Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35879 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw flus f'overtime u f'allowances oħra lill-pulizija din is-sena? Kemm hemm flus li għadhom ma tħallsux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din is-sena, sa l-aħħar ta` Settembru 2002, l-ammont ta` overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kien jammonta għal Lm260,059 filwaqt li dak tal-allowances kien ta` Lm1,257,257, filwaqt li f`Ottubru 2002 ser jitħallsu Lm19,010 f`overtime u Lm144,824 f`allowances. Infurmat ukoll illi, peress illi l-ħlas ta` overtime fil-Korp isir b`xahrejn lura, l-ammont li irid jitħallas għal xogħol li sar f`Settembru ma jistax jingħata għaliex ir-returns għadhom qed jinġabru.
Leg 9 PQ #35880 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandhom jitħallsu flus f'arretrati wara xiri ta' proprjeta mid-dipartiment illum u kemm ilhom ma jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Kull meta id-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel kuntratt ta` xiri, il-flus jitħallsu mal-kuntratt. Għaldaqstant ma jeżistux arretrati għal proprjeta` li ġiet mixtrija b`kuntratt.
Leg 9 PQ #36148 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Intern u Ambjent — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?

Response (BORG, TONIO)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba. Iżda, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikulari, nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.
Leg 9 PQ #36340 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Land Registry — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn ħaddiema li jaħdmu fil-land registry - u li wħud minnhom ilhom hemm aktar minn għaxar snin u li ngħataw taħriġ speċifikat għal dan ix-xogħol - se jkollhom jerġgħu japplikaw għax-xogħol u jiġu suġġetti għal interview ma' applikanti oħra miċ-ċivil u minn parastatali oħra? Jista' jgħid ukoll għalfejn dawn il-ħaddiema se jitpoġġew fuq performance agreement (skond ċirkolari MPO175 u 176 200) meta dawn huma biss minn skala 9 'il fuq?

Response (BORG, TONIO)

It-talba għar-reorganizazzjoni fir-Reġistru ta` l-Artijiet ilha pendenti s-snin. Fl-1999 ġiet approvata allowance għal impjegati tar-Reġistru. Din l-allowance ingħatat bħala miżura temporanja sakemm tinstab soluzzjoni permanenti. Peress li dawn l-impjegati huma mħalltin bejn tekniċi u klerikali u peress li l-policy tal-Gvern hija li ma jinħolqux gradi ġodda, inħarġu ċ-ċirkolarijiet imsemmija. Ovvjament iċ-ċirkulari ma tistax tkun limitata għal dipartiment wieħed imma huwa daqstant ovvju li t-taħriġ li ngħataw u l-esperjenza li għandhom ipoġġuhom f`vantaġġ u mhux fi żvantaġġ.
Leg 9 PQ #36344 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Unjoni Ewropea — Multa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-multa li weħel il-Gvern Malti fl-1988 mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel project life sabiex isir state of the Environment Report? Min kienu l-uffiċjali pubbliċi li ħadu flus bħala kumpens minn dan il-proġett? Mil-liema fondi tħallset u min għamel tajjeb għal din il-multa? Jittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra xi ħadd?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat mill-uffiċjali tal-Ministeru li taħtu kien jaqa` d-dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li l-Gvern Malti ma weħel l-ebda multa mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel proġett taħt il-'Life Programme' biex isir li State of the Environment Report. Li ġara kien li ġiet rifuża s-somma ta` Euro 74,777.50 għaliex l-Awduturi tal-Unjoni Ewropea ma qablux li r-rati li ġew użati biex jiġi valutat ix-xogħol li sar minn konsulenti maltin in konnessjoni ma` dan ir-rapport, ikunu fuq l-istess livell tar-rati li tħallsu lill-konsulenti barranin. L-ebda uffiċjal pubbliku ma ħa flus bħala kumpens għal dan il-proġett. Is-somma li ġiet rifuża tħallset mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent. Ma kienx il-każ li jittieħdu passi dixxiplinari kontra xi ħadd.
Leg 9 PQ #36345 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Għajn Tuffieħa - Taraġ għal Bajja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li sar f'dawn l-aħħar xhur minn ftit 'l isfel mill-istabiliment Apple's Eye għal bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tal-MEPA? Jekk fin-negattiv, jista' il-Ministru jgħid x'azzjoni qed tieħu l-MEPA kontra dan l-abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taraġ imsemmi huwa mingħajr permess u għalhekk ħarġet ordni ta` infurzar numru ECF 466/00. Infurmat ukoll illi saret applikazzjoni fit-termini ta` enforcement li dan żamm l-esekuzzjoni ta` l-avviż ta` l-infurzar. F`dan l-istadju il-MEPA ma tistax tieħu azzjoni oħra sakemm tiġi deċiża l-applikazzjoni b`mod finali.
Leg 9 PQ #36346 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet — Għajn Tuffieħa - Taraġ għal Bajja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kiosk imsejjaħ Internet Cafe fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tad-dipartiment ta' l-artijiet? Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li jagħti għal dan l-istess kiosk għandux il-permess tal-kummissarju ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ tal-kiosk bħal kiosks l-oħrajn kollha jinħareġ permess kull sena biex dan il-kiosk jiġi operat fix-xhur tas-Sajf. Ninsab infurmat illi ma inħareġ ebda permess mill-Kummissarju tal-Artijiet għat-taraġ li jagħti għal dan il-kiosk, u dan ser jiġi investigat.
Leg 9 PQ #36347 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PLANNING DIRECTORATE — KUMPENS

