Jista' l-Ministru jagħti listi dettaljati tal-fabbriki f'kull industrial estate f'Malta u Għawdex, in-natura ta' l-attivita' tagħhom, kemm iħaddmu nies fuq bażi full time u part-time maqsuma fuq bażi ta' nisa u rġiel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li fiha d-dettalji dwar in-natura ta' l-attivitajiet industrijali fl-Oqsma Industrijali amministrati mill-MDC. Id-dettalji l-oħra mitluba ma jistgħux jingħataw minħabba d-dispożizzjonijiet dwar kunfidenzjalita kontemplati fl-ATT dwar l-Iżvilupp Industrijali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4561 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe': Jista' l-Ministru jikkonferma li l-pilloli I.Caps dan l-aħħar għolew minn Lm2.19 għal Lm2.90 u jekk iva, jgħid għaliex kien hemm din iż-żieda fil-prezz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4615, il-Gvern, permezz tal-mekkaniżmu għad-dispożizzjoni tiegħu, qiegħed jimmonitorja s-suq u jinvestiga l-ilmenti li jsiru. Fejn jirriżulta li jkun hemm żieda fil-prezz mhux ġustifikata, jittieħdu l-passi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Dan jgħodd għal kull tip ta' prodott, inklużi l-mediċini.
Fir-rigward tal-pilloli in kwistjoni, tajjeb jingħad li l-kumpanija li kienet tipproduċihom inxtrat minn kumpanija Amerikana. Din ta' l-aħħar irrevediet il-prezzijiet tagħha u per konsegwenza l-prezz ta' dan il-prodott għall-konsumatur f'Malta sar dak imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet mixtrija u mportata l-aħħar konsenja ta' materjal tal-first aid li kellha tintuża fuq il-first aid kits ta' l-ajruplani ta' l-Air Malta, liema kit huwa intenzjonat biex jintuża mill-Cabin Crew? Fiex kienet tikkonsisti din il-konsenja? X'baqa' minn din il-konsenja li ġiet importata?
Fiex jikkonsisti l-kit preżenti tal-first aid li jinġarr fuq l-ajruplani ta' l-Air Malta li jintuża mill-Cabin Crew?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Air Malta ma timpurtax materjal tal-first aid. L-aħħar ordni ta' materjal mediku għall-użu fil-First Aid Kits saret f'Mejju tas-sena l-oħra skond kuntratt li rebħet ditta lokali wara sejħa għall-offerti. Madankollu l-Kumpanija, minn żmien għal żmien, tixtri mingħand ditti lokali biex jiġu rimpjazzati l-istocks ta' medikamenti meta dawn ikunu qed jonqsu. F'dawn il-kits ikun hemm dawk l-items li wieħed normalment isib fihom u skon l-approvazzjoni tat-tobba tal-Kumpanija.
Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fl-istampa lokali li Malta tista' titlef madwar Lm3 miljun mill-U.E. f'fondi ta' ristrutturazzjoni billi d-dokumentazzjoni rilevanti għadha ma ntbagħtitx Brussels u ilha xhur sħaħ fil-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dokumentazzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, kienet nieqsa minn ċerta informazzjoni u dettalji meta tħejjiet. Tajjeb hawn jingħad li din id-dokumentazzjoni kienet, fil-maġġor parti tagħha, tħejjiet matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Uffiċjali tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea kienu ta' l-opinjoni li r-rapport kellu jkun aktar dettaljat u għalhekk il-gvern preżenti ħa l-passi neċessarji biex dan isir. Fil-fatt ir-rapport b'aktar dettalji u informazzjoni, intbagħat tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex eventwalment jintbagħat Brussels.
Mhux korrett li wieħed jgħid li Malta tista titlef imħabba ż-żmien li ttieħed biex id-dokument relevanti ikun ippreparat skond kif inhu meħtieġ, mill-Unjoni Ewropea u skond il-ħtiġijiet ta'pajjiżna.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm se tiswa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma s-sistema ta' Automated Meter Reading?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema li għaliha qed jirreferi l-onorevoli Interpellant għadha fi staddju ta' studju preliminari u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jesprimi ruħu dwar spiża involuta għat-tħaddim tagħha.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal lampa mal-ħajt ta' l-iskola sekondarja Marija Goretti n-naħa fejn hemm is-subway li tagħti għal Santa Luċija f'Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal servizz ġdid ta' l-ilma mal-Water Services Corporation bejn Novembru 1997 u Novembru 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-perjodu msemmi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha 2747 applikazzjoni għal servizz ġdid tal-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jixtegħelu d-dwal pubbliċi li twaħħlu fl-Imtarfa peress li d-dlam minbarra li joħloq problemi lir-residenti qed iwassal ukoll għal vandaliżmu li jġib miegħu ħela ta' fondi pubbliċi?
X'qed iżomm milli jinxtegħelu d-dwal kollha ta' l-Imtarfa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirrizultax li l-Enemalta għandha pendenti xi dwal fl-Imtarfa li jridu jiġu mixgħula.
Talbiet għal dwal ġodda ħdejn it-Torri ta' l-Arloġġ qegħdin jiġu kkunsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
Peress li t-telephone box li hemm fi Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ, qegħda sservi wkoll ta' public convenience, jista' l-Ministru jgħidli kull meta din qegħda titnaddaf?
Jikkonsidra li din titneħħa u minflokha titqiegħed plastic canopy?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltacom diġa kellha taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ dwar il-cardphone box imsemmija. Filwaqt li sar qbil li din m'għandhiex tintmess minn fejn tinsab, l-Kunsill wiegħed li t-tindif ikun inkluż ma' dak tat-triq fejn tinsab.
Minħabba l-pożizzjoni tagħha, mhux possibbli li minflok dik li hemm illum issir plastic canopy.
B'riferenza għall-perjodu l-1 ta' Novembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999 u għad-dekasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull kwota; (4) min rebah il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Novembru 1998 u l-31 ta' Jannar 1999 ingħataw dawn id-direct orders għal ġarr ta' għamara fid-dekasteru tiegħi:
A MALTA STANDARDISATION AUTHORITY (waħda)
1. Iċ-Chairman
2. DOM Transport, BOrg Bros. Ltd, F.Borg & Sons Ltd. u Kalaxlokk CO.Ltd.
3. Borg Bros Ltd. Lm300. L-oħrajn ma kkwotawx
4. Borg Bros Ltd.
5. Le
B UFFIĊĊJU ĊENTRALI TA' L-ISTATISTIKA (ħamsa)
1. Id-Direttur
2. Ma ntalbux kwotazzjonijiet mħabba ċerta urġenza
3. Borg Bros. Ltd. Lm1300 għall-ħames direct orders
4. Borg Bros. Ltd.
5. Le
C MINISTERU GħAS-SERVIZZI EKONOMIĊI (tlieta)
1. Il-Coordinating Officer tas-Segretarjat Privat
2. Ma ntalbux kwotazzjonijiet minħabba ċerta urġenza
3. Borg Bros. Ltd. Lm213 għat-tlett direct orders
4. Borg Bros. Ltd.
5. Le