Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14457 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku Mikiel Ang Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-korsijiet li qed isiru bħalissa wara l-ħin fl-Istitut Tekniku Mikiel Ang Sapiano f'Raħal Ġdid? Min huma l-għalliema f'kull każ? Kemm hu l-ħlas tagħhom għal kull sessjoni? Kemm-il student qed jattendi kull kors? Matul din is-sena skolastika kemm-il sessjoni tħassret u x'kienet ir-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas ta' l-għalliema hu ta' Lm3.96,8 fis-siegħa. Il-lista ta' korsijiet ta' fil-għaxija hi ndikata fl-iskeda li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-lezzjonijiet ma sarux darbtejn peress li ma kienx hemm provista ta' l-elettriku fl-iskola.
Leg 9 PQ #14461 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamnetari numru 13927 li diġa' għamilt darbtejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-futur qrib ser toħroġ iċ-ċirkulari dwar il-Kodiċi ta' l-ilbies ta' l-għalliema . Ikun dover tal-kapijiet ta' l-iskejjel li jimplimentaw dan il-Kodiċi. Kopja ta' din iċ-ċirkulari titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tkun pubblikata.
Leg 9 PQ #12614 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Mużewijiet? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija ma ingħata ebda trasferiment lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #14376 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bennejja — Sengħa tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex isirilhom l-eżami biex jieħdu l-permess tal-bini f'dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm minnhom għamlu l-eżami għal permess tal-bini? Kemm minnhom għaddew u ħadu ċ-ċertifikat? X'inhu jsir mill-gvern biex jinkoraġġixxi bennejja ġodda jieħdu s-sengħa tal-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-liċenza ta' bennej (mason's licence) tingħata lil persuni 'l fuq minn tmintax-il sena. Dwar l-ewwel tlitt partijiet tal-Mistoqsija nissuġġerixxi lill-Onor. Membru tirreferi din lill-Ministru responsabbli mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi l-iskola tal-bini, filwaqt is-servizz ta' tagħlim u taħriġ f'dan il-qasam ser jissaħħaħ fi ħdan il-Kulleġġ Vokazzjonali li ser jitwaqqaf.
Leg 9 PQ #14377 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bighi — Skola Technology Education

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu d-direttur ta' l-iskola tat-technology education ta' Bighi? Xi grad għandu u x'livell ta' edukazzjoni għandu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma teżistix skola tat-Technology Education f'Bighi.
Leg 9 PQ #14378 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bighi — Skola tat-Technology Education

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff li jaħdmu fit-technology education school f'Bighi? Kemm minnhom huma għalliema u x'suġġet jgħallmu? Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx sahra minn mindu nfetħet l-iskola s'issa f'din l-aħħar sena? Fiex saret is-sahra? Kemm-il siegħa saret? Kemm tħallsu flus f'sahra?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma teżistix Technology Education School f'Bighi.
Leg 9 PQ #14383 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra li qed tinbagħat separatament u li ntbagħtet lid-direttur ta' l-edukazzjoni fil-25 ta' Jannar, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan it-tifel ġie riferut lill-iSchool Psychologist u saret ukoll talba biex jarah l-Istatementing Board.
Leg 9 PQ #14384 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pieta' - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex it-tfal fl-ewwel klassi tal-primarja Hookham Frere tal-Pieta' jkollhom l-edukazzjoni li għandhom dritt għaliha iżda li qed jiċċaħħdu minnha minħabba l-assenza regolari u konsistenti min-naħa ta' l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sakemm l-għalliema indikata kienet assenti, intbagħtet għalliema oħra sabiex tissostitwiha. Qed inkompli nsegwi l-każ.
Leg 9 PQ #14385 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kindergarten assistants/facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa dwar liema linja għandha tiġi segwita mill-kindergarten assistants u l-facilitators li huma fdati bil-ħarsien tat-tfal b'diżabilita' u li għandhom bżonn jieħdu mediċina minħabba l-kondizzjoni tagħhom? X'inhuma obbligati jagħmlu l-kindergarten assistants u l-facilitators f'dawn is-sitwazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hija l-prattika tas-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni li jinkoraġġixxi lill-istaff ta' l-iskola biex ikun hemm min jivvoluntarja biex jamministra mediċini fis-sitwazzjoni imsemmija mill-Onor. Membru; b'dawn il-kondizzjonijiet:- a) jekk ikun hemm il-permess mill-Kap ta' l-Iskola; b) jekk ikun hemm awtorizzazzjoni bil-miktub mill-ġenituri; c) jekk ikun hemm struzzjonijiet bil-miktub maħruġa minn tabib speċifikament fir-rigward tat-tifel jew tifla li għandha bżonn il-mediċini fil-ħin ta' l-iskola; d) jekk l-Uffiċjal Mediku ta' l-Edukazzjoni ikun favorevoli għall-għoti ta' dan is-servizz f'każi partikulari mill- voluntiera partikulari.
Leg 9 PQ #14387 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Valletta - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġament jista' jsir għat-tifel li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, bi bżonnijiet speċjali li wara li ngħata l-għajnuna li kellu bżonn beda jattendi l-iskola, iżda issa mhux qed jattendi għax m'għandux l-għajnuna meħtieġa, meta se jibda jingħata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel indikat għandu facilitator assenjata miegħu. Informat ukoll li l-prattika hi li, sakemm l-assenteiżmu ma jkunx wieħed straordinarju, iżda assenteiżmu normali, ma tintbagħatx persuna oħra sabiex tissostitwixxi lill-facilitator.
Leg 9 PQ #14468 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceums

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu tfal mill-iskejjel primarji mill-Belt Valletta, Furjana , Ħamrun, Pieta' u l-Kottonera fil-junior lyceums, sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm hu t-total ta' tfal li daħlu fil-junior lyceums kull sena fl-istess perijodu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14469 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi u xi pjanijiet hemm sabiex l-iskola ta' Wied il-Għajn tkun tista' tilqa' t-tfal kollha li jkunu jridu jattendu f'din l-iskola, minħabba li l-popolazzjoni ta' dan il-lokal dejjem qed tikber?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha l-permess għall-bini ta' kindergarten ġewwa l-preċint ta' l-iskola primarja ta' Wied il-Għajn. Għaldaqstant fost il-proġetti sottomessi hemm ukoll din l-estensjoni.
Leg 9 PQ #14540 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Eżamijiet - Computer

Question

Jaf il-Ministru li l-istudenti Għawdxin li se jagħmlu l-eżami ta' l-Oxford fil-livell ordinarju tal-computer studies se jkollhom jitilgħu jagħmluh Malta fl-iskola De la Salle? Jaf il-Ministru li n-numru ta' l-istudenti konċernati jlaħħaq ferm aktar minn 15-il wieħed u ġewwa Għawdex hemm faċilitajiet adegwati biex dawn l-istudenti jistgħu jagħmlu eżamijiet bħal dawn ġewwa Għawdex? Huwa konxju li dan hu ta' strapazz kbir għall-istudneti Għawdxin, speċjalment meta wieħed iqis li dawn huma taħt il-15-il sena u anke wħud minnhom għandhom eżamijiet fil-ġranet ta' qabel u wara din id-data? Huwa konxju tal-ħela ta' ħin li dawn l-istudenti jridu jaħlu biex jagħmlu dawn l-eżamijiet? X'passi se jittieħdu biex dawn l-eżamijiet isiru ġewwa Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li minn din is-sena l-Universita` ta' Oxford mhix se tkompli toffri suġġetti eżaminati minnha biex isiru taħt ir-responsabilita` ta' awtoritajiet barranin, bħad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, din is-sena l-istess Dipartiment ma fetaħx reġistrazzjonijiet għall-Kandidati Maltin u Għawdxin. Informat ukoll li għaldaqstant, jekk hemm studenti li ser joqgħodu għal eżamijiet ta' Oxford f'De La Salle, dan qed isir fuq l-inizjattiva privata ta' l-istess istituzzjoni u għalhekk, id-Dipartiment mhux responsabbli għall-arranġamenti li saru jew qed isiru rigward il-post fejn dawn l-istudenti sejrin joqgħodu għal dawn l-eżamijiet.
Leg 9 PQ #13924 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni Sportiva — Eżami SEC

