Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #21151 Sitting 440 2006-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bejjiegħa tat-time share

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex jinqatgħu l-abbużi li qed ikomplu jagħmlu bejjiegħa tat-time share (OPCs) minkejja li daħal fis-seħħ avviż legali ġdid biex jaqta' tali abbużi? Jista' jagħti rendikont ta' abbużi maqbuda u nvestigati mid-dħul ta' dan l-avviż legali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mid-19 ta' Ġunju sat-8 ta' Ottubru, 119-il bejjiegħa magħrufa aħjar bħala promoturi tat-timeshare (OPC) ġew avviċinati u ċċekkjati. Tlettax minnhom qed jiġu investigati. Rendikont tat-18 -il akkuża lil dawn it-13 -il persuna huma hekk: Ħarġu 3 akkużi li ħadmu bla liċenzja; 4 akkużi li kienu aggressivi fl-atteġġjament tagħhom; 5 akkużi peress li ma esponewx biżżejjed l-identity tag tagħhom 6 akkużi li għamlu promozzjoni mill-vettura. 5 minn dawn it-13 -il persuna ġew akkużati b'iktar minn reat wieħed.
Leg 10 PQ #21213 Sitting 440 2006-10-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — CEO

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk Heritage Malta hux se tkun mingħajr CEO sakemm il-persuna li ntgħażlet tibda x-xogħol is-sena d-dieħla? Min se jagħmilha ta' CEO matul dan il-perijodu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 21120.
Leg 10 PQ #21214 Sitting 440 2006-10-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — CEO

Question

Jista' il-Ministru jgħid taħt liema kriterji ġie magħżul is-CEO ta' Heritage Malta meta dan m'għandu l-ebda esperjenza jew expertise fuq heritage management? Kemm kienu l-applikanti għal dan il-post, kemm ġew short-listed u kemm minnhom għamlu second interview? Il-bord ta' Heritage Malta kellu quorum meta approva din l-għażla? Il-kabinett approvaha din l-għażla? Jista' jikkonferma jekk saritx protesta ma' l-ombudsman minn xi applikanti għal mod kif saret l-għażla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Bord iddeċieda favur dan l-applikant għax għaraf li għandu l-iskills meħtieġa u l-esperjenza fit-tmexxija ta’ aġenzija kbira u kumplessa kif inhi Heritage Malta. L-applikant wera wkoll li għandu viżjoni ċara u sensittività kbira fir-rigward tal-wirt kulturali. Infakkar lill-Onor. Interpellant li anke is-CEO preċedenti ma kellhiex expertise f’Heritage Management. Dan ma żammhiex milli tmexxi l-aġenzija bl-aktar mod professjonali. Kien hemm ħames applikanti li ssejħu biex jagħmlu t-tieni intervista iżda wieħed minnhom irtira l-applikazzjoni. Il-Bord approva din il-ħatra skond kif jitlob l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap 445). Ninsab infurmat illi kien hemm quorum meta ttieħdet din id-deċiżjoni. L-Aġenzija mhix infurmata li saret protesta ma' l-Ombudsman dwar din il-ħatra.
Leg 10 PQ #20518 Sitting 439 2006-10-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Rapporti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tiegħu kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #21120 Sitting 439 2006-10-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — CEO

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għal kariga ta' CEO ma Heritage Malta? Il-persuna li ntgħażlet kienet waħda mill-applikanti? Meta se tibda x-xogħol ta' CEO? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' dan ic-CEO ġdid?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kien hemm 29 applikant, li uħud applikaw billi wieġbu għal-avviż li deher fil-gazzetti lokali, u oħrajn applikaw billi wieġbu permezz ta' l-internet għall-sejħa li dehret fuq il-website ta' l-ETC. 4 irtiraw l-applikazzjoni. Il-persuna magħzula kienet waħda minn dawn l-applikanti. Il-kuntratt tas-CEO jibda fl-1 ta' Jannar 2007, iżda f'dawn it-tliet xhur din il-persuna kienet qiegħda żżur Malta regolarment fuq xogħol ta' Heritage Malta filwaqt li qed iżomm kuntatt kontinwu permezz tal-posta elettronika. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt kif mitlub mill-Onor interpellant, liema kuntratt huwa bħal dak tas-CEO preċedenti.
Leg 10 PQ #21056 Sitting 438 2006-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