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm u min kienu l-uffiċjali pubbliċi jew uffiċjali tal-planning directorate li ħadu flus bħala kumpens għal xogħol li għamlu fil-proġett National Communication for Malta under the United Nations framework for climate change?

Response (BORG, TONIO)

Il-MEPA ma għandha l-ebda obbligu li tħallas l-ebda flus bħala kumpens lil uffiċjali pubbliċi jew uffiċjali tal-Planning Directorate, għal xogħol li għamlu fil-proġett National Communication for Malta under the United Nations framework for climate change. L-uffiċjali involuti huma Henrietta Debono (uffiċjal pubbliku) u Adrian Mallia (uffiċjal tal-MEPA).
Leg 9 PQ #36349 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MALTA UNIVERSITY SERVICES — KONSULENTI

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali mis-settur pubbliku li jaħdmu bħala konsulenti mal-Malta University Services fil-qasam ta' studju ambjentali u Environment Impact Assessments rispettivament.

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #36350 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm s'issa uffiċjali pubbliċi li talbu li jitilqu mill-MEPA jew li aċċettaw il-proposti tagħha? Kemm minnhom se jiġu rilaxxati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 130 uffiċjali pubbliċi tal-MEPA li 94 minnhom aċċettaw il-proposti ta` l-Awtorita` tagħha taħt perjodu ta` prova filwaqt li 36 għadhom m`aċċettawx il-proposti. Hemm 14 li talbu ir-revocation tad-detailing tagħhom filwaqt li 3 diġa` ġew rilaxxati.
Leg 9 PQ #36351 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — UNJONI EWROPEA

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-membri li għamlu aġġudikazzjoni biex jilħaq fil-kariga d-direttur tad-direttorat għall-ħarsien ta' l-ambjent tal-MEPA? X'kienu l-kriterji u fuq liema merti ntgħażel min intgħażel? X'kienu r-riżultati peress li xejn ma ġie ppubblikat? Kemm kien hemm u min kienu l-membri ta' l-aġġudikazzjoni li huma esperti jew konversanti mal-konvenzjonijiet u trattati internazzjonali, reġjonali jew ta' l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw l-ambjent? U kif dawn taw il-marki? Kif ingħataw il-marki fuq l-kwalifiki personali?

Response (BORG, TONIO)