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13254, peress li fit-tweġiba l-Ministru qal li l-eżami SEC fl-edukazzjoni sportiva "mhux se jkun offrut kif kien qed jiġi propost", jista' jgħid x'kienet il-proposta oriġinali; u x'se jsir issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proposta oriġinali li jkun hemm eżami fil-livell SEC fl-Edukazzjoni Sportiva kienet li l-eżami jkun fih żewġ partijiet. L-ewwel parti (Paper 1) tikkonsisti f'Coursework u f'eżami prattiku fejn l-istudent ikun irid juri l-abbilita` tiegħu f'żewġ dixxiplini li jkun għażel minn oħrajn offruti lilu. It-tieni parti (Paper II) tikkonsisti f'eżami bil-kitba ta' sagħtejn fit-teorija dwar Theory on Practical, Health related fitness, body systems and performance u Sport in Society. Informat ukoll li l-proposta kif imressqa ma kinitx aċċettata mis-Senat u għalhekk huwa improbabbli li l-istess każ ikun imressaq f'xi data fil-viċin. Mhux eskluż iżda, li jkomplu jsiru diskussjonijiet fil-MATSEC Board li fih hemm rappreżentanza wiesgħa mill-kamp edukattiv u wara titressaq xi proposta oħra li tkun aċċettabli għas-Senat. Waħda mill-preokupazzjonijiet tas-Senat kienet li dan is-suġġett, li fih innifsu mhux suġġett akkademiku, m'għandux ikun eżaminat u ċertifikat mill-MATSEC. Fost ir-raġunijiet imressqa hemm il-biża' li l-iskop ewlieni li għalih dan is-suġġett qiegħed fil-kurrikulu jintilef jekk is-suġġett isir eżaminabbli.
Leg 9 PQ #13989 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8783 dwar il-bini ta' l-ex-kindergarten ġewwa Brittania Street, Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-użu ta' dan il-bini? Meta se jittieħdu passi sabiex jiġi mbarrat kull aċċess għal dan il-bini abbandunat minħabba d-diversi abbużi ta' droga li jseħħu fih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-intenzjoni ta' użu tal-bini msemmi hi li jinbena Kindergarten Centre modern. Informat ukoll li kull aċċess għall-bini eżistenti huwa mbarrat.
Leg 9 PQ #14321 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Programmi edukattivi - Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika s'issa kemm ġew miġjuba barranin biex jgħinu b'xi mod fix-xogħol li jrid isir għas-sehem fil-programmi edukattivi u taż-żgħażagħ ta' l-Unjoni Ewropea? F'kull każ min inġieb? Kemm dam hawn? X'xogħol għamel? Xi flus intnefqu u mnejn ġew il-fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-barranin li ġew mill-bidu tas-sena skolastika biex jieħdu sehem f'laqgħat ta' informazzjoni għall-gruppi partikolari b'interess speċifiku f'xi aspett tal-programmi edukattivi ta' l-UE huma: 1. Ms Renilde Reynders mill-Aġenzija Nazzjonali ta' Flanders, il-Belġju, dwar "Comenius" bejn is-7 u 8 ta' Jannar 2000. 2. Mr Irmeli Karhio, Head of Department, Youth for Europe dwar il-programm "Community Youth Action Programme" bejn il-25 u 26 ta' Frar 2000. 3. Mr Marc de Vlieger, Konsulent fl-Aġenzija Nazzjonali "Leonardo" ta' Flanders, il-Belġju dwar "Leonardo" bejn it-28 ta' Frar u l-1 ta' Marzu 2000. Dawn it-tlett uffiċjali tkellmu ma' gruppi ta' nies (kapijiet ta' skejjel primarji u sekondarji, rappreżentanti ta' għaqdiet taż-żgħażagħ, kapijiet ta' istituzzjonijiet vokazzjonali, rappreżentanti ta' Trade Unions u employers) dwar il-programmi edukattivi ta' l-UE. Informat ukoll li s'issa tħallsu biss l-ispejjeż li ntefqu fiż-żjara ta' Ms Renilde Reyders li kienu total ta' Lm811 li jinkludu board and lodging, biljetti ta' l-ajru, kera taċ-Ċentru tal-Mediterran tal-Konferenzi u spejjeż oħra. Il-fondi ttieħdu mill-Vot Rikorrenti.