White Rocks

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16163, jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern ikkonsidrax x'ikun l-aħjar proġett għas-sit tal-White Rocks fl-interess ekonomiku tal-pajjiż? Jista' jgħid meta se jibda x-xogħol fuq dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ħsieb tal-Gvern huwa li tinħareġ sejħa ġdida fuq dan il-proġett. F'dik is-sejħa l-Gvern jindika l-prefernza tiegħu rigward x'tip ta' żvillup ikun qed jistenna minn dan il-proġett.
Leg 10 PQ #21117 Sitting 438 2006-10-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buġibba — Perched beach

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż għal bini tal-perched beach f'Buġibba?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Leg 10 PQ #21034 Sitting 437 2006-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host families

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellna fil-gżejjer tagħna host families liċenzjati biex iżommu l-istudenti magħhom fis-sajf ta' l-2003, l-2004, l-2005 u l-2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' host families liċenzjati fil-gżejjer tagħna biex iżommu l-istudenti magħhom fis-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 kienu kif ġej: 2003 1,258 2004 1,691 2005 2,013 2006 1,311 (sa llum) Peress li l-liċenzja tkopri sena sħiħa, l-Awtorita' tat-Turiżmu m'għandiex informazzjoni ta' kemm hawn host families li ospitaw studenti fis-sajf biss.
Leg 10 PQ #21036 Sitting 437 2006-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bejgħ ta' Vaganzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-portal il-ġdid biex jippromwovi u jbiegħ vaganzi fil-gżejjer tagħna, imwiegħed mill-gvern f'April li għadda u li suppost kellu jibda jaħdem mis-sajf li għadda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F’April li għadda l-Gvern kien qal li l-portal, li joffri faċilitajiet ta’ booking għal Malta, kien ser jibda jopera sas-sajf. Dan konna se nagħmluh billi nużaw faċilitajiet li diġà jeżistu fis-suq u ninkorporawhom fis-sit elettroniku eżistenti ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). Ingħatajna l-parir iżda li jkun aħjar jekk l-iskop tal-proġett jitwessa’ biex jinkludi fih riforma sħiħa tas-sit elettroniku ta’ l-MTA. Dan sabiex is-sit isir l-għodda ewlieni fl-e-Marketing Strategy ta’ l-MTA. Jien aċċettajt il-parir anke jekk dan ifisser li l-faċilitajiet ta’ on-line booking issa ser jidħlu fis-seħħ lejn il-bidu tas-sena d-dieħla u jibqgħu jiġu żviluppati fuq medda ta’ xhur. L- MTA għażlet l-kumpanija li se tiżviluppa s-sit ġdid ta’ l- MTA. Bdew ukoll taħditiet mal- Malta Hotels and Restaurants Association (M.H.R.A.) u l- Federation of Associations of Travel and Tourism Agents (FATTA) bil-ħsieb li titwaqqaf entità waħda flimkien, biex tamministra l- on-line booking facilities.
Leg 10 PQ #21052 Sitting 437 2006-10-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li żaru Malta, eskluż dawk tal-cruise liners, fis-sena 2000 sal-lum, kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' turisti li żaru Malta f'dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: 2000 1,215,712 2001 1,180,145 2002 1,133,814 2003 1,126,601 2004 1,156,028 2005 1,170,610 Qabel l- 2004 in - numru ta' turisti kienu bbażati fuq arrivals. Fl-2004, l- NSO bdiet tiġbor l-istatistika tat-turizmu permezz tat- Tourstat li huwa bbażat fuq departures.
Leg 10 PQ #20897 Sitting 436 2006-10-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Impjieg fis-settur turistiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu fil-qasam turistiku llum? Kemm minn dawn huma full-time? Kif kien jikkompara dan kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar statistika tal-NSO, f'April ta' l- 2006 kien hemm 9,032 full-time u 8,150 part-time jaħdmu fis-settur turistiku (hotels and catering). Minn ċifri ta' l-aħħar ħames snin jidher li din hi l-ogħla rata ta' mpiegi kemm full-time kif ukoll part-time.
Leg 10 PQ #20722 Sitting 435 2006-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Studenti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20355, fejn il-Ministru qal li familja tista' tospita sa erba' studenti, jista' jgħid x'jiġri jekk kif intqal anke fil-gazzetti li kien hemm familji li ospitaw aktar minn erba' studenti? Isiru żjarat għal għarrieda? Jekk iva, kemm saru bejn Mejju u l-15 ta' Settembru ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bejn Mejju e l-15 ta' Settembru ta' din is-sena saru 24 spezzjoni għal għarrieda. Ġew immultati 7 persuni li nstabu jiksru l-liġi. Dawn kienu: - persuna li kisret il-kundizzjoni tal-liċenzja f'dak li hu numru ta' studenti; - tliet persuni oħra li ospitaw studenti mingħajr liċenzja; - d-diretturi ta' tliet skejjel li jagħllmu l-lingwa Ingliża peress li bagħtu studenti għand familji li ma kienux illiċenzjati.
Leg 10 PQ #20723 Sitting 435 2006-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Spezzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-pulizija fi stabilimenti f'żoni turistiċi, bħalma sar f'Wied il-Għajn matul dan is-sajf, bejn is-sena 2003 u l-aħħar ta' Awissu 2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet f'Wied il-Għajn saru mill-Pulizija u l-Awtorita' tat-Turiżmu flimkien, peress li l-ilment kien riferut liż-żewġ entitajiet. L-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għamlet spezzjonijiet flimkien mal-Pulizija f'Marsalforn, Għawdex fuq tqegħid ta' mwejjed u siġġijiet barra stabbilimenti ta' l-ikel, kemm din is-sena kif ukoll is-sena li għaddiet. Bejn l-2003 u l-2006 l-Awtorita' waħedha għamlet 372 -l ispezzjoni, investigat 64 ilment u ħadet 37 azzjoni legali fuq imwejjed u siġġijiet (eżerċizzju ta' Wied il-Għajn mhux inkluż). Meta isiru spezzjonijiet fi stabbilimenti ta' l-ikel u lukandi, l-Uffiċjali ta' l-Awtorita josservaw jekk il-liġijiet dwar it-tqegħid ta' mwejjed u siġġijiet humiex ikunu osservati. L-Awtorita' flimkien mal-Pulizija fil-bidu ta' dan is-sajf għamlu spezzjoni f'Paceville rigward tqegħid ta' skart barra stabbilimenti li jipprovdu l-ikel. Fuq bażi regolari Uffiċjali ta' l-Awtorita' jaħdmu mal-Pulizija ta' l -Administrative Law Enforcement fil-kontrol tal-OPCs.

Teatru Manoel — Ushers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ushers tat-Teatru Manoel li ilhom snin kbar, uħud anke aktar minn 30 sena, jaħdmu part-time f'dan ix-xogħol ġew informati li s-servizzi tagħhom m'għadhomx meħtieġa fit-teatru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Teatru Manoel minn din is-sena daħal fi ftehim mad-Dipartiment ta’ l-Istudji Teatrali ta’ l-Universita' ta' Malta, liema ftehim jinkludi li studenti ta’ dan id-dipartiment jagħmlu wkoll xogħol fit-Teatru Manoel. Dan għandu jservi sabiex jagħti opportunita' liż-żaghżagh tagħna li jaħdmu fi spazji kulturali bħala parti mill-formazzjoni tagħhom. It-Teatru Manoel qatt ma qal li s-servizz ta' l-ushers li kien hemm qabel m’għadux meħtieg, iżda qal illi dan mhux se jibqa jiġi mitlub fuq bażi regolari bħal qabel. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra kopja ta' l-ittra li t-Teatru Manoel bagħat lill-dawn l-individwi biex jirringrazzjahom tas-servizz twil li taw lit-Teatru u biex jinfurmom b’ dawn l-arranġamenti ġodda.
Leg 10 PQ #20895 Sitting 435 2006-10-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għalqu lukandi kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin? X'tip kienu u kemm kellhom sodod?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mis-sena 2000 sas-sena 2006 għalqu 38 lukanda li bejniethom jammontaw għal 6,938 sodda, u li l-kategoriji tagħhom ivarjaw minn ħames stilel sa guesthouse. Fl-istess żmien infetħu 19 il-lukanda ġdida li bejniethom jammontaw għal 5,437 sodda. F'dan il-każ ukoll il-kategoriji ta' dawn il-lukandi jvarjaw minn lukandi ta' ħames stilel sa hostel.
Leg 10 PQ #20673 Sitting 433 2006-10-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Konsulent

