Edukazzjoni Żgħażagħ u Impjiegi — Ħaddiema li għalqu l-61 sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extensionu għal liema raġuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :-
- Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bħalissa hemm 27 persuna 'l fuq minn 61 sena li kienu edukaturi impjegati mad-Diviżjoni li qed jagħtu servizz fi programmi ta' tagħlim għall-adulti u servizzi oħra.
- Fl-FTS hemm persuna li għandha 61 sena u l-kuntatt jagħlaq is-sena id-dieħla.
- Fl-MCAST hemm 27 impjegat li għalqu l-61 sena u nżammew minħabba esiġenzi ta' servizz u l-kuntratt tagħhom jiġi terminat fl-aħħar ta' din is-sena.
- Fl-FES hemm 2 persuni waħda l'fuq minn 61 sena.
- Fl-ITS hemm persuna waħda li għalqet il-61 sena u li tinħatar għal żmien ta' sena b'kuntratt.
- Fid-Dipartiment tal-Libreriji hemm 11-il ħaddiem li għalqu il-61 sena f'dawn l-aħħar ħames snin u ħadd minn dawn ma ngħata estensjoni.
- Fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hemm persuna waħda li għandha 'l fuq minn 61 sena.
Informat ukoll li tagħrif dwar l-Universita' ta' Malta għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kif inhuwa funded il-programm televisiv dwar l-informatika ICTV li jixxandar fuq Channel 22 fost stazzjonijiet oħrajn u min huwa responsabbli għal editorial content?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-Pjan Nazzjonali tax-Xandir, il-PBS u Channel 22 ixandru ripetizzjonijiet ta' programmi ta' xulxin. Il-PBS huwa l-editur tal-programmi kollha ta' Channel 22.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm għalliem ta' l-Ingliż nieqes għall-istudenti tal-Form IV fl-iskola E. S. Inglott Bormla? X'inhi r-raġuni għaliex toursfl-Universita' li kienu jsiru lill-istess studenti twaqqfu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ta' l-Ingliz tal-Form IV ilha marida l-isptar minn Jannar 2007. L-iskola għamlet arranġamenti sabiex l-istudenti jkollhom lezzjonijiet ta' l-Ingliz. Informat ukoll li din is-sena l-iskola imsemmija ma ġietx mitluba torganizza tours ta' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti li huma ġejjin mill-Kottonera f'Novembru u Diċembru li għadda, maqsuma skond il-lokalita' u f'hiex iggradwaw?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' l-MCAST u minn liema lokalita' ġejjin l-istudenti? Jista' jagħti din l-informazzjoni istitut b'istitut?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet imwaqqfa mill-gvern? X'inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet? Jista' jagħti din l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li għandhom inqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24496.
Filwaqt li nirreferi ġentilment lill-Ministru għall-ittra tal-Gzira United Football Club tat-2 ta' Ġunju, 2007 fejn dawn qed iħossu li minkejja sebgħa snin sħaħ ta' laqgħat ma waslu mkien mal-awtoritajiet kompetenti:
billi kif inhuma l-affarijiet bil-club tagħhom għat-twaqqiegħ minħabba l-proġett tal-MIDI ftit jagħmel sens li jonfqu flus f'maintenance tal-club preżenti; u
billi b'żieda ma' dan għadhom kif qabbdu perit li ċċertifika li l-kamra użata min-nursery hija 'unsafe' u dan rrakkmanda li din għandha tingħalaq; u
billi huma qegħdin jitolbu biex temporanjament jużaw xi kmamar oħra fil-viċin li mhumiex jiġu użati u li jinsabu qrib il-football pitch iżda sal-lum baqgħu bla tweġiba; u
billi talbu wkoll jekk jistgħux jiġu allokati temporanjament xi proprjeta' fil-Gżira bħala premises għal football club innifsu; u
billi hemm ftehim bejn MIDI u Gvern biex jinbena Community Ground f'Manoel Island u s-sit għal ground diġa' ġie allokat;
x'qed iżomm dan il-ground milli jinbena u jiġi ttrasferit it-titlu lil football clubs minn issa? Tistax tikkonsulta lill-Ministru responsabbli għal Lands dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser nitkellem mal-Ministri sħabi li b'xi mod jista' għandhom x'jaqsmu mal-proġett biex l-obbligi li daħlu għalihom il-MIDI fir-rigward tas-suġġett imqanqal mill-Onor. Membru jiġi onorat mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26479 u cioe' : Billi f'mistoqsija parlamentari 6516 il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Ministru responsabbli mill-agrikoltura u sajd għamel talba għall-assistenza biex jiġi stabbilit ġnien klassiku Għarbi, possibilment fi Ġnien Qaddafi, f'Raħal Ġdid, kif ser jiġi effettwat dan il-proġett mill-estenzjoni ta' l-MCAST li ħabbar il-Prim Ministru il-bieraħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Meta jkunu qed jitfasslu l-pjanti dettaljati tal-proġett ta' l-MCAST tiġi konsidrata t-talba msemmija.
