Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar bini li tela' bla permess fiċ-Ċentru għar-Restawr ta' Bighi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bini li tela` mingħajr permess, huwa ta` estenzjoni mal-bini eżistenti. Dan ix-xogħol li kien qiegħed isir mingħajr il-permessi meħtieġa inħariġlu "Avviż tat-Twettieq" ECF 810/00 fis-16 t`Awissu 2000. Irid jingħad li quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm applikazzjoni PA 6447/99 għal imsemmi xogħol u għaldaqstant irid ikun hemm eżitu ta` l-applikazzjoni qabel jittieħdu passi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern bħala ħlas xahar b' xahar sal-1 ta' Ottubru 2001 għar-riċerki tar-Reġistru Pubbliku kemm ilhom li saru uffiċjali?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas dovut lil kuntrattur privat li għamel dawn ir-riċerki għan-nom tal-Gvern għall-istess perjodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dħul u l-ħlas li sar għar-Riċerki Uffiċjali mir-Reġistru Pubbliku (Malta u Għawdex) għal perijodu 15 ta` Jannar sat-30 ta` Settembru 2001 huwa kif indikat hawn taħt.
Xahar
Dħul
Lm
Ħruġ
Lm
Jannar
6,021.15
0.00
Frar
43,506.95
8,949.92
Marzu
50,191.60
58,128.61
April
54,093.08
55,118.24
Mejju
61,984.78
67,368.54
Ġunju
49,747.83
33,464.15
Lulju
54,199.57
67,892.56
Awissu
47,659.44
35,223.43
Settembru
46,062.28
33,488.71
F`ammont tal-ħruġ hemm inkluż il-VAT li l-Gvern jerġa` jirċievi lura. Wieħed irid jinnota wkoll li barra dan id-dħul dirett mid-Dipartiment, hemm dħul ieħor bħal:
1) ġbir tal-VAT; 2) Income tax imħallsa mill-kumpanija; 3) valur addizzjonali għal Gvern bħal fost oħrajn iffrankar ta` użu ta` riżorsi.
Dan kollu żgur jisboq bil-bosta Lm200 f`sena sħiħa li l-Gvern daħħal mir-riċerki fl-1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq l-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq hiring, u leasing u xiri ta' vetturi matul s-snin 1999, 2000, 2001 sal-llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tlett snin kemm kienu n-numru ta' laqgħat li saru bejn l-awtoritajiet tal-Gvern Malti u dawk Libjani sabiex tkun kontrollata aħjar il-problema tat-traffikar tad-droga li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi? Xi żviluppi saru? Meta se jkomplu dawn il-laqgħat?
Response (BORG, TONIO)
L-aħħar tliet snin kien hemm żewġ laqgħat uffiċjali bejn l-awtoritajiet Libjani u Maltin fuq ko-operazzjoni f`każijiet ta` traffikar ta` drogi u reati oħra. Kuntatti mhux uffiċjali bejn aġenzija tat-twettieq tal-liġi saru wkoll.
Saret laqgħa fi Tripoli bejn l-14 u l-15 ta` Lulju 2001 li għaliha attendejt jiena stess, flimkien mall-Kummissarju tal-Pulizija u l-A.C. A. Seychell u l-A.C. M. Cassar; bejn il-11 u s-17 ta` Settembru delegazzjoni Libjana ġiet Malta għall-istess skop.
Laqgħa oħra ta` livell għoli, din id-darba f`Malta, hi prevista għall-bidu tas-sena li ġejja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' persuni li fil-preżent qed jiskontaw sentenza ta' priġunerija, kemm minnhom huma ta' nazzjonalita' barranija u minn fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li fil-preżent qed jiskontaw sentenza ta` priġunerija fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin huwa ta` 183. Minn dawn 41 (22%) huma ta` nazzjonalita` barranija.
Dawn ġejjin mill-pajjiżi kif turi t-tabella.