Leg 9 PQ #14322 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żgħażagħ imressqa l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir ma' dawk iż-żgħażagħ taħt is-16-il sena li jitressqu l-qorti akkużati bi ksur tal-liġi biex mill-iskola jsiru sforzi biex dawn joħorġu mit-triq tal-kriminalita'? Matul din is-sena skolastika x'inizzjattivi konkreti ttieħdu ma' dawn iż-żgħażagħ studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta xi żgħażagħ taħt is-16-il sena jitressqu l-qorti akkużati bi ksur tal-liġi, isir dan ix-xogħol magħhom: a) Mill-Education Welfare Section: Isiru l-interventi kollha neċessarji biex jgħinu lil dawn it-tfal u lill- familji tagħhom, permezz ta' home visits jew laqgħat fil-Welfare Section. Meta jkun hemm bżonn, dawn it- tfal jiġu rreferuti jew issir intervent multi- dixxiplinarju ma' aġenziji oħrajn bħall-Family Welfare Department, Caritas, Probation Officers, School Psychologist, Guidance Teacher u/jew School Counsellor. b) Mill-Guidance and Counselling Unit: Wara l-kawża, dawk il-każi li jeħtieġu attenzjoni, jiġu mogħtija l-għajnuna fl-iskola li jkunu jattendu mill-Guidance Teacher u/jew School Counsellor ta' l-iskola rispettiva. Jekk ikun hemm bżonn, jiġu rreferuti lill-aġenzija oħra. Social Worker u School Councellor jattendu ukoll fis-seduti tal-Juvenile Court.
Leg 9 PQ #14323 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Strasbourg/Brussels

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar iż-żjajjar frekwenti li qed isiru mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni lejn Strasbourg u Brussels billi jgħid kemm saru żjarat lejn dawn l-ibliet minn uffiċjali (diretturi, ass/diretturi, EOs) mid-dipartimenti ta' planning and development u mill-operations (separatament) mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Diċembru, 1999? X'kien l-iskop ta' dawn iż-żjarat? Ġew ippreżentati rapporti wara kull żjara, u jekk iva, lil min ġew preżentati? Kemm kien it-tul medju ta' dawn iż-żjarat? Kien hemm individwi li marru aktar minn darba, fil-perijodu msemmi, jekk iva, kemm kienu dawn l-individwi u minn liema dipartiment? Kemm kienet l-ispiża totali ta' dawn iż-żjarat?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12917 f'Seduta 227.
Leg 9 PQ #12594 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Isports — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimneti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Isports? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 ma saru ebda trasferimenti ta' ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Isports.
Leg 9 PQ #14318 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq f'mużewijiet u f'siti storiċi, każ b'każ u post b'post u f'kull każ xi nsteraq, fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u t-30 ta' Jannar, 2000? X'passi ttieħdu f'kull każ u x'riżultati taw s'issa dawn il-passi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.