Possibbli Enemalta ġentilment tiċċekkja żewġ bozoz li hemm fi Triq Tar-Rumi, Wied il-Għajn għaliex dawn qed jintfew u jixgħelu minħabba xi ħsarat li fihom?
Billi din hi triq imwarrba, possibbli dawn jiġu rranġati fl-iqsar żmien possibbli għax kelli lmenti mir-residenti li joqogħdu fl-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista` il-Ministru jwieġeb PQ 34996? Jista` jgħid kemm swew dawn il-bordijiet lill-Kaxxa ta’ Malta preferibilment sena b’sena matul dawn l-aħħar 3 snin cioe` 1999, 2000 u 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-karozzi użati minni u miż-żewġ Segretarji Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Kull wieħed minna jagħmel użu minn żewġ karozzi. Minn dawn is-sitt karozzi, erbgħa jaħdmu bil-petrol u tnejn bid-diesel. Dawn il-karozzi huma fornuti bil-fuel minn tlitt distributuri awtorizzati li huma Falzon Service Station u Emmanuel Zammit Service Station. Ix-xufier huwa responsabbli mill-karozza li jkun qed isuq, inkluż fejn din tinżamm fl-aħħar tal-ġurnata.
X’inhija r-raġuni li fl-Imtarfa ByPass ma ġietx imdawla matul dawn l-aħħar 4 snin? Jista` il-Ministru jara li fil-fatt tiddawwal din it-triq frekwentata ħafna minn nies tar-Rabat u l-Imtarfa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35550, jista' jgħid x'passi ttieħdu sabiex numru ta' arbli jiġu mibdula minħabba fil-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha fl-inħawi tar-range tal-Bidnija u dan anke fid-dawl tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li ser isiru f'Malta s-sena d-dieħla?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret minn ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li uħud mill-arbli li hemm fl-inħawi imsemmija għandhom bżonn jinbidlu. Dan ix-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-kuntratt ta' ċens għall-art fiż-żona industrijali ta' Ħal Far li kien ġie iffirmat mill-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament u l-korporazzjoni Maltija għall-iżvilupp fl-4 ta' Awissu 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li qed issir riferenza għaliha għandha kuntratt mal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp dwar allokazzjoni ta' art f'Ħal Far. Hija l-politika tal-Korporazzjoni li lil persuni bħal dan toffrilhom art oħra f'qasam industrijali ieħor.
Jista' il-Ministru jara li l-korporazzjoni Enemalta tikkonsidra li tiddawwal aħjar Triq ir-Republika il-Belt, fejn il-kunvent ta' Santa Katerina?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret minn ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fil-parti tat-triq imsemmija hemm dawl adekwat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-economic survey qed jiġi ppublikat għall-ewwel 9 xhur tas-sena mal-budget iżda m'huwiex jinħareġ economic survey sħiħ għas-sena kollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kienet u għadha valida l-policy li l-Ministeru tiegħi jagħti l-ispazju neċessarju biex fil-preparazzjoni ta' l-Economic Surveys jintlaħaq l-għola livell ta' analiżi ekonomika possibbli.
F'dan il-kuntest, il-Ministeru qed jaħdem biex l-Economic Survey gradwalment jagħmel titjib fil-kwalita'. L-iskop aħħari ta' dawn l-isforzi hu li s-Survey jindirizza aħjar il-bżonnijiet li t-tfassil tal-politika ekonomika tal-pajjiż jirrikjedi. San żgur ifisser li l-Economic Survey ma jkunx jinkludi biss elementi deskrittivi, imma jiġġenera wkoll stimi u tbassir ibbażati fuq teknika stabbilita' b'mod xjentifiku.
Inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li ser nippubblikaw l-Economic Surveys li jkopru kemm l-ewwel disa' xhur tas-sena, kif ukoll is-sena kollha b'mod u f'format li jagħmel din il-pubblikazzjoni aktar rilevanti għall-isfidi li tmexxija ta' l-ekonomija tal-pajjiż qed titlob.
Il-format ġdid tal-Economic Survey huwa mistenni li jibda bil-pubblikazzjoni tas-sena sħiħa 2002.
Jista' il-Ministru jgħid b'kemm inbiegħet il-flotta ta' ajruplani ta' l-Airmalta dan l-aħħar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Membru japprezza li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjali sensittiva u f'dan l-istadju ma jkunx ta' benefiċċju għall-kumpanija li tali nformazzjoni ssir pubblika.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35620, jista' jinformani fiex wasal il-bini tas-substation biex tiġi msaħħa l-provvista ta' l-elettriku fi Triq it-Tiben, Wied il-Għajn? Fejn se tinbena jew qed tinbena din is-substation? Meta hu maħsub li tkun lesta din is-substation?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minkejja diversi tentattivi li saru, il-Korporazzjoni Enemalta ma rnexxiliex takkwista biċċa art fl-inħawi ta' Triq it-Tiben f'Wied il-Għajn sabiex tinbena substation. Għaldaqstant l-Enemalta daħlet f'negozjati ma' żviluppaturi privati biex jinbnew tlitt substations f'Wied il-Għajn. Kull waħda minn dawn is-substations ser taffettwa l-provvista ta' l-elettriku fit-triq imsemmija.
Naturalment it-tlestija tat-tlitt substations tiddependi mill-iżviluppaturi tal-proġetti li fihom huwa maħsub li jinbnew dawn is-substations. Għal din ir-raġuni l-Enemalta ma tistax tagħti data meta dawn ser jitlestew.
Jista' il-Ministru jara li jinbidlu dawk il-bozoz maqtugħin li hemm fl-istazzjon ta' Birkirkara? Jaf il-Ministru li dawn il-bozoz ilhom maqtugħin għal diversi ġimgħat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-bozoz li qed issir riferenza għalihom ma humiex fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' il-Ministru jara kif ġewwa Triq Spencer, fil-Marsa (wara ta' Falzon) il-bozoz tal-gvern, ilhom ma jixgħelu għal dawn l-aħħar sena u nofs bir-riżultat li qiegħed jinħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Ministru jara biex jiġi rranġat wire tat-telefon li jinsab mal-faċċata tal-familja li l-indirizz qed jintbagħat seperatament, peress li dan il-wire qiegħed imwaħħal wisq fil-baxx u meta jgħaddu vetturi u nġenji kbar qed jaqilgħu l-wire b'konsegwenza li ħafna familji jispiċċaw bla linja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-fatt ix-xogħol li kien meħtieġ diġa' sar.
B'riferenza għall-mistoqsija 35592, jista' il-Ministru jindika fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, fejn