oħra, kif ukoll numru ta' "facilitators" skond il-ħtieġa. Tfal li jattendu l-iskejjel primarji: Subien Bniet Total Il-Belt 131 129 260 Il-Furjana 69 68 137 Staff: Irġiel Nisa Total Il-Belt 3 8 11* Il-Furjana 1 6 7* * Dan it-total ma jinkludix il-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet.
Leg 9 PQ #14112 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birzebbuga - Primarja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li t-tfal ta' l-iskola primarja B ta' Birżebbuġa ilhom ġimgħa ma jingħataw ħalib? X'inhuma r-raġunijiet? Il-kunsill skolastiku din is-sena meta ngħata rendikont kif intnefqu l-flus mogħtija lill-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-ġranet ta' l-eżamijiet kien qed jinħela ħafna ħalib peress li t-tfal ma kienux qed jixorbuh. Minflok tibgħat numru ta' pakketti ta' ħalib fil-klassijiet li kien qed jinħela l-amministrazzjoni ta' l-iskola bdiet tagħti l-ħalib lil kull min jitolbu. Informat li r-rendikond ta' kif intefqu l-flus mogħtija lill-iskola għall-użu tal-Kunsill Skolastiku ingħata fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Frar.
Leg 9 PQ #14113 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Maria Goretti

Question

Mingħajr indħil fit-tmexxija ta' l-iskola, jista' l-Ministru jara li jiġi rakkmandat lil min qed imexxi l-iskola Santa Maria Goretti ta' Ħal Tarxien biex l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatmanet titħalla tilbes ġakketta li taqbel ma' l-uniformi ta' l -iskola għax mingħajrha tħoss il-kesħa? X'passi ttieħdu fl-istess skola biex bniet lebsin mhux xieraq jew kif suppost jibdew jiġu libsa kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Santa Maria Goretti ta' Ħal Tarxien għandha 'policy' li l-istudenti kollha jmorru l-iskola bl-uniformi li tikkonsisti f'dublett skoċċiż, qmis griża u ġakketta tip blazer ta' kulur ħadrani fil-blu. L-amministrazzjoni ta' l-iskola tinsisti li kull studenta tilbes l-uniformi ta' l-iskola. Informat ukoll li jirriżultawx rapporti li kien hemm xi bniet lebsin mhux xieraq.
Leg 9 PQ #14146 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni iħaddem social workers?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Education Welfare Section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm sebgħa (7) qualified Social Workers.
Leg 9 PQ #14165 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

NPAA — Studji

Question

B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 37 tal-NPAA, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet tekniċi u finanzjarja ta' l-introduzzjoni tat-tibdil fir-requirements ta' training ta' tobba tal-familja (general medical practioners) u ta' spiżjara, li jridu jsiru biex naderixxu mal-EU General System Directives? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni ta' l-Acquis magħruf bħala "In-National Programme for the Adoption of the Acquis" (NPAA) identifika dawk l-aspetti kollha fejn għad hemm bżonn li jsiru studji speċifiċi. Hekk kif jitlestew dawn l-istudji l-NPAA jiġi kompletat u jittieħdu deċiżjonijiet relattivi. Mhux għaqli li tingħata informazzjoni dwar dawn l-istudji f'dan il-waqt jew li jitqegħdu kopji fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jitlestew jew li tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati ta' dawn l-istudji, anke minħabba fin-natura sensittiva tan-negozjati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea ġaladarba dawn l-istudji jistgħu jservu bħala bażi għall-pożizzjoni tal-Gvern Malti f'dawn in-negozjati. Minkejja dan kollu l-Gvern lest li jsib mod kif iżomm l-Oppożizzjoni nformata u jikkopera magħha jekk hija trid ġenwinament tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija tal-pożizzjoni tagħna għan-negozjati u tat-tibdil li jkun jinħtieġ li jsir sabiex aħna nadottaw l-acquis.
Leg 9 PQ #14166 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