Maltin
142
Libjani
26
Alġerini
1
Awstraljani
1
Renju Unit
1
Olandiżi
3
Eġizzjani
2
Taljani
1
Jugoslavi
1
Palestinjani
1
Tuneżini
4
TOTAL
183
Jista' l-Ministru jgħid billi fic-CCF jirriżulta li hemm numru ta' priġunieri Għarab, jista' l-Ministeru jikkunsidra li jibdew jingħataw lezzjonijiet tal-Lingwa Għarbija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li kienet saret talba minn resident Malti f`isem diversi residenti fil-Faċilta` Korrettiva ta` Kordin biex jibdew isiru lezzjonijiet ta` l-Għarbi, kienu saru kuntatti informali ma` l-awtoritajiet Libjani f`Malta dwar il-possibilita` li jipprovdu għalliema fil-lingwa Għarbija.
Mhux eskluż li jingħataw lezzjonijiet fil-lingwa Għarbija jekk jirriżulta illi l-priġunieri għandhom interess ġenwin li jitgħallmu dan is-suġġett u jinstab għalliem għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid f' hiex waslu l-investigazzjonijiet dwar
1) is-serqa tal-pittura ta' Ġużeppi Grech mill-Mużew ta' l-Arti?
2) l-attakki vandalistiċi fuq it-tempji ta' l-Imnajdra f' April li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dawn iż-żewġ każijiet huma suġġett ta` inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwarhom għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' liema DVD's huma llegali? Jekk hux dawk magħrufa bħala region 1 jew region 2 eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-artikolu 289B tal-Kodiċi Kriminali, ikun qed jikkommetti reat kull min, għal qligħ, jew bi skop ta` kummerċ, jistampa, jimmanifattura, jidduplika jew mod ieħor jirriproduċi jew jikkopja, jew ibiegħ, iqassam, jew mod ieħor joffri għall-bejgħ jew biex jitqassam xi artikolu jew xi ħaġa oħra bi ksur tal-jeddijiet li joħorġu mid-drittijiet ta` l-awtur li jkollha persuna oħra u protetti bil-liġi ta` Malta.
Jista' l-Ministru jinformana jekk ix-xatt ta' quddiem l-istabiliment Mare D'Oro, fil-Bajja tal-Fekruna, Xemxija, hux propjeta' privata jew inkella art pubblika? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru eżattament liema żona hija propjeta tal-istabiliment imsemmi, u liema hija art pubblika? Jista' jinfurmana jekk l-aċċess għall-parti pubblika hux wieħed liberu? Jista' jinfurmana jekk il-Pulizija ta' San Pawl il-Baħar u tal-Qawra hux infurmati b'dan u jaraw li l-liġi qed tiġi osservata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċess minn naħa tal-Gvern għall-esproprjazzjoni għal skop pubbliku tal-art murija issingjata fuq il-pjanta li se inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, ġie kontestat mis-sidien tal-istabbiliment Mare d`Oro.
Ingħatat sentenza mill-Qorti tal-Prim Awla favur l-istess sidien. Pero` din is-sentenza ġiet appellata minn naħa tal-Gvern. Dan l-appell għadu ma nqagħtax.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jiġi finalizzat in-north harbour plan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana, kif amendat wara li saret konsultazzjoni pubblika, huwa ippjanat li jiġi ppreżentat lil Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar f`Diċembru ta` din is-sena. Imbagħad dan jgħaddi għand il-Gvern għall-konsiderazzjoni qabel ma jiġi formalment adottat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774, jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija dwar in-numru ta` impjegati Industrijali fis-Servizz Pubbliku nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27774.
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998 sal-lum, daħlu 18-il impjegat bħala Labourers (ex Impressed Drivers) ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-impjegati kollha, inklużi industrijali, grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li kien hemm fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fl-1 ta' Jannar 1998 u fl-1 ta' Ottubru 2001?
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx minnhom li huma meqjusa żejda u jekk jeżistux vakanzi f' xi kategoriji ta' impjegati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28533, x' inhi l-persuna mgħażula u x' salarju u kundizjonijiet ingħata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta` l-għażla għadu ma ġiex eżawrit u r-riżultat ta` l-interview għadu mhux pubblikat.
L-eventwali persuna magħżula jiġi appuntat fil-grad ta` Principal Technical Officer, kif indikat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, fuq skala 9 (disa`) b`salarju ta` Lm5,274 fis-sena li jitla` b`increments annwali ta` Lm192 sa Lm6,426 fis-sena u bil-kundizzjonijiet normali tas-servizz mal-Gvern.
Peress li hemm lmenti minn kostitwenti tiegħi li l-ħanut Power Bar biswit l-għassa tal-pulizija ta' B'Buġia qed jibqa' miftuħ aktar milli permess b'mod li qed idejjaq lil ħafna ġirien matul il-lejl, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ta' B'Buġia mhux qed tieħu l-passi li għanda tieħu skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija dejjem aġġixxiet, kemm quddiem il-Qorti kif ukoll quddiem il-Bord ta` Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija, fuq l-ilmenti li rċeviet dwar il-ħanut li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-strip and search saru mill-pulizija matul 2001? X' inhuma l-kriterji adattati fi proċeduri ta' strip and search?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel 9 xhur ta` din is-sena, il-Pulizija għamlet 440 strip search minħabba abbuż ta` droga. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jien diġa` tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28433.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm liċenzji ta' negozji li ġew irtirati mis-sidien tagħhom jew li ġew trasferiti minn fuq isem għal ieħor separatament sena b'sena mill-1995 sal-llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ liċenzji ta’ negozju li ġew irtirati u trasferiti mis-sidien tagħhom mill-1995 sat-30 ta’ Settembru 2001 kienu kif ġej:-
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001
Liċenzji ta’ negozju li ġew iritirati
426
249
214
188
263
188
113
Liċenzji ta’ negozju li ġew trasferiti
438
413
319
330
220
249
194
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu permessi waqt il-festa ta' Sant Elena, biex ħwienet tax-xorb u każini setgħu joħorġu mwejjed u siġġijiet fuq il-bankina barra l-ħwienet imsemmija? Jista' jsemmi liema kienu dawn il-ħwienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-postijiet ta` negozju li kellhom permessi sabiex joħorġu mwejjed u siġġijiet fuq il-bankina fil-perijodu tal-festa ta` Sant`Elena, B`Kara, kienu:
St. Helen`s Band Club Xixu Bar
Savannah Bar Alliance Bar
Sunny Bar Majestic Bar
Gove Bar
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-imħażen li hemm taħt it-Triq tal-Maċina l-Isla humiex mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-Triq 31 ta` Marzu, li tiġi taħt it-Triq tal-Maċina l-Isla, hemm ħames garaxxijiet/mħażen tal-Gvern. Erbgħa minnhom huma mikrija filwaqt li wieħed huwa okkupat illegalment minn terzi persuni. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex dan ta` l-aħħar jiġi żgumbrat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex ċerti riċerki testamentarji qiegħdin idumu aktar minn erba' ġimgħat? Jista' jispjega għaliex meta ma kienux isiru bil-computer kienu jdumu inqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet għar-riċerki testamentarji li qed idumu madwar erba` ġimgħat biex joħorġu huma proprju dawk ir-riċerki li kienu jsiru manwali u li għad baqa` xi ftit minnhom biex joħorġu. Qed isir dak kollu possibli, u hemm ippjanat illi dan il-back log jinqata` fi żmien ġimgħatejn oħra.
Dwar ir-riċerki li qed isiru bil-computer, naħseb li l-Onor. Interpellant jaf tajjeb li skond provvedimenti tal-Legal Notice 261/00 id-Dipartiment huwa marbut li dawn ir-riċerki testamentari joħorġu fi żmien ta` sebat ijiem ta` xogħol. Din ir-rabta qatt ma kienet teżisti qabel. Il-pubbliku żgur li qed igawdi mis-sistemi ta` kompjuterizazzjoni li r-Reġistru Pubbliku qed jagħmel użu minnhom illum.