Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xemxija — il-Veċċja - xogħlijiet fuq il-moll

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar meta saru l-aħħar xogħlijiet fuq il-moll tal-Veċċja u kemm swew? Min għamel dan ix-xogħol u x'wassal biex moll li fuqu għadu kif sar xogħol ftit tax-xhur ilu jiġi deskritt bħala li dalwaqt jitfarrak, kif rappurtat fil-media?

Response (MIZZI, JOE)

It-Taqsima tax-Xogħlijiet u Servizzi ma kienet involuta fl-ebda xogħlijiet fuq il-moll imsemmi fiż-żmien riċenti.

San Pawl il-Baħar — tneħħija ta' line markings

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-approvazzjonijiet għat-tneħħija ta' line markings (traffic control/management line markings) li ġew approvati li jitneħħew mit-toroq ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sena? Min talab biex dawn il-markings jitneħħew? Hemm xi talbiet oħra pendenti biex jitneħħew line markings oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li ma nħarġet l-ebda approvazzjoni għat-tneħħija ta’ line markings fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar matual l-aħħar sena u ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti sabiex jitneħħew xi linji taż-żebgħa oħra. Minħabba li ma kien hemm l-ebda approvazzjoni għat-tneħħija ta’ tali linji, il-bqija tal-mistoqsijiet mhux applikabbli.

San Pawl il-Baħar — toroq one way

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq f'San Pawl il-Baħar li għalihom kien hemm approvazzjoni li jiġu one way matul l-aħħar 12-il xahar? F'kull każ, min talab li dawn it-toroq li jsiru one way? Liema talbiet ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li ma nħarġet l-ebda approvazzjoni għal one ways fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar. Minħabba li ma kien hemm l-ebda approvazzjoni għal one ways f’din il-lokalità, il-bqija tal-mistoqsijiet mhux applikabbli.

Il-Buskett — Triq l-Għajn il-Kbira - tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li Triq l-Għajn il-Kbira li tagħti għall-Buskett tingħata wiċċ bit-tarmac peress li hemm joqogħdu ammont ta’ familji li ta’ kuljum jgħaddu minn din it-triq li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u mhux taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — ċaqliq ta' zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet saru matul l-aħħar 15-il xahar, f'San Pawl il-Baħar, biex jiġu mċaqilqa minn fejn jinstabu/kienu jinstabu ż-zebra crossings li hemm fil-konfini tal-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Liema minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u meta? Kemm u liema minn dawn il-crossings qegħdin fil-proċess li jiġu upgraded?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta rċeviet żewġ talbiet fi Triq San Pawl sabiex jitressqu pedestrian crossings f’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar. L-awtorità m’approvat l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ talbiet. L-awtorità mhux infurmata b’xogħol ta’ upgrading fuq dawn il-pedestrian crossings.

Transport Malta — tiswija ta' belisha lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed tieħu Transport Malta, biex il-belisha lights li hemm fid-daħla ta' San Pawl il-Baħar, ħdejn ir-roundabout ta' Erba' Mwieżeb, kif ukoll ħdejn ir-roundabout tax-Xemxija li fiż-żewġ każijiet jew għandhom arbli li tkissru b'inċidenti tat-traffiku, jew għandhom dawl li mhux qed jaħdem, jiġu rranġati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda f’kuntatt mal-kuntrattur sabiex il-ħsarat imsemmija jissewwew kemm jista' jkun malajr.

San Ġwann — proġett ta' Ċentru Ċiviku u Ġnien Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jibqa' kommess bħall-gvern preċedenti li jwettaq il-proġett ta' ċentru ċiviku u ġnien pubbliku akbar ġewwa San Ġwann, liema proġett kien approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar permezz tal-permess PA01120/12 ?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li għadhom qegħdin isiru l-verifiki meħtieġa mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern fir-rigward tat-titlu tal-art fejn jinsab preżentament il-Klabb tal-Bocci ta' San Ġwann, u li jokkupa parti sostanzjali mill-art fejn qed jiġi propost il-proġett ġdid imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant.

Tas-Sliema — proġett ta' underground car park u ġnien pubbliku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 88 fejn intqal li “l-aħħar stima tal-proġett hekk kif kien ippjanat qabżet l-istima originali b’aktar minn 60%”, jista' l-Ministru jispjega kif wasal għal din il-konklużjoni billi jindika ċ-ċifri tal-istima oriġinali u dik li qed jalludi għaliha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li t-tweġiba preċedenti tieghi kienet ibbażata fuq sqarrija maħruġa mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali datata 12 ta’ Diċembru 2012 ( PR2735) fejn intqal li dan il-proġett se jiswa €7 Miljuni. Fl-istima riveduta totali inkluż il-VAT huwa ta' €11,260,000.

Qawra — xogħlijiet fuq slipway

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar xogħol fuq slipway żgħir fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, liema xogħol kien jikkonsisti fi tqegħid ta' konkos bejn l-art u l-baħar? Min wettaq ix-xogħol u kemm sewa l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa ġewwa l-Qawra huma fuq żewġ slipways kif ukoll il-moll tal-madwar. Ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern fis-Sezzjoni Marittima u Unit Għall-Kontroll tal-ilma tax-Xita, fil-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura. Qed jintużaw ukoll kuntratturi privati li qegħdin fuq Period Contract għall-xogħlijiet li jirrikjedu ingenji kbar. Bħalissa tlesta x-xogħol fuq l-ewwel slipway u beda x-xogħol fuq is-slipway ta’ biswit kif ukoll fuq il-moll. Ix-xogħlijiet qed isiru skond kif hu rikjest mill-permess tal-MEPA PA5880/09. L-istima tax-xogħlijiet hi ta’ €44,702.

