Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni, ftehim jew ħidma se ssir bejn l-ETC u l-kumpannija Irlandiża FAS?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Employment & Training Authority tal-Irlanda (FAS) permezz tal-kumpanija ta' konsulenza tagħha FAS International Consulting Ltd., se tgħin lill-ETC biex tagħmel Operations Review tal-operat tagħha u tassisti biex jitfassal Business Plan għal tlett snin.
Jista' l-Ministru jinvestiga fuq liema kriterji talbiet minn residenti tal-blokk li fih kien joqgħod Riccardo Cesare li safa vittma fil-Furjana, ġew maqbuża minn persuni li applikaw warajhom liema persuni ngħataw akkomodazzjoni alternattiva?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn u fuq liema kriterji reġgħet ġiet magħżula l-lukanda Edvan, bħala refuġju għal nies mingħajr saqaf?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed iħallas id-dipartiment lil din il-lukanda għall-akkomodazzjoni fornuta kuljum għal kull persuna?
Kemm nies preżentement ġew mibgħuta f'din il-lukanda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se ssir inkjesta interna fi ħdan il-ministeru sabiex jiġi nvestigat: (a) kemm-il darba sar rapport; (b) x'passi ttieħdu; jew (ċ) għalfejn qatt ma ttieħdu passi għar-rigward tal-fond li ġġarraf u li fih safa vittma Riccardo Cesare?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika x'passi se jittieħdu sabiex dawk il-każi ta' djar ikkundannati jiġu immedjatament investigati u dawk li qegħdin jabitaw fihom jingħataw djar diċenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-ebda dipartiment, entita' jew korporazzjoni li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Politika Soċjali ma rriżultaw problemi tal-Y2K fil-'computers' u apparat ieħor elettroniku.
Minkejja li beda seklu ġdid ir-residenti ta' Għar Barka għadhom qed jistennew li jsiru l-kuntratti uffiċjali tad-djar tagħhom li kienu ħarġu taħt l-iskemi tal-gvern fl-1980, jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jinvestiga u jawtorizza kif dan il-bżonn ta' 'l fuq minn 180 familja jiġi rimedjat bla aktar telf ta' żmien? Peress li r-residenti msemmija ħallsu wkoll iċ-ċnus tagħhom, jista' jara li fi Frar 2000 isiru dawn il-kuntratti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-akkwist ta' l-artijiet li tqassmu f'HOS plots isir mill-Lands Department. Biex l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tiffinalizza l-kuntratt mal-benefiċjarji tagħha, trid ikollha t-titolu legali fuqha li jiġi trasferit lilha mill-Lands Department. Sallum dan għadu ma sarx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġeneralment iddum persuna li tkun għamlet talba għall-ewwel darba għaċ-children's allowance biex tieħu l-imsemmi benefiċċju?
Jikkonferma l-Ministru li bħalissa d-Dipartiment għandu ħafna talbiet pendenti, dawk ta' l-ewwel darba biex jibdew jieħdu ċ-children's allowance? Jista' jgħid kemm huwa l-ammont ta' persuni li qed jistennew biex jieħdu l-ewwel ċekk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Talbiet ġodda għall-Allowance tat-Tfal li jkollhom l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa, qegħdin jinħadmu immedjatament kif jaslu fis-Sezzjoni tal-Allowance tat-Tfal. Il-ħlas dovut qiegħed isir fi żmien perjodu li jvarja bejn ġimgħa u ġimgħatejn.
Bħalissa hemm 242 talba ġdida għall-Allowance tat-Tfal li qegħdin pendenti. L-applikanti ta' dawn it-talbiet kollha ġew infurmati, uħud għal iżjed minn darba, li t-talba tagħhom ma tistax tinħadem għaliex jonqosha xi informazzjoni jew dokumenti. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jkun f'pożizzjoni li jaħdem dawn it-talbiet u jistabilixxi d-dritt u r-rata ta' Allowance tat-Tfal hekk kif l-applikanti jipproduċu l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm weġġgħu ħaddiema fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel għaxar xhur tas-sena (Jannar sa Ottubru 1999)? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom jaħdmu fis-servizz pubbliku u kemm minnhom fis-settur privat? Kemm ħareġ flus id-dipartiment biex seta' ffinanzja dan il-benefiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol bejn Jannar u Ottubru, 1999 kien ta' 3,952. Is-somma li ħareġ id-Dipartiment kienet ta' Lm368,381 għal dawn l-ewwel għaxar xhur tas-sena 1999. It-talbiet kienu mqassmin hekk:
NISA IRĠIEL TOTAL
---- ------ -----
Privat 320 1,993 2,313
Gvern 74 343 417
Jaħdmu għar-rashom 4 244 248
Parastatali 29 307 336
Malta Drydocks 1 637 638
TOTAL 428 3,524 3,952
----- --- ----- -----
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (i) x'inhu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jirreġistraw għal xogħol part-time minbarra x-xogħol prinċipali tagħhom?