Jista' l-Ministru jgħidli fiex jikkonsisti l-proġett Foundation for Tomorrow Schools li se jinbena fis-sit ta' l-iskola Ninu Cremona fir-Rabat Għawdex? X'inhuma t-time frames għall-bini ta' dan il-proġett?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskola Ninu Cremona fir-Rabat Għawdex se tiġi żviluppata mill-ġdid. Il-proġett għandu jkun implimentat fi żmien tlett snin, suġġett għall-approvazzjoni tal-permessi neċessarji mill-Awtorita’ Maltija ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — Bini ta' kumpless edukattiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-bini ta' kumpless edukattiv ġdid li se jsir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li fuqu din is-sena se jintefqu Lm3 miljuni kif il-Prim Ministru ħabbar fid-diskors tiegħu tal-budget għall-2007?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 26772.
Jista' l-Ministru jara jekk l-istudent, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jistax jingħata l-opportunita' li jinżamm għall-iskola sajf minħabba li ma laħaqx applika meta kien hemm l-applikazzjonijiet miftuħa? Tista ssir eċċessjoni minħabba l-bżonnijiet ta' dan it-tifel?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm subject coordinators fid-diversi skejjel u ta' liema suġġetti huma? F'liema skejjel jinsabu dawn is-subject coordinators?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 103 subject co-ordinators fid-deversi skejjel statali. Lista ta' l-iskejjel u s-suġġetti ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti lista taż-żidiet fit-tariffi kemm permezz ta' avviżi legali kif ukoll b'mod ieħor, li l-gvern introduċa minn wara l-elezzjoni tas-sena 2003 sal-lum, u dan għall-awtoritajiet, bordijiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista' l-Ministru ġentilment jelenka wkoll kif kienu t-tariffi qabel id-data u kif huma fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum kemm kien hemm studenti istitut b'istitut li bdew xi kors u ma konplewx sena b'sena? X'tip ta' monitoring qed isir għar-rata u n-natura ta' drop-outs fl-MCAST? Qed jittieħdu xi passi biex din ir-rata tonqos? Jekk fl-affermattiv, x'passi qed jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li bdew xi kors u ma komplewx, Istitut b'Istitut, mis-sena 2003 huwa kif ġej:
Institutes 2003/04 2004/05 2005/06 2006/07
Mechanical Engineering 7 32 38 43
Electrical & Electronics Engineering 28 29 44 36
Building & Construction Engineering 11 90 92 89
ICT 71 36 37 59
Business & Commerce 73 61 123 94
Art & Design 30 47 39 38
Maritime 3 0 1 3
Community Services 20 21 22 26
Agribusiness 3 11 13 9
Gozo Centre 10 11 15 15
L-MCAST jimmoniterja s-sitwazzjoni ta' l-istudenti kollha li huma reġistrati miegħu. Id-Diretturi għandhom kuntatt regolari ma' l-istudenti u kull fejn jinħass il-bzonn jittieħdu l-passi dixxiplinari neċessarji. F'kazi fejn ikun meħtieġ jingħajtu l-ġenituri jew inkella l-kaz jintbagħat quddiem Counsellors ta' l-MCAST biex l-istudenti jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Ta' min izomm f'moħħu li numru ta' studenti jieqfu mill-istudji tagħhom peress li jsibu impjieg.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' safety teachers fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat separatament? Jista' jgħid ukoll kif jiġu magħżula u x'tip ta' taħriġ jingħataw? Mis-sena 2004 sal-lum kemm kien in-numru ta' rapporti li saru mill-istess safety teachers fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern sena b'sena u separatament għall-primarja u s-sekondarja? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew milqugħa u jekk sarx ix-xogħol li kien ġie mitlub?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 74 Health & Safety Teachers. Il-Health & Safety Teachers jiġu magħzula b'interview wara li toħroġ sejħa b'ċirkolari. L-'appointment' ta' dawk li jintagħzlu jkun jgħodd għal sentejn. It-taħriġ ta' dawn l-għalliema jsir minn entitajiet kompetenti fil-qasam tal-Health & Safety bħall-Institute of Health & Safety, Msida, Red Cross Malta, Sedqa, tobba minn Sptar Boffa, Health Promotion, Health Division u l-OHSA. Barra minn hekk ikun hemm laqgħat interni regolari ta' struzzjoni kull term.
Fis-snin li għaddew saru rapporti fuq ċirkostanzi li jizviluppaw minn sena għall-oħra kif jidher hawn taħt;
Skejjel Primarji Skejjel Sekondarji Junior Lyceums
2004 77 18 12
2005 77 18 12
2006 74 18 13
2007 74 17 13
Dawn ir-rapporti jiġu ezaminati u jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li jiġu nfurzati r-regolamenti kontra t-tipjip fl-ITS minħabba li dawn qegħdin jinkisru regolarment f'diversi dipartimenti u uffiċini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Management ta' l-ITS jagħmel kull sforz possibli biex jinforza r-regolamenti kontra t-tipjip fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi.