Legislature:
Category:
Reset
Active:

Twaqqif ta' ombudsman għall-anzjani

Question

Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra t-twaqqif ta' ombudsman għall-anzjani sabiex jiġu kkontrollati aktar il-każijiet ta' abbuż mill-anzjani, speċjalment fejn si tratta ta' ġid u proprjeta' li jistgħu jiġu mberbqa mill-familjari ta' anzjani dgħajfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat fid-dawl ta’ l-istrutturi u l-provedimenti legali diġa’ eżistenti.

Rapporti — Studji - Malta - EU - Ministru għall-Politika Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma ġie kontrattat ebda rapport relatat ma’ l-Unjoni Ewropeja minn dan il-Ministeru sussegwentement għal dak li għamilt referenza għalih fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23462 fil-Leġislatura preċedenti.

Aġenzija Appoġġ — Każ dwar tliet neputijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1410, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex l-Aġenzija Appoġġ tagħti spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna nvoluta peress li sal-lum din għadha ma tafx ir-raġunijiet li wasslu biex ma jibqax ikollha l-kunsens tat-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali hu responsabbli li, safejn hu possibbli, jipprovdi akkomodazzjoni jew akkomodazzjoni alternattiva lil dawk bi dħul baxx jew medju u lil dawk bi bżonnijiet speċjali. Id-Dipartiment hu wkoll responsabbli minn numru ta’ postijiet privati li kienu rekwiżizzjonati qabel l-1995.

Ex-ħaddiema ta' Farsons — Reviżjoni tal-pensjonanti

Question

Billi f'seduta 23 tad-9 ta' Lulju, 2003 il-Viċi Prim Ministru kien informa lill-Kamra li r-reviżjoni tal-pensjonanti li kienu jaħdmu mad-ditta Farsons kienet qed issir u kienet mistennija tkun lesta fi ftit ġimgħat oħra, billi minn dak iż-żmien 'il hawn għaddew kważi tliet xhur, jista' jgħid meta din il-kwestjoni mistennija tiġi finalizzata minħabba fl-inkonvenjent finanzjarju li din qed toħloq għall-persuni konċernati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1623 f’Seduta Numru 35.

Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-ministeru u x'inhu r-rwol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet ta’ dawk il-persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi u ma nistax nifhem x’utilita’ jista’ jkollha din l-informazzjoni. Il-pożizzjonijiet li jokkupaw dawn il-persuni huma pozizzjonijiet prattikament uniformi għal Ministeri kollha u qegħdin spjegati f’dokument li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-Leġislatura preċedenti.

Akkomodazzjoni soċjali — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikanti, kategorija b'kategorija, li qed jistennew li jingħataw post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3078 applikanti li ġejjin minn kull qasam soċjali.

Djar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar tal-gvern humiex se jiġu ntegrati f'awtorita' waħda jew f'dipartiment wieħed? Jekk fl-affermattiv, meta se jiġu ntegrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hu ppjanat li l-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita’ tad-Djar jiġu amalgamati. Għal dan l-iskop, inbeda l-proċess biex is-sistema tal-punti għall-allokazzjonijiet, sew tad-Dipartiment kif ukoll ta’ l-Awtorita’, tkun fuq l-istess bażi. Dan il-proċess jirrikjedi wkoll li t-talbiet pendenti mad-Dipartiment jiġu riveduti u assenjati l-punti fuq is-sistema l-ġdida. Din l-amalgamazzjoni mistennija tiġi implimentata wara li jiġi finaliżżat dan il-proċess u wara li jiġu finaliżżati l-proċessi amministrattivi oħra meħtieġa biex, kemm jista’ jkun, din l-amalgamazzjoni ssir mingħajr diffikulta’.

Akkomodazzjoni soċjali — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, kemm hemm impjegati seconded minn dipartimenti oħra għal ma dan id-dipartiment u kemm hemm impjegati tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali seconded ma' dipartimenti jew awtoritajiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 40 impjegati li fosthom hemm 3 seconded minn dipartimenti oħra. Għandu wkoll 3 impjegati li ġew seconded għall-Dipartimenti oħra.

Akkomodazzjoni soċjali — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu pagi għall-impjegati tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003 s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-pagi maħruġa mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mis-sena 2000 sa Lulju 2003 kienu: 2000 Lm256,536 2001 Lm306,177 2002 Lm269,907 2003 Lm150,620

Antennas ta' mobile phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-antennas tal-mobile phone li hemm installati viċin il-bini tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġewx imwaħħla wara konsultazzjoni ma' esperti kompetenti ta' l-Awtorita' tas-Saħħa u li tħares lill-ħaddiema mill-perikli? U f'kull każ, jista' jinforma kemm hi l-qawwa ta' raġġi li dawn l-antennas jittrasmettu fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-parametri stabbiliti r-rapport interministerjali maħruġ f’Awissu 2000, bit-titolu “Report on Recommendations for Limiting Human Exposure to Time – Varying Electric Magnetic and Electromagnetic Fields in the Frequency Range from Ohz to 300GHz”. Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol.

Raħal Ġdid — Każ ta' housing

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' housing (file no. H17965) billi l-persuni konċernata toqgħod f'garage li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li spetturi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar għamlu diversi tentattivi biex jispezzjonaw il-garage fejn kien iddikjara li joqgħod l-applikant, anke wara li għamlu appuntament, iżda qatt ma ġew murija l-post. Barra minn hekk ġew infurmati li ħadd ma joqgħod f’dan il-garage. Għalhekk l-applikazzjoni ġiet kanċellata.

Djar — Fond battal

Question

Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jara li jinħareġ id-derequisition order RO 34233 għal fond li ilu battal għal numru ta' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-fond qiegħed f’lokalita’ fejn id-Dipartiment konċernat qiegħed jagħmel eżerċizzju ta’ tneħħija ta’ rekwiżizzjonijiet. Għalhekk ir-rekwiżizzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija titneħħa dalwaqt.

Raħal Ġdid — Anzjan li qed jistenna biex jidħol fl-SVPR

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-anzjan - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - jidħol fl-SVPR minħabba l-importanza tal-każ tiegħu? Tista' il-familja tiegħu tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz mill-Isptar San Luqa fit-3 ta’ Settembru, 2003. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet dwar persuni li jkunu l-Isptar San Luqa, il-prassi hi li s-Supretendent Mediku ta’ l-Isptar jipprijoritiżża l-applikazzjonijiet ta’ pazjenti biex jiġu trasferiti fir-Residenza meta jkun hemm il-post.

Persuni boarded out

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġew boarded out tul dawn l-aħħar snin? Jista' jagħti dettalji separatament għall-Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm statistika dwar kemm persuni jiġu boarded out minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jżomm biss statistika dwar persuni li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita’ wara li jkunu ġew ċertifikati minn bord mediku tad-Dipartiment li jkunu nkapaċi għax-xogħol għal mill-anqas tlett snin. Din l-istatistika tinżamm b’mod globali u mhux skond il-post fejn dak li jiġi hekk ċertifikat ikun jabita.

Pensjonijiet — Collective Agreement

Question

Tista' tindaga għaliex pensjonanti li kienu jaħdmu mal-Kumpanija Farsons, li taħt kundizzjonijiet normali, ikollhom il-pensjoni tagħhom aġġustata mal-Collective Agreement tal-kumpanija, ilhom minn Jannar tas-sena 2002 ma jirċievu ż-żidiet li kellhom jinħarġu skond il-collective agreement ta' dak iż-żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li r-reviżjonijiet tal-pensjonijiet li għamel referenza għalihom l-Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni issa tlestew u l-ammont il-ġdid dovut mistenni jitħallas mal-pagament tal-pensjoni ta’ Ottubru.