Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — vakanzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 u jagħmel referenza għal kull sejħa separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-vakanzi li mtlew fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u fid-dekasteru li jaqa’ taħtu bejn l-1 ta’ Novembru 2012 u s-8 ta’ Marzu 2013 qed jitpoggew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) bejn Ġunju 2012 u Marzu 2013? Jista' jgħid f'liema gradi ġew impjegati? Jista' jgħid ukoll kif saret is-sejħa għall-impjiegi u kemm applikaw f'kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ma kien hemm l-ebda impjegati ġodda mal-Building Industry Consulting Council bejn Ġunju 2012 u Marzu 2013.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ingaġġ ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba se tingħata f’ xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ġie ffirmat mid-9 ta' Marzu 2013 sal-lum għat-tfittix taż-żejt fl-ibħra jew imkejjen oħra f'Malta? Jista' jgħid min huma l-kumpaniji involuti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-production share contract li kien irrapurtat li ġew iffirmati s'issa?
Response (MIZZI, JOE)
L-ebda kuntratt għat-tiftix taż-żejt ma ġie ffirmat mid-9 ta' Marzu 2013 sal-lum.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 38225 tal-leġiżlatura preċedenti, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li għandha lment rigward bus shelter?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata minn Transport Malta u jirriżulta illi fl-akwata fejn qiegħed jintalab sabiex jiġi stallat bus shelter, il-bankina hija dejqa ħafna u għaldaqstant mhux possibbli illi jitwaħħal tali bus shelter. Madankollu Transport Malta qiegħda tevalwa jekk tistax issib alternattivi oħra sabiex ikun jista’ jitwaħħal mezz ta’ kenn f’dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Palazzi ġewwa ż-Żejtun wara li f’din it-triq sar żvilupp sostanzjali u allura t-triq hemm bżonn li ssir bit-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq tal-Palazzi ġewwa ż-Żejtun taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, għajr għal biċċa żgħira mit-triq li qatt ma saret peress li sar żvilupp u l-bini ġie rtirat ‘il ġewwa sabiex jikkonforma mal-linja tal-bini eżistenti. Din il-parti tat-triq se tiġi kkunsidrata għall-programm tax-xogħlijiet li jmiss. Madankollu, huwa l-obbligu legali tal-iżvilippatur tal-propjetajiet li jiffurmaw u jimmantjenu t-triq ta’ quddiemhom sew sakemm jingħata l-wiċċ min-naħa tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara li jerġa' jitpoġġa l-bollard li kien hemm fit-tarf tat-Triq it-Teatru kantuniera ma' Triq l-Ifran peress li wara li tneħħew, ħafna vetturi b'mod abbużiv qegħdin jidħlu fil-pedestrian area fiċ-ċentru tal-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tajt struzzjonijiet lil Transport Malta sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bollard imsemmija fil-mistoqsija tiegħu.
Iż-Żurrieq — Triq Vincenzo Caruana - triq magħluqa b'fence
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Vincenzo Caruana kantuniera ma' Triq San Martin fiż-Żurrieq hemm parti mit-triq li hija magħluqa bil-fence u mhux miftuħa bħala triq pubblika?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta se tkun qed tinvestiga dan il-każ flimkien ma’ entitajiet oħra sabiex jiġu mħarsa l-obligi relatati mal-iżvilupp f’din t-triq.
Il-Mellieħa, San Pawl u n-Naxxar — programm ta' xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jonora l-programm ta` xogħlijiet fuq toroq residenzjali li jridu jsiru minn Transport Malta u li kien stabilixxa l-Gvern preċedenti fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl u Naxxar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta se tibqa’ taħdem fuq il-programm tax-xogħlijiet eżistenti fuq bini ġdid ta’ toroq residenzjali li kien ġie stabbilit. Dan sakemm ma jinstabux problemi li l-awtorità ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa.
Transport Malta — xogħlijiet ta' emerġenza fit-toroq mal-lejl
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-programm ta` xogħlijiet ta' emergenza fit-toroq Maltin matul il-lejl, liema xogħlijiet kienu qed isiru minn Transport Malta fl-aħħar xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta qed taħdem fuq programm ġdid għal xogħlijiet ta’ major patching bl-użu ta’ hot asphalt. Kif dan il-prgramm jiġi approvat u finanzjat, ser jiġi ppjanat roster tax-xogħlijiet li jkun jinkludi xogħlijiet matul il-lejl, ladarba dan jiġi stabbilit li jkun l-aħjar ħin biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibli għax-xufiera, residenti u l-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-bendy buses tal-Arriva hux se jitneħħew mir-rotot sax-xhur tas-sajf fin-naħa ta' fuq ta' Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm pjan li jinkludi t-tneħħija gradwali tal-bendy buses minn rotot fejn hu evidenti li qegħdin joħolqu l-konġestjoni. Dan sejjer isir bħala parti mill-eżerċizzju biex jittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku fl-aħjar interess tal-pubbliku u wara diskussjonijiet intensivi mal-operatur.
Awtorità Marittima ta' Malta — bord tad-diretturi u chairman - remunerazzjoni u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità Marittima ta' Malta fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Att XV tal-2009 u b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Awt Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Att XV tal-2009 u b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Awtorita` għat-Trasport f’Malta (Transport Malta) bdiet teżerċita l-funzjonijiet ta’ dawk li qabel kienu l-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA), l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) u d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 171, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-road humps li ġew approvati biex jitqiegħdu f'San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sena u nofs? F'liema toroq kien approvati tali humps?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kienx hemm road humps approvati minn Transport Malta f’San Pawl il-Baħar f’dawn l-aħħar sena u nofs.
Billi fid-diskors tal-Baġit kien hemm referenza għal xi skema ta' rapid intervention fit-toroq Maltin, u ssemmiet b'mod partikulari l-Mellieħa bħala lokalità li se tkun inkluża f'din l-iskema, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se titħaddem din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Qed isiru preparamenti biex jinħoloq dan il-unit fejn l-għan tiegħu se jkun li jittieħdu passi immedjati fejn ikun hemm affarijiet ta’ periklu bħal ħofor, kif ukoll dwal u street furniture, u ta’ dak li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — transfers
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' impjegati fis-settur pubbliku inkluż dawk li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari li ġew trasferiti minn dipartiment għall-ieħor mill-11 ta' Marzu 2013 'l hawn? Jista' jgħid fejn kien jaħdem kull wieħed minn dawn l-individwi u fejn ġie trasferit?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 214
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — membri tas-segretarjat
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom, kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 324.