NPAA — Free Movement of Persons

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir attwalment biex tintlaħaq waħda mix-short term priorities msemmija fid-draft NPAA (National Programme for the Adoption of the Acquis) taħt Free Movement of Persons, li f'paġna 39 ta' dan ir-rapport taħt B(a) tgħid: "Set up similar legal and administrative structures as in the EU with the overseeing of professional education and training and the recognition of pertinent qualifications" Dan il-proċess huwa deskritt f'dan ir-rapport bħala ongoing?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` qed tipprepara 'set-up' biex jinħoloq il-mekkaniżmu professjonali li jamministra dan il-qasam. Fondi qed jiġu mitluba mill-ACT biex ikopru l-ispejjeż involuti.
Leg 9 PQ #14177 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Viżti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti minn tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifiħlux, jista' l-Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu tad-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li ma ġew ingaġġati ebda tobba fid-Dipartiment li jaqgħu fi ħdan dan il-Ministeru.
Leg 9 PQ #14247 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kunsill Skolastiku

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ilu li ġie elett il-kunsill skolastiku f'kull skola tal-gvern f'Malta u Għawdex: (a) kemm-il darba iltaqa' l-kunsill ta' kull skola; (b) x'kienet l-aġenda f'kull laqgħa; u (ċ) x'attivitajiet organizza kull kunsill skolastiku f'kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-ġbir tat-tagħrif mitlub jirrikjedi ħafna xogħol, nitlob l-Onor. Membru jispeċifika t-tagħrif li l-aktar hu rilevanti għall-kwestjoni li qed jindaga.
Leg 9 PQ #14255 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wied il-Għajn — Pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir minn dik li kienet il-pixxina f'Wied il-Għajn, f'idejn minn qegħda u x'termini ta' użu hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li permezz ta' ittra datata 15.12.97, il-Kunsill Malti għall-Isport kien ħatar bħala amministraturi u operaturi ta' l-ex Pixxina Nazzjonali ta' l-Għawm f'Żonqor Point, Wied il-Għajn lil Marsascala Aquatic Sports Club. L-attivitajiet f'din il-Pixxina huma dawk normalment assoċjati ma' Aquatic Club. Fis-sajf li għadda, il-faċilitajiet fl-imsemmija Pixxina (kif ukoll f'pixxini ta' aquatic clubs oħra) intużaw mill-organizzaturi tal-Kumitat Skola Sport għall-ewwel darba. Il-Kunsill Malti għall-Isport qiegħed f'taħditiet mal-kumitat tal-Club sabiex jiġi mfassal Management Agreement dwar l-użu tal-post.
Leg 9 PQ #14260 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Gradwati fil-B. Psychology

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti fil-B.Psychology sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors li jwassal għal grad ta' Bachelor of Psychology/Bachelor of Psychology (Hons.) kien offrut għall-ewwel darba fl-1992 u għaldaqstant l-ewwel grupp li ggradwaw Bachelor of Psychology kienu fl-1995. Dawn kienu kif ġej: Sena B.Psych. B.Psych. (Hons.) 1995 25 -- 1996 16 27 1997 39 15 1998 42 16 1999 23 36
Leg 9 PQ #14264 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Common Entrance Examination

Question

Jista' l-Mnistru jgħid kemm għaddew studenti għall-common entrance examination sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Belt, Furjana, Ħamrun u Pieta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-common entrance examination huwa eżami għad-dħul fil-Form I ta' xi skejjel tal-Knisja. Huwa eżami organizzat, issettjat u mmexxi kompletament mill-"Private Schools Association" u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandu x'jaqsam xejn miegħu.
Leg 9 PQ #14267 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li xi għalliema jibqgħu fl-iskola sal-5.00 p.m. biex jikkoreġu l-pitazzi eċċ u ta' dan jitħallsu somma flus fix-xahar? Huwa minnu li l-idea hija li dan il-proġett isir bħala prova fil-Junior Lyceum tal-bniet taż-Żejtun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li la ħadd talab xi permess u lanqas ħadd ma għamel xi proposta bħal dik imsemmija fil-Mistoqsija la fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lanqas fl-iskola msemmija.