Is-selezzjoni ta' l-applikanti ghall-kariga ta' Direttur tad-Direttorat ghall-Harsien ta' l-Ambjent fil-MEPA saret f''zewg fazijiet. L-ewwel fazi kienet tikkonsisti f-"short-listing" ta l-applikazzjonjiet kollha. Il-bord li ghamel l-ghazla kien jikkonsisti minn Victor Torpiano (chairman), Alfred Mangion (membru), Peter Zammit (membru) u Profs. Rev. Peter Seracino Inglott (konsulent). Dan il-bord wasal ghall-"short-list" u ipproceda bl-ewwel intervista. Wara dan il-process, intghazlu hames kandidati li l-bord deherlu li kellhom jigu intervistati ghat-tieni darba. Il-membri tal-bord ghat-tieni intervista kienu: Andrew Calleja (Chairman), Victor Torpiano (Deputy Chairman), Louis Cassar (Member of MEPA Board), Rev. Alfred Darmanin (advisor) u Philip Tortell (konsulent). L-esperti teknici fuq il-bord kienu Louis Cassar u Philip Tortell. L-applikanti ghall-kariga ta' Direttur fid-Direttorat ghall-Harsien ta' l-Ambjent riedu jkollhom esperjenza fit-tmexxija ta' processi u progetti f'organizzazzjoni multi-dixxiplinarja u riedu jkunu kapaci sew f'immaniggjar tar-rizorsi, specjalment dawk umani. Riedu wkoll ikollhom kwalifici akkademici relatati u kellhom jipprovdu vizjoni u direzzjoni biex jibnu organizzazzjoni kapaci li tilhaq il-miri ta' l-obbligi tad-direttorat. Riedu wkoll ikunu familjari ma' l-oqsma relatati ma' l-isfera ta' l-ambjent nazzjonali. Il-bord ikkonsidra il-kapacitajiet tal-hames applikanti fl-isfond ta' dawn il-kriterji u l-Inginier Ray Piscopo gie rrakkomandat bhala l-ahjar kandidat. Il-bord tal-MEPA qabel ma din ir-rakkomandazzjoni u approva il-hatra.
Leg 9 PQ #36352 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet — Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-talba li għamlet il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, lid-dipartiment ta' l-artijiet (L749/61) sabiex takkwista art viċin id-dar tagħha ma ġietx milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Il-persuna li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt għandu kirja fuq l-art in kwistjoni. It-talba tiegħu ġiet irrifjutata għaliex l-istess art kienet ġiet esproprjata mingħand terzi persuni.
Leg 9 PQ #36353 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Għasafar — Kaċċa u Nsib

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36223, jista' il-Ministru jgħid illum il-ġurnata liema huma l-ispeċi ta' għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba kif provdut bil-liġi u r-regoli Maltin? Jista' jgħid ukoll liema speċi ta' għasafar ikunu jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba f'eventwalita` ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, skond il-ftehim milħuq fil-kapitlu dwar il-kaċċa u l-insib ma' l-istess Unjoni?

Response (BORG, TONIO)

Jista` l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perijodu tas-sena qed jirreferi.
Leg 9 PQ #36357 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Wied is-Sewda — Tindif

Question

Billi Wied is-Sewda, bejn Birkirkara, Balzan, Attard, Qormi u Żebbuġ huwa l-uniku post li baqa' fl-arja ċentrali ta' Malta li tista' issejjaħlu "naturali", jista' il-Ministru jikkonsidra żewġ proposti? L-ewwel waħda li jiġi dikjarat zona rurali ta' konservazzjoni u jiġi ttrattat hekk billi jitnissel programm ta' infrastruttura u aċċess għall-pubbliku. It-tieni billi jitnaddaf sew mill-ammont kbir ta' żibel li hemm għax il-post qed jiġi ttrattat qisu miżbla u l-gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex id-dumping jieqaf.

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Wied is-Sewda diġa` huwa inkluż bħala Arja ta` Konservazzjoni Rurali u għalhekk mhux permess żvilupp ħlief għal dawk ix-xogħlijiet li għandhom x`jaqsmu mal-preservazzjoni tal-ħamrija u l-immaniġġjar ta` l-ilma. Partijiet minn Wied is-Sewda huma elenkati u protetti bħala Arji ta` Importanza Ekoloġika ta` Livell 4. Hemm ukoll siti arkeoloġiċi, fosthom oqbra Puniċi u ċisterna Rumana. Rigward it-tindif minn skart, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-proposta lill-Ministru responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Leg 9 PQ #36369 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Bormla — Triq ix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond 7, Blokk A, Triq ix-Xatt, Bormla ħariġx għall-kiri? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-Mejda kopji ta' kemm-il darba deher fuq il-gazzetta tal-gvern

Response (BORG, TONIO)

Il-fond 7, Blokk A, Triq ix-Xatt, Bormla ħareġ għall-kiri bl-offerti għall-ewwel darba fil-gazzetta tal-gvern tat-28 ta` Diċembru 2001, avviż numru 143 u baqa` jidher fil-gazzetti tal-gvern tal-31 ta` Diċembru 2001, 4 ta` Jannar 2002, 8 ta` Jannar 2002, 11 ta` Jannar 2002, u 15 ta` Jannar 2002. L-offerti għalqu fis-17 ta` Jannar, 2002.

Għassa tal-Pulizija — Furjana

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il ġurnata nżammet magħluqa l-għassa tal-pulizija fil-Furjana f'dan l-aħħar xahar? Għaliex, f'kull jum konċernat? Tista' l-għassa tinfetaħ aktar ta' spiss?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35318, ninsab infurmat illi matul dan l-aħħar xhur dejjem kien hemm kuntistabbli, u drabi anke surġent, dettaljat fl-Għassa imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.
Leg 9 PQ #36402 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta għaddiet il-liġi dwar il-proprjeta' ta' l-għadu, kien hemm xi talba minn xi ħadd għall-akkwist ta' xi waħda minn dawn il-propjetajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-lum ma saret l-ebda talba f`dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #36403 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — San Ġwann - Penthouse

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-penthouse fi Triq il-Fuxa, San Ġwann għandhiex il-permessi tal-MEPA?

Response (BORG, TONIO)

Minħabba li m`huwiex ċar għal liema sit qed jirreferi l-Onor. Interpellant, peress li Triq il-Fuxa hija kollha kommessa bl-iżvilupp, nitlob lill-Onor. Membru jkun aktar speċifiku.

Pulizija — Furjana - Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati inċidenti tat-traffiku fi Triq Sant'Anna, Furjana, xahar b'xahar, f'dawn l-aħħar erba' snin? Kemm tħarku sewwieqa minħabba overspeeding fl-istess perijodu? Meta hu maħsub li jinbdew jiffunzjonaw l-ispeed cameras?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi in-numru ta` inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija li seħħew fi Triq Sant`Anna il-Floriana matul dawn l-aħħar erba` snin huwa kif ġej: 1999 2000 2001 2002 Jannar 3 4 5 6 Frar 1 5 7 1 Marzu 2 7 4 7 April 2 7 9 10 Mejju 4 10 6 8 Ġunju 0 4 5 5 Lulju 4 7 4 2 Awissu 4 3 3 4 Settembru 4 3 3 2 Ottubru 3 8 2 - Novembru 2 3 4 - Diċembru 3 7 4 - TOTAL 32 68 56 45 Ninsab infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu il-Pulizija tellgħet quddiem il-Qorti 704 persuna minħabba sewqan eċċessiv. L-ebda wieħed minn dawn il-każi ta` sewqan eċċessiv kien fit-triq imsemmija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34670.

Lands Department

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 32852, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju waslu l-proċeduri neċessarji sabiex din il-proprjeta' u l-oħrajn li jinsabu fl-istess posizzjoni fil-belt Senglejana jinfdew u għalhekk ikunu jistgħu jinxtraw susegwentement minn terzi?

Response (BORG, TONIO)

Il-liġi imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32852 issa għaddiet. Din il-liġi hija magħrufa bħala l-Att dwar l-Amministrazzjoni ta` l-Artijiet (Att Nru XI ta` l-2002). Malli din il-liġi tiġi fis-seħħ kif inhu provdut fl-artikolu 1 tal-istess liġi, il-kera li gvern iħallas għall-proprjetajiet li ġew akkwistati taħt it-titolu ta` 'pussess u użu' jew 'dominju pubbliku' tkun tista` tiġi ikkapitizzata bil-1 fil-mija fil-każ ta` proprjetajiet akkwistati taħt it-titolu ta` 'pussess u użu' u bil-1.4 fil-mija fil-każ ta` proprjetajiet li ġew akkwistati taħt it-titolu ta` 'dominju pubbliku'. Malli dan iseħħ, il-proprjetajiet li ġew akkwistati isiru mija fil-mija tal-gvern u l-inkwilini jkunu jistgħu jixtru r-residenza tagħhom. Dan isir fid-diskrezzjoni tal-Gvern. L-Onorevoli Membru għandu japprezza li dan il-proċess, apparti li jinvolvi ħafna xogħol, ser jiswa lill-gvern madwar erbgħa miljun lira u għaldaqstant dak li ma sarx għal dawn l-aħħar ħamsin sena ma jistax isir f`daqqa.