(ii) Kemm hemm nies li m'għandhomx xogħol prinċipali iżda huma reġistrati bħala ħaddiema part-time?
(iii) Fil-każ ta' (ii) kemm minnhom huma reġistrati bħala għalliema part-time?
(iv) Fil-każ ta' (i), (ii) u (iii) kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
(i) Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma għandha l-ebda Reġistru għal dawk li qed iffittxu xogħol part-time.
(ii) F'Diċembru 1999 kien hemm 10,149 mara u 6,826 raġel (Total ta' 16,975) li x-xogħol prinċipali tagħhom hu ta' ħaddiema part-time.
(iii) Iċ-cifri mogħtija f'(ii) hemm inklużi 943 mara u 387 raġel, total ta' 1330 persuna li jaħdmu bħala għalliema part-time.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma l-arretrati f'ċifra ta' flus li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jrid jiġbor sabiex ikunu regolati l-pagamenti tal-bolla tas-sigurta' nazzjonali tal-ħaddiema sa sena 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa Diċembru ta' l-1997, kien hemm arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fl-ammont ta' Lm45,000 dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-gvern għandu sehem. Dan l-ammont hu dovut kollu minn kumpaniji li huma fl-istadju ta' likwidazzjoni.
Kien hemm ukoll ammont ta' madwar Lm6.0m dovuti minn kumpaniji oħra. Fir-rigward ta' individwi privati li jaħdmu għal rashom, l-ammont dovut ma jistax jiġi stabbilit peress li l-kontribuzzjoni dovuta tiddependi minn dħul ta' l-individwu fis-sena. Għaldaqstant, jekk wieħed ma jkunx jaf kemm hu d-dħul, ma jistax jiġi kkalkolat l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta. Illum dan l-ammont niżel għal madwar Lm5.5m.
Fir-rigward tas-snin 1998 'hawn, mhux possibbli li tingħata l-istess informazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, għaliex b'effett mill-1 ta' Jannar, 1998 ir-responsabilita' ta' ġbir u l-infurzar għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda f'idejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-flats ta' Telgħet Raħal Ġdid Bieb A, B, C u D jiġu mbajda fil-komun peress li jinsabu fi stat ta' telqa biex ir-residenti jkollhom ambjent aktar nadif u sabiħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-flat ta' Telgħet Raħal Ġdid Skema 2, Block 1, Skema 2 Block 2, Skema 3, Block 1 jiġu mbajda fil-komun peress li jinsabu fi stat ta' telqa biex ir-residenti jkollhom ambjent aktar nadif?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
B'riferenza għall-korrispondenza ta' l-20 ta' Marzu, 1999 dwar RO53497, peress li l-familja in kwestjoni rrapportat dħul ta' Lm4,680.95 flok dħul ta' Lm4,458.94, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana għaliex din il-familja li rrapportat qliegħ ta' Lm232 fuq is-sentejn ta' qabel ġiet mitluba tħallas il-kera ta' Lm469 flok Lm181 li kienet tħallas qabel? Peress li l-familja ma taffordjax dawn l-ispejjeż, jista' jinvestiga biex tinsab soluzzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat hu korrett u inħadem skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li d-dħul dikjarat ma jaqbilx maċ-ċifri kwotati f'din il-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta' donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12730.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni bi grad universitarju li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol matul is-sena 1999? Xi grad kellhom kull wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol matul 1999 kien kif ġej:
XHUR NUMRU TA' GRADWATI
---- ------------------
Jannar 38
Frar 33
Marzu 34
April 33
Mejju 32
Ġunju 30
Lulju 94
Awissu 121
Settembru 82
Ottubru 74
Novembru 61
Diċembru 55
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi x'tip ta' grad kellhom kull wieħed.
Jista' jkun li kull gradwat għandu iżjed minn kwalifika waħda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk post li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament huwiex mikri, vojt jew jinsab għand il-Housing Department, peress li ilu żmien twil magħluq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Numru 11917.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-flats ta' Triq Kordin, Raħal Ġdid Block A, B, C u D jiġu mbajda fil-komun peress li jinsabu fi stat ta' telqa biex ir-residenti jkollhom ambjent aktar nadif?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.