Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Imtarfa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex jitneħħa l-perikolu gravi għar-residenti li joqogħdu f'appartamenti fi blokki tal-gvern fl-Imtarfa, per eżempju, Block G u Block R, Binja Buqana, ħalli ma jilħqux jisfrondaw xi soqfa u jmutu n-nies qabel ma jittieħdu l-passi meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta fuq dan is-suġġett diġa ngħatat fit-Tweġiba għall-PQ 1943 datata 30 ta' Novembru 1998.

Day Centres — CSAs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-applikazzjonijiet għal care workers ħarġux għas-CSAs li jaħdmu d-day centres biss, jew għas-CSAs kollha nklużi dawk li jaħdmu fid-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal "care workers" hija miftuħa skond id-dettalji murija fil-gazzetta tal-Gvern tas-7 ta' Jannar 2000.

Djar — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħaddiema/periti tal-Gvern jara l-kondizzjoni tas-saqaf ta' flat tal-gvern li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija biex issir ix-xogħol bżonnjuż minħabba l-istat li fih jinsab?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' pensjoni li tingħata fil-ġimgħa l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Kemm kienet tammonta fil-ġimgħa ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħatat din il-persuna b'seħħ mill-1 ta' Jannar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru illi ż-żieda fil-pensjoni tal-persuna minnu indikata hija tajba. Irrid inżid ngħid illi 'l-persuna msemmija qed tirċievi pensjoni taħt il-ftehim reċiproku bejn Malta u l-Awstralja. Għaldaqstant ir-rata ta' pensjoni li qed jirċievi hija pro-rata u għalhekk iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hija pro-rata wkoll. Il-persuna kkonċernata se tkun infurmata bil-miktub dwar dan.

Kavallieri Hotel — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar mal-GWU u l-Labour Office dwar it-terminazzjoni ta' xogħol mill-Kavallieri Hotel? X'kumpens se jieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma sar l-ebda ftehim bejn id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg (Ex-Dipartiment tax-Xogħol) u l-Cavalieri Hotel Ltd. Iżda, saret laqgħa bejn il-Management tal-Hotel Cavalieri, uffiċjali tal-General Workers Union u uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg fejn ġew ċċarati l-obbligi tal-employer, skond iċ-Ċ.E.R.A., lejn il-ħaddiema f'każ ta' terminazzjoni ta' l-impjieg. L-Ispetturi tad-Dipartiment qed ikomplu jimmoniterjaw il-każ biex jaraw li l-ħaddiema jingħataw dak li hu tagħhom skond il-liġi taċ-Ċ.E.R.A.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, hux se tingħata pensjoni peress li għamlet aktar minn 11-il sena fl-army? Jista'jagħti tagħrif dwar il-pożizzjoni ta' din il-persuna fir-rigward ta' pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi 'l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata mid-Dipartiment bil-miktub wara li l-istess Dipartiment ikun irċieva l-informazzjoni mitluba permezz ta' l-ittra datata 26 ta' Jannar 2000.

Fabbriki — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħaddiema ngħataw is-sensji minn fabbriki mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Kemm ħaddiema sabu xogħol ġo fabbriki ġodda li nfetħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li ngħataw is-sensji u ġew jirreġistraw mill-5 ta' Settembru, 1998 huwa kif ġej: Settembru 1998 163 Ottubru 1998 167 Novembru 1998 153 Diċembru 1998 150 Jannar 1999 228 Frar 1999 159 Marzu 1999 237 April 1999 208 Mejju 1999 149 Ġunju 1999 144 Lulju 1999 157 Awissu 1999 405 Settembru 1999 175 Ottubru 1999 157 Novembru 1999 212 Diċembru 1999 189 TOTAL 3,053 L-ETC ma żżomx informazzjoni dwar liema fabbriki jiftħu u għalhekk it-Tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata.

Fabbriki

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9948 fejn il-Ministru kien qal li għalqu ħames fabbbriki u fetħu 11, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jimpjegaw nies dawk il-ħames fabbriki li għalqu u kemm qed jimpjegaw nies il-11-il fabbrika li fetħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Allokazzjoni ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew allokati appartamenti b'kera mid-dipartiment tal-housing soċjali mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Kemm se jitlestew appartamenti ġodda li jistgħu jinkrew fis-sena 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 245 appartament b'kera mill-5 ta' Settembru 1998 sas-27 ta' Jannar 2000. Huwa ppjanat li għall-aħħar ta' Marzu ta' din is-sena għandhom jinħarġu għall-kiri ħamsin post u li postijiet oħra għandhom jinħarġu għall-kiri aktar tard din is-sena. Irrid ngħid iżda li l-aħħar sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-kiri ta' postijiet vojta ta' l-Awtorita' tad-Djar kienu ħarġu fid-29 ta' Lulju 1996 u s-6 ta' Settembru ta' dik is-sena.

Djar — Furjana - Riccardo Cesare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu d-diffikultajiet li kellu l-Gvern Nazzjonalista meta ddeċieda li ma jwaqqgħax il-blokk ta' flats fejn kien joqgħod is-Sur Riccardo Cesare fil-Furjana? Jista' jgħidilna l-file number ta' dawk l-inkwilini f'dan il-blokk li rrifjutaw post alternattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni tingħata f'xi Seduta oħra.

Raħal Ġdid — Valley Street - Fond Nru. 48/1

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond Nru.48/1, Valley Street, Raħal Ġdid (RO 14175: Dipartiment Akkomdazzjoni Soċjali) huwiex meqjus bħala sub-standard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi għalkemm ir-referenza R.O. 14175 ma taqbilx ma' l-indirizz mogħti, iż-żewġ postijiet, kemm il-post relatat ma' l-R.O. 14175 kif ukoll dak relatat ma' l-indirizz huma derekwiżizzjonati u għalhekk m'għadhomx aktar taħt il-kontroll tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'pensjoni tirċievi l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, kieku din kellha tieqaf mix-xogħol din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi 'l-persuna minnu ndikata ġiet mitluba bil-miktub biex tagħti lid-Dipartiment it-tagħrif meħtieġ biex l-istess Dipartiment ikun f'pożizzjoni li jagħti risposta lill-persuna indikata.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-pensjoni li qed tirċievi l-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħatahom separatament, hijiex dik ġusta, peress li hu qed jilmenta li sħabu li spiċċaw miegħu u fl-istess grad għandhom pensjoni aħjar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li r-rata ta' pensjoni mħallsa lill-persuna ndikata minnu għadha proviżorja, peress li l-kumpannija li magħha kienet taħdem il-persuna msemmija għadha ma bagħtitx l-informazzjoni mitluba mid-Dipartiment.

Anzjani — Istituzzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn min hu kompost il-kumitat għad-dħul ta' anzjani f'istituzzjonijiet għal anzjani governattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kumitat għad-dħul ta' anzjani f'istituzzjonijiet għal anzjani governattivi huwa kompost minn: Dr Ronald Fiorentino Dr Anthony Fiorini Dr Martin Said Ms Bernardett Psaila

San Vinċenz de Paule — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara meta saret l-applikazzjoni biex l-anzjani li n-numru ta' l-identita' tagħhom qed tintbagħat separatament jidħlu fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jagħti aktar dettalji dwar l-applikanti (isem u indirizz) għax bin-numru ta' l-I.D. biss mhux possibbli li tingħata risposta għal din il-Mistoqsija.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tingħata l-pensjoni l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, peress li ilu li talbitha mis-7 ta' Settembru, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi 'l-persuna minnu ndikata ser tirċievi dak kollu dovut lilha bħala pensjoni b'ċekk datat 5 ta' Frar 2000. Irid inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata b'dan bil-miktub.