Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm l-inizjattiva ttieħdet mill-kumitat favur imġieba tajba fl-iskejjel dwar bullying?
F'liema skejjel ittieħdu dawn l-inizjattivi? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol mogħti lil dan il-Kumitat Dwar il-Bullying fl-Iskejjel kien li jfassal politika nazzjonali dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol għamlu, u l-Abbozz ta' Politika Nazzjonali dwar l-Imġieba Tajba fl-Iskejjel (din hija l-politika dwar il-Bullying) li fassal il-Kumitat, ġie adottat mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Ottubru 1999. Il-policy waslet sabiex tiġi ppublikata flimkien ma' dokumenti analogi oħra dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-iskejjel.
Il-Kumitat għen ukoll lid-Diviżjoni sabiex jiġi magħmul Kit għat-tfal u għall-għalliema dwar il-Bullying fl-Iskejjel. Il-parti ta' l-Għalliema ta' dan il-Kit (ktejjeb, CD u materjali oħra) ġie stampat u issa qed jiġi mqassam.
L-ammont, in-natura, u wħud mill-effetti tal-każijiet ta' bullying qegħdin jiġu analizzati mill-Universita`. Il-Kumitat iltaqa' ma' l-istaff u l-ġenituri ta' ħames skejjel u ffaċilita riċerka f'dawn l-iskejjel li qed issir mid-Dipartiment tal-Psikoloġija ta' l-Universita`. Dan sar sabiex titwitta t-triq lejn il-proġett pilota dwar l-Ibbulijar, u sabiex jispjega l-impenn tal-Ministeru kontra l-Bullying, u sabiex jiddiskuti metodu ta' kontroll fuq l-Ibbulijar li kellu suċċess internazzjonali imsejjah in-No Blame Approach.
Ma kienx ix-xogħol tal-Kumitat li jmexxi inizjattivi fl-iskejjel. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħatret żewġ għalliema biex jagħtu attenzjoni lill-problema ta' l-Ibbulijar fl-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex din is-sena il-PBS għażel illi jxandar il-karnival ta' Viareggio u mhux ta' Malta? Kemm sewa għall-PBS biex setgħat issir din ix-xandira? Jista' jagħti breakdown ta' kif saru l-ispejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Public Bradcasting Services Ltd ma kellhiex permess biex tati xandira diretta tal-Karnival nhar il-Ħadd 5 ta' Marzu 2000. Dan għaliex meta l-Kumitat organizzattiv ħareġ sejħa għall-offerti biex issir trasmissjoni diretta tal-Karnival, l-offerta tal-PBS ma ntgħażlitx u d-dritt esklussiv għax-xandir ingħata lil stazzjon privat u kummerċjali.
Fiċ-ċirkustanzi, il-PBS ħasbet biex tagħmel xandira alternattiva ta' dan l-avveniment biex b'hekk toffri lit-telespettaturi Maltin programm addattat għall-ġranet tal-Karnival.
Informat ukoll li l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija, hija ta' natura purament kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra - ilment li rċeviet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-2 ta' Frar, 2000 mingħand grupp ta' ġenituri li għandhom lill-uliedhom fir-raba' sena ta' l-iskola Dun Ġorġ Preca, fil-Ħamrun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifla li għaliha irreferew il-ġenituri fl-ittra tagħhom, ingħatat facilitator (partial help). Sadanittant il-każ tagħha qed ikompli jiġi investigat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tintlaqa' t-talba ta' persuna minn Pembroke li, id-dettalji qed jintbagħtu separatament, li titħallas allowance għall-kwalifika ta' state registered nurse meta tagħmel xogħol dwar ħarsien ta' saħħa fl-iskola primarja ta' Pembroke?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru l-materja hi regolata mill-ftehim mal-Unjons.
Informat li l-persuna indikata ġiet appuntata Kindergarten Assistant (Special Schools) b'effett mit-23 ta' Lulju 1998 u qed tirċievi allowance ta' Lm120 fis-sena għas-servizz li tagħti fis-Settur ta' l-iSpecial Education u dan kif jipprovdi l-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-Gradi tal-Facilitators u Kindergarten Assistants.
L-istess ftehim jipprovdi wkoll allowances għal dawk il-kwalifiki relevanti li l-Facilitators jew Kindergarten Assistants jista' jkollhom u dan bl-istess rata u taħt l-istess kundizzjonijiet kif provdut fil-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT dwar l-Education Class u li ġie ffirmat fil-25 ta' Awissu 1994.
Informat ukoll li ċ-ċertifikat ippreżentat minn din il-persuna ma ġiex meqjus bħala li jikkwalifikaha għal xi qualification allowance kif stipulat fil-ftehim.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kindergarten schools privati humiex kkkontrallati minn regolamenti stretti inklużi permessi mill-Planning Authority, mill-awtoritajiet sanitarji u jridux ikunu mmexxija minn persuni kwalifikati? Jidhirlu l-Ministru li day care centres fejn persuni iħallu lil uliedhom, u li qed jikkompetu għall-istess xogħol, għandhom ukoll ikunu kkontrollati b'dan il-mod?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kindergarten privati huma kkontrollati kemm mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-Planning Authority. Tfal ta' bejn it-tlett snin u ħames snin li jattendu Kindergarten privati jaqgħu taħt l-Avviż Legali 150 ta' l-1990 li jitkellem dwar il-Kundizzjonijiet Minimi għall-Iskejjel kollha. Fost affarijiet oħra dan l-Avviż jitkellem dwar:
* il-bini ta' l-iskola li għandu jkun adatt għat-tip u livell
ta' edukazzjoni li tingħata fih;
* il-ventilazzjoni xierqa u dawl adatt għat-tagħlim;
* il-ħarsien kontra perikoli għall-persuna u s-saħħa;
* l-ispazju fuq barra fejn għandha ssir ir-rikreazzjoni;
* id-daqs tal-klassijiet u n-numru ta' studenti f'kull klassi;
* il-faċilitajiet sanitarji u iġeniċi.
L-iskola għandha tkun dejjem lesta għal spezzjoni minn uffiċjali tas-Sanita` u tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Min-naħa l-oħra l-Awtorita` ta' l-Ippjanar timxi fuq Policy li ġġib l-isem "Kindergartens/Day Nurseries" maħruġa f'Mejju ta' l-1994 li tistabilixxi kriterji preċiżi dwar kundizzjonijiet u l-ambjent li jaffettwaw il-pre-school education, day nurseries u play shcools e.g. il-kwalita` ta' premises, l-impatt ta' dawn iċ-ċentri fuq l-ambjent u proprjeta` tal-viċin l-impatt tat-traffiku u problema tal-parking u n-numru ta' studenti li jistgħu jiġu akkomodati f'dawn iċ-ċentri.
Bħala tmexxija ta' dawn iċ-ċentri, huma kkunsidrati bħala professionally trained Kindergarten Assistants dawk l-individwi li għamlu b'suċċess il-Pre-School Education Course. Permezz ta' taħriġ xieraq dawn il-Kindergarten Assistants għandhom jiksbu l-ħila biex iwettqu l-programm ta' edukazzjoni kif stabilit fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-ġdid par. 71-76.
Rigward id-Day Care Centres fejn persuni jħallu lil uliedhom, dawn ma jaqgħux taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni imma taħt il-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Isports mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg,jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000 ma kien hemm ebda impieg ġdid fid-Dipartiment ta' l-Isports.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar min-naħa tal-Ministeru biex jitħaffef ix-xogħol li kien qed isir fil-ground ta' quddiem l-iskola primarja ta' Bormla biex it-tfal ikollhom fejn joħorġu jilgħabu?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13898, qed nintervjeni mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex jitħaffef ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 1998-1999 kemm kien hemm studenti li qatt ma attendew l-iskola, minkejja li huma obbligati jagħmlu dan? X'inhuma l-etajiet ta' dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 1999 kemm kien hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li ngħataw għajnuna mill-education welfare section wara li tressqu l-qorti akkużati bi ksur tal-liġi? Kemm kien hemm minn dawn iż-żgħażagħ li ngħataw għajnuna mill-guidance and counselling unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 1999, kien hemm 60 żgħażugħ taħt is-16-il sena li ngħataw għajnuna mis-Social Workers ta' l-Education Welfare Section, wara li dawn iż-żgħażagħ tressqu il-Juvenile Court, akkużati bi ksur tal-liġi.
Informat ukoll li mill-Guidance and Counselling Unit, Cousellor jattendi l-Juvenile Court regolarment, u minn hemm isir jaf l-iskola fejn jattendi (billi fiċ-ċitazzjoni jkun hemm biss l-indirizz tad-dar). Meta jkunu każi serji, il-Counsellor jikkuntattja l-Counsellor/s in-charge mill-iskola verbalment u dan/dawn jagħtu l-għajnuna meħtieġa f'follow-up. Ma tinżammx statistika tal-kuntatti li jsiru, jew kemm idumu jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda nkluż għalliema fl-iskejjel kollha Statali mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet,jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg,jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-istess Mistoqsija Parlamentari Numru 12484 ta' l-istess Onor. Membru magħmula l-jum ta' qabel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Biblijoteka mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000, ma ġie impjegat ebda ħaddiem ġdid mal-Bibljoteka Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir b'mod konkret sabiex it-tfal li ġejjin mill-Kottonera jkollhom riżultati aħjar fl-eżamijiet tagħhom? Peress li huwa fatt magħruf li qed ikun hemm l-agħar riżultati dejjem minn tfal mill-Kottonera, ma jidhirlux il-Ministru li issa smajna biżżejjed dwar il-bżonn li jsir xi ħaġa biex titjib is-sitwazzjoni, u hemm bżonn ngħaddu għall-azzjoni immedjatament?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda ma' dak li diġa' għidt fil-Mistoqsija numru 14340, informat li l-provedimenti kollha li jittieħdu għal edukazzjoni ta' kwalita` għat-tfal Maltin, jittieħdu wkoll għat-tfal tal-Kottonera. Barra minn hekk qegħdin isiru wkoll, u jeħtieġ li jkunu ntensifikati, miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva li jiffavorixxu aktar lil dawn it-tfal.
Jista' issa l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba fil-mistoqsija parlamentari tiegħi nru.13925 ċioe' dwar għalliema barranin li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja, s-suġġetti tagħhom u d-dettalji dwar il-permess li jaħdmu Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar minn Settembru 1999 sa Frar, 2000, kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-iskejjel tal-Knisja skond il-ftehim bejn Stat u Knisja? Kien hemm xi żieda fuq dak li kien jingħata qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-iskejjel tal-Knisja minn Settembru 1999 sa Frar 2000 skond il-ftehim bejn Stat u Knisja kien hekk:
Settembru 1999 - Lm 557,083
Ottubru 1999 - Lm 557,083
Novembru 1999 - Lm 680,827
Diċembru 1999 - Lm 541,820
Jannar 2000 - Lm 590,000
Frar 2000 - Lm 590,000
TOTAL Lm3,516,813
Informat ukoll li din is-somma fiha żieda ta' Lm184,621 fuq l-istess perjodu ta' sena qabel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kultura? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma sar ebda trasferiment ta' ħaddiema fid-Dipartiment tal-Kultura fiż-żmien imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'materjal fis-sena 1999 miċ-Ċentru għar-restwar Bighi? Kif qed jinxtara dan il-materjal, jiġifieri b'tender jew b'xiri dirett minn ditti? Jekk ir-risposta hija tat-tieni, jista' jgħid minn fejn inxtara dan il-materjal? Kif intgħażlu dawn id-ditti minn oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-1999 intnefqu mal-Lm50,000 materjal għaċ-Ċentru għar-Restawr Bighi. Dan inxtara skond il-proċeduri, jiġifieri bi quotations, tenders etc. skond il-valur ta' l-oġġett mixtri.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux fl-iskejjel primarji kollha saru assessments biex jaraw jekk l-istudenti tal-year six humiex preparati biżżejjed għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum? Liema huma dawk l-iskejjel li għamlu l-assessments l-istudenti u liema huma dawk l-iskejjel li m'għamlux? X'tip ta' assessments saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi Frar fl-iskejjel kollha primarji ta' l-istat l-istudenti kollha tas-sitt sena sarilhom eżami fil-Malti, Ingliż, Matematika, Reliġjon u Studji Soċjali maħruġ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dan hu assessjar summattiv li jsir regolarment fis-sitt klassi, tliet xhur qabel l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum.
Informat ukoll li qabel dan l-eżami, fejn l-iskejjel ikunu identifikaw każi ta' diżabilitajiet jew diffikultajiet speċifiċi għat-tagħlim, dawn jirreferuhom lit-taqsima ta' l-Assessjar fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Wara, Bord ta' nies speċjalizzati jistudja x'arranġamenti speċjali huma ndikati għal dawn il-każi.