Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14816 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Jum Dinji tal-Ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-ewwel darba ċ-ċirkolari biex nhar il-Jum Dinji tal-Ktieb kull persuna fl-iskejjel tagħmel 20 minuta taqra? Min iffirmaha? Min ħariġha? Fuq l-inizjattiva ta' min ħarġet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li permezz ta' memorandum li jġib id-data ta' l-24 t'Awwissu 1999, id-Direttur responsabbli mill-iSchool Library Service avża lill-kapijiet ta' l-iskejjel kollha tal-gvern li parti mix-xogħol ta' l-S.L.S kien li torganizza quizzes għall-Jum Dinji tal-Ktieb. L-istess memorandum isemmi li l-S.L.S. toħroġ il-Manual for School Librarians. Informat ukoll li l-S.L.S. ħarġet ċirkolari fit-2 ta' Marzu 2000 sabiex fl-iskejjel isir 20 minuta qari. Din iċ=ċirkolari kienet iffirmata minn Joseph Boffa li huwa l-uffiċjal inkarigat minn din is-sezzjoni. F'paġna 20 il-Manual for School Librarians isemmi attivitajiet li jistgħu jsiru fil-Jum Dinji tal-Ktieb.
Leg 9 PQ #14817 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Jum Dinji tal-Ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel li nhar l-10 ta' Marzu, 2000 segwew iċ-ċirkolari biex jieqfu għal 20 minuti u jaqraw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nħarġet ċirkolari biex tinġabar l-informazzjoni mitluba u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #14818 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex l-Universita' tbiddel dawk il-korsijiet ta' first degree biex ikunu ta' mhux iżjed minn erba' snin ħalli tkun in linja mad-dikjarazzjoni ta' Bolonja li ffirma l-Ministru fid-19 ta' Ġunju, 1999? X'inhuwa meqjus li għad jonqos isir mill-Universita' fis-snin li ġejjin biex tkun fil-qafas ta' din id-dikjarazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tad-dikjarazzjoni ta' Bolonja li jien iffirmajt fid-19 ta' Ġunju 1999. Bħal ma jista` jara l-Onor. Membru, ma hemm xejn fid-dikjarazzjoni li jipprekludi l-Universita` milli jkollha korsijiet ta' First Degree li jkunu ta' iżjed minn erba` snin. Il-korsijiet fl-Universita ta' Malta li huma ta' erba` snin (ħames snin) huma dawk li barra li jwasslu għal degree akkademiku, jwasslu wkoll għall-għoti ta' warrants ta' xi professjoni regolata ( eż : mediċina, farmaċija, accountancy).
Leg 9 PQ #14904 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut Internazzjonali tal-Ġerentoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf u meta ġie/se jiġi magħluq l-Istitut Internazzjonali tal-Ġerentoloġija? Għal liema raġuni/raġunijiet ġie magħluq? Hawn ħsieb li dan jerġa' jinfetaħ, u jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` qatt ma kellha Istitut Internazzjonali tal-Ġerontoloġija. Fil-fatt fl-1988 l-Universita` waqqfet l-Istitut tal-Ġerontoloġija. Informat li f'Lulju 1997 il-Kunsill ta' l-Universita` abolixxa l-Istitut ta' l-Iżvilupp Soċjali, li fi ħdanu kellu l-Istitut tal-Ġerontoloġija, u waqqaf minfloku numru ta' Diviżjonijiet. Fil-fatt id-Diviżjoni tal-Ġerontoloġija saret parti mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa u baqgħet taħdem b'mod effettiv minn hemm. Informat ukoll li dan l-aħħar, f'Jannar 2000, is-Senat reġa ikkunsidra t-talba sabiex minflok Diviżjoni, jerġa jiġi msejjaħ Istitut, iżda wara diskussjonijiet twal is-Senat ħass li f'dan l-istadju m'għandux jilqa` din it-talba. Fl-aħħar nett ta' min ifakkar li t-tagħlim tal-Ġerontoloġija ma waqaf qatt u lanqas hemm il-ħsieb li jieqaf. Li tbiddel kien il-qafas amministrattiv minn fejn jingħata dan it-tagħlim.
Leg 9 PQ #14908 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Interim From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżami tal-B1

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-eżami tal-B1 machine operator li kellu jsir fil-24/25 ta' Frar ma sarx fid-dati stipulati, u meta hemm il-ħsieb li jsir?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #14997 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skejjel speċjali

Question

Rigward l-iskejjel speċjali, jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm hemm studenti f'kull skola u l-eta' tagħhom; (b) kemm daħlu studenti ġodda minn Settembru 1999 'l hawn; (c) kemm studenti huma maħsuba li se jispiċċaw minn dawn l-iskejjel matul din is-sena; (d) kemm studenti hu ppjanat li jidħlu f'dawn l-iskejjel matul din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba se titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 9 PQ #14746 Sitting 265 2000-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Valletta - Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14387, peress li l-facilitator se tkun assenti fit-tul, x'passi se jittieħdu biex it-tifel ma jibqax jiċċaħħad mill-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aħħar lista ta' persuni li applikaw biex jagħmlu xogħol ma' tfal bi bżonnijiet speċjali hija eżawrita u għalhekk bħalissa huwa diffiċli biex tintbagħat facilitator oħra.
Leg 9 PQ #14748 Sitting 265 2000-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pieta' - Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14384, b'liema mod il-Ministru qed isegwi l-każ? Sakemm il-Ministru qed isegwu l-każ, x'se jiġri mit-tfal li qed jiċċaħdu minn edukazzjoni bażika f'mument tant delikat għall-iżvilupp tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema qed tidħol għax-xogħol b'mod regolari, qed isir kull sforz biex dawn it-tfal ikunu mogħtija l-attenzjoni possibli.
Leg 9 PQ #13049 Sitting 264 2000-03-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12316, jista'l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Billi l-Onor. Membru ma tagħnix spjegazzjoni soddisfaċenti għaliex qed jitlob l-informazzjoni m'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajtu fis-seduta 223.
Leg 9 PQ #14726 Sitting 264 2000-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord tal-MATSEC — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'bidliet saru fl-istrutturi ta' l-eżamijiet immexxjini mill-Bord tal-MATSEC fil-livelli tas-Sec, Intermediate u Avvanzat f'kull suġġett f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħatriet tas-syllabus panels, setters u chairmen? Tista' tgħaddili lista tal-ħatriet il-ġodda mqar b'mod konfidenzjali? X'kienu r-raġunjiet ta' dawn il-bidliet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-syllabus panels tas-SEC għas-snin 2002-2004 huma ffurmati minn żewġ membri mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, żewġ membri mill-Universita` u membru mill-iskejjel privati. Il-ħatriet saru wara talba lid-Direttur tal-Kurrikulu fid-Diviżjoni, lis-Segretarju tal-Private Schools Association u lill-kapijiet tad-dipartimenti ta' l-Universita` biex jidentifikaw persuni biex iservu fuq il-panels. Iċ-Chairmen ta' dawn il-panels inqasmu b'mod li mhux inqas minn ħamsin fil-mija minnhom huma mid-Diviżjoni. Informat ukoll li din is-sena s-syllabus panels tas-suġġetti fil-livell Avvanzat u Intermedju għas-snin 2002-2004 ingħaqdu f'panel wieħed. Il-ħatriet saru wara talba lill-kapijiet tad-dipartimenti ta' l-Universita` u lill-kapijiet ta' l-iskejjel fejn jiġu mgħallma s-suġġetti biex jidentifikaw persuni biex iservu fuq il-panels. Għalhekk kull panel fih membri mill-Universita` u minn kull skola konċernata. Iċ-Chairman ta' dawn il-panels intgħażel minn membri ta' l-Universita`. Il-ħatriet tal-paper setters panels fil-livelli kollha saru bl-istess proċedura tas-snin ta' qabel, ħlief li din is-sena kien deċiż li c-chairman jinbidel wara li jkun ilu jservi f'din il-ħatra f'dawn l-aħħar tlett snin jew aktar. Is-Senat jaħtar l-eżaminaturi minn sena għal sena fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-MATSEC. Fl-aħħarnett informat ukoll li għal raġunijiet ta' sigurta`, l-ismijiet tal-membri tal-bord li jifformulaw il-karti ta' l-eżami jinżammu konfidenzjali.
Leg 9 PQ #14683 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Siti storiċi — Valuri arkeoloġiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema mis-siti storiċi u ta' valur arkeoloġiku li jinsabu fl-Imġarr ta' Malta u fl-inħawi ta' madwar se jittieħdu inizjattivi ta' riabilitazzjoni mid-Dipartiment tal-Mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-waqt li fl-inħawi ta' l-Imġarr Malta hemm diversi siti ta' importanza, fosthom it-tempji megalitiċi ta' Ħaġrat u Skorba, fil-preżent qegħda tingħata prijorita` għola lill-konservazzjoni tas-siti megalitiċi li għandhom problemi ta' konservazzjoni serji. Peress li t-tempji ta' Ħaġrat u ta' Skorba huma fi stat stabbli ħafna, ma hemmx pjanijiet għal interventi fuq dawn is-siti fil-futur immedjat.
Leg 9 PQ #14684 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Siti storiċi — Wirt kulturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema siti storiċi ta' wirt kulturali li jinsabu fl-inħawi tar-Rabat ta' Malta se jittieħdu inzijattivi ta' riabilitazzjoni mid-Dipartiment tal-Mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-katakombi tad-Dejr kien ġie mfassal pjan sabiex is-sit jiġi protett u preżentat lill-pubbliku, waqt li jinħoloq ġnien żgħir biex ikompli jtejjeb l-ambjent tas-sit. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett kellhom jiġu sospiżi meta sar mandat bil-Qorti minn wieħed mill-ġirien, li fetaħ ukoll kawża. Għall-dawn l-aħħar tlett snin u nofs, ix-xogħlijiet kellhom jibqgħu sospiżi, u d-Dipartiment tal-Mużewijiet għadu qiegħed jistenna li tinqata' din il-kawża sabiex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jkomplu. Rigward il-Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani, huwa porġettat li wara li jinħolqu s-swali ġodda fis-sular ta' fuq tal-Mużew ta' l-Arkejoloġija fil-Belt, jibda jitfassal pjan sabiex dan il-mużew ukoll jiġġedded b'mod aktar xieraq u interessanti.
Leg 9 PQ #14710 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pieta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra mibgħuta lilu - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - mill-ġenituri ta' tfal li jattendu l-iskola primarja tal-Pieta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li intbagħtet għalliema supply wara jiem li l-għalliema tal-klassi kienet nieqsa. Din ġiet irtirata mill-iskola wara numru ta' ġranet li l-għalliema tal-klassi reġgħet bdiet tattendi regolarment.
Leg 9 PQ #14712 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex tiġi rikonoxxuta r-realta' ta' pajjiżna fejn ulied ommijiet Ingliżi li jitkellmu bl-Ingliż jitilgħu bl-Ingliż bħala l-ilsien tagħhom u qed isibu ruħhom fi żvantaġġ li fl-iskejjel primarji jkollhom jagħmlu r-Reliġjon u l-istudji soċjali bil-Malti? Kif se nirrikonoxxu bis-serjeta' din ir-realta' fil-linja ġdida edukattiva tal-kurrikulu l-ġdid li jirrikonoxxi l-kultura ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru jaf li fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, l-politika ta' Bilingwiżmu għall-Primarji tirrakkomanda li l-għalliema jgħallmu l-Ingliż, il-Matematika, x-Xjenza u t-Teknoloġija bl-Ingliż. Hawn, it-tfal li jitilgħu bl-Ingliż bħala l-lingwa tagħhom ikunu vantaġġjati. Min-naħa l-oħra, suġġetti bħar-Reliġjon u Studju Soċjali jsiru bil-Malti iżda l-bżonn ta' code-switching f'dan il-livell huwa rikonoxxut u jista' jaħdem, mhux biss biex jgħin lit-tfal li jsibu l-Ingliż tqil iżda wkoll lil dawk li jbatu fil-Malti.
Leg 9 PQ #12934 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Kartolini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12305, jista' l-Ministru jagħti dettalji mitlub peress li kif jaf il-Ministru dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Nerġa' nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 221 għall-Mistoqsija numru 12305.
Leg 9 PQ #14443 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema każi l-facilitators jistgħu jidħlu ma'l-istudenti waqt l-eżami?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull każ ta' diżabilita` (eż. nuqqas ta' smigħ) jew ta' diffikulta` speċifika għat-tagħlim (eż. dyslexia) jitqies fuq il-merti tiegħu, għaliex ikun jirrikjedi arranġamenti partikulari skond in-natura tad-diżabilita` jew diffikulta` u tal-bżonnijiet ta' l-individwu.
Leg 9 PQ #14677 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gozo Centre (Universita')

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem kellu l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fit-tmexxija ta' l-eżamijiet li saru fil-Gozo Centre (Universita') fit-28 u fid-29 ta' Jannar, 2000 peress li kellu l-bintu tagħmel dawn l-eżamijiet? Xieraq li jkun imdaħħal f'dawn l-eżamijiet meta għandu interess familjari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna indikata ma kienet involuta b'ebda mod fit-tmexxija u s-superviżjoni ta' l-eżamijiet in kwistjoni. Informat ukoll li l-amministrazzjoni ta' invigilation ta' dawn l-eżamijiet fid-dati msemmija saru mill-Uffiċjal inkarigat mill-amministrazzjoni tal-fakulta` ta' Ekonomija, Management u Accountancy li telgħet apposta minn Malta.
Leg 9 PQ #14679 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mellieħa — Restawr

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jagħti kontribut finanzjarju mill-fondi pubbliċi lill-Paroċċa tal-Mellieħa li qed tonfoq eluf ta' liri biex tirrestawra u jippriserva l-bini tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-limiti ta' l-Estimi li ġew notati mill-Parlament għal din is-sena mhux possibbli li din it-talba għal kontribut finanzjarju tiġi konsidrata.
Leg 9 PQ #14680 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ESTS — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ fl-iskema ta' taħriġ ESTS li m'għandhomx sponsor u qed jattendu jumejn skola biss fil-ġimgħa? F'liema oqsma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' żgħażagħ fl-iskema ta' taħriġ ESTS li m'għandhomx sponsor u li qegħdin jattendu jumejn skola biss fil-ġimgħa, huwa 11. Dawn l-istudenti qegħdin jistudjaw: Motor Vehicle - 1 Electronic servicing - 4 Mechanical fitter - 2 Graphic Design - 2 Ġojjelliera - 2
Leg 9 PQ #14681 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Jum Dinji tal-Ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ġew organizzati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ktieb għas-sena 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iSchool Library Services tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, biex jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ktieb, f'Ottubru 1999 nieda kompetizzjoni dwar il-Kotba fost l-istudenti ta' l-iskejjel primarji u sekondarji kollha. Il-premjijiet ta' din il-kompetizzjoni tqassmu f'Jum il-Ktieb li kien ċelebrat nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Marzu 2000. Inizjattiva oħra kienet li fl-iskejjel kollha f'Jum il-Ktieb ġiet rakkommandata "Nofs Siegħa ta' Qari" li matulha, kull min kien fl-iskola bejn l-10.00 u l-10.30 a.m., mill-Kap ta' l-Iskola, l-għalliema, l-istudenti u s-support staff kollu inkluż il-purtinara kienu mħeġġa jieqfu milli kienu qed jagħmlu u jaqbdu ktieb u joqgħodu jaqrawh. Il-Ministeru ħa wkoll din l-okkażjoni biex ħabbar it-twaqqif tal-Kunisll Nazzjonali tal-Ktieb bl-iskop li d-diversi inizjattvi li jittieħdu biex jippromwovu l-kiteb, jinġabru taħt umbrella waħda u allura jħallu riżultati aħjar. F'din l-okkażjoni wkoll saret preżentazzjoni mill-Maltacom lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex tmur b'risq it-"Talking Book Service" tad-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi u Arkivji. Din il-preżentazzjoni saret wara talba tat-Taqsima tat-"Talking Book Service" biex il-Maltacom tisponsorja "casettes" għal dan il-proġett u wara li l-Korporazzjoni aċċettat din it-talba, kien deċiż li l-preżentazzjoni ssir propju f'Jum il-Ktieb.