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ - restricted timed parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta awtorizzatx it-twaħħil ta' tabelli ta' restricted timed parking fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar, qrib it-tarf tagħha sa ħdejn il-bank HSBC? Jekk iva, meta?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta ma ħarġet l-ebda approvazzjoni għal tabelli ta’ Skema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat għar-Residenti fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar.

San Pawl il-Baħar — Triq Porzjunkola - triq one way - informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti dwar meta Transport Malta awtorizzat li Triq Porzjunkola f'San Pawl il-Baħar il-Baħar issir one way? Meta twaħħlu t-tabelli u min awtoritzza l-istess twaħħil ta' tabelli?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta ma ħarġet l-ebda approvazzjoni għal one way fi Triq Porzjunkola. L-Awtorità m’għandhiex informazzjoni dwar meta ġew stallati t-tabelli tal-one way u lanqas dwar min awtorizza t-twaħħil ta’ tali tabelli.

Mosta — Triq EB Vella - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar meta x-xogħlijiet fi Triq EB Vella, Mosta se jitlestew peress li tali xogħlijiet qed jikkawżaw inkonvenjent kbir u trabijiet għar-residenti? Kemm hi l-ispiża għal dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fit-triq imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u mhux taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Naxxar — Vjal il-Labour - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar meta x-xogħlijiet fi Vjal il-Labour, Naxxar se jitlestew? Kemm hi l-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Vjal il-Labour kien maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tax-xogħol kien major patching works fi Vjal il-Labour, liema xogħol tlesta diġà u sewa €148,855. It-tieni fażi tikkonsisti f’manutenzjoni tal-bankini fl-istess triq liema xogħol għadu għaddej. Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €124,100 mal-kuntrattur Central Asphalt Ltd. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew f’Mejju li ġej.

BICC — Bord tad-Diretturi u Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-Buliding Industry Consulting Council fi Frar 2013 ma kellux Bord ta’ Diretturi imma kellu lil Perit Ċensu Galea bħala chairman li kien jitħallas salarju ta €29,101 skont il-kuntratt li kien iffirma meta beda fil-21 ta’ Ġunju 2010,

Tiftix għaż-żejt — interess minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-kumpaniji interessati fit-tfittix taż-żejt li magħhom iltaqa' mill-ħatra tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Mhux etika f'dan l-istadju li jinghataw l-ismijiet tal-kumpaniji taz-zejt li magħhom saru il-laqgħat minħabba li din l-informazzjoni hi ta' natura kummerċjali. Ġaladarba jintlaħaq ftehim finali,din l-informazzjoni tinħareġ permess ta' stqarrija.

Transport Malta — Bord tad-Diretturi u Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi ta' Transport Malta fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Toroq One Way

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għal bidla ta' toroq f'one way matul l-aħħar sitt xhur fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Liema toroq kienu involuti, u kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati? Min talab dawn il-bidliet?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm talbiet mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex żewġ toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar jiġu jippermettu sewqan f’direzzjoni waħda f’dawn l-aħħar sitt xhur. It-toroq kienu Triq l-Isturjun u Triq Erba’ Mwieżeb. Dawn it-talbiet ma ġewx approvati minħabba li l-Kunsill Lokali ma ssottomettix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat. Tali informazzjoni ntalbet minn Transport Malta sabiex dawn it-talbiet jiġu evalwati.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'diskussjonijiet saru ma' Transport Malta dwar Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li x-xogħol meħtieġ jitkompla/jinbeda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li xi xhur ilu saru diskussjoniet mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar din it-triq fejn il-Kunsill ġie nfurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha mhiex iffurmata sew u għalhekk ir-responsabbilta` u l-obbligi tal-iffurmar tat-triq għadhom f’idejn ir-residenti jew l-iżviluppaturi ta’ din it-triq. Transport Malta ħadet biss xi miżuri fil-post sabiex titjieb is-sigurta` fit-triq.

San Pawl il-Baħar — speed humps

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sleeping policemen li ġew approvati fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar minn Transport Malta matul l-aħħar sitt xhur? F'liema toroq tal-lokalità kienu dawn it-talbiet?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li minn Ottubru 2012 ma ġewx approvati round topped road humps/sleeping policemen ġewwa San Pawl il-Baħar u lanqas ma kien hemm talbiet mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal tali miżuri.

San Pawl il-Baħar — loading/unloading bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar biex jiġu approvati loading/unloading bays minn Transport Malta? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati u f'liema toroq? Minbarra hekk, kemm kien hemm talbiet biex tali bays diġà approvati jiġu mneħħija jew mċaqalqa minn fejn kienu?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar kien hemm sitt talbiet għall-approvazzjoni ta’ kaxxi tal-parkeġġ għall-ħatt u tagħbija ta’ merkanzija f'dawn l-aħħar sitt xhur. Tnejn minn dawn it-talbiet ġew approvati fi Triq Toni Bajada u fi Triq il-Korp tal-Pijunieri. Ma kienx hemm talbiet għal tali kaxxi ta’ parkeġġ sabiex jiġu mneħħija jew imċaqalqa.