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt li sar mill-MTA mal-konsulent responsabbli għal branding ta' pajjiżna fis-settur turistiku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt aħħarri ffirmat bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-konsulent responsabbli għall-Branding, Christian Sinding. Irrid nispeċifika li t-"30 day period" imsemmi fil-paragrafu "Project Fees" fil-kuntratt jirreferi għal 30 working days u mhux 30 calendar days.
Leg 10 PQ #20604 Sitting 432 2006-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Non-alcaholic bars

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19531 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-liġi u l-pulizija jagħmlux distinzjoni bejn bar jew stabiliment non-alcaholic u dawk alcaholic? Jista' jgħid ukoll kemm huwa n-numru ta' non-alcaholic bars jew stabilimenti f'pajjiżna reġistrati mal-pulizija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Mill-2002 'l hawn il-liċenzi tal-bars qed jinħarġu mill-Awtorita' tat-Turiżmu, mhux aktar mill-Pulizija. Ir-regolamenti tal-bars, taħt l-Att ta' l-1999 dwar "Servizi ta' l-Ivjaġġar u Turiżmu għal Malta", ma jagħmlux distinzjoni bejn dawk li joffru non-alcohol biss u dawk li joffru alcohol kif ukoll non-alcohol. Jekk ikun hemm applikazzjoni għal-liċenza ta' non-alcohol biss, jew jekk fil-proċess ta' l-applikazzjoni, il-Pulizija tirakomanda li tinħareġ liċenza ta' non-alcohol biss, l-Awtorita' tirifletti dan fil-liċenza li toħroġ. Ninsab infurmat li mid-data base li l-Awtorita' wirtet minn għand il-Pulizija meta dawn il-liċenzi ġew trasferiti fl-2002, jirriżulta li hemm 21 stabbiliment reġistrat bħala tea and coffee shops.
Leg 10 PQ #20629 Sitting 432 2006-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Chairman u CEO

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar il-kuntratti taċ-chairman u ċ-CEO tal-MTA?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

B’riferenza għat-tweġiba li ngħatat fis-27 ta’ Settembru 2006 (Seduta 431) nixtieq nippreċiża li l-kuntratt tas-CEO għandu perjodu ta’ tliet snin u mhux ta’ sena kif kien ġie indikat.
Leg 10 PQ #20630 Sitting 432 2006-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kumitat Konsultattiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma t-terms of reference tal-kumitat konsultattiv li għadu kif ħatar? Dawn se jkollhom xi budget għad-dispożizzjoni tagħhom u jekk le, se jkollhom 'say' dwar kif isir ċertu nfiq mill-ministeru u/jew mill-MTA?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

B'riferenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference tal-kumitat konsultattiv Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. interpellant li dan il-kumitat m'għandux fondi allokati għalih. Kif jixhed l-isem ta' dan il-kumitat, ir-rwol tiegħu huwa wieħed konsultattiv u għalhekk ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li jingħata fondi. Jekk ikun tinħass il-ħtieġa jew jekk il-kumitat jagħmel rikjesta lill-Gvern għal-fondi, il-Gvern jkun dispost jeżamina din it-talba.
Leg 10 PQ #20631 Sitting 432 2006-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi — Student occupancy levels

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jibda jippubblika l-istudent occupancy levels tal-lukandi skond il-kategoriji tagħhom, ħalli wieħed ikun jista' ikejjel id-dipendenza tal-lukandi Maltin u Għawdxin fuqhom, speċjalment fix-xhur tas-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ma jżommx statistika ta' dan it-tip. L-istatistika tinġabar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika. Mhux eskluż li dan l-istħarriġ isir. Dan irid isir bi ftehim mal-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-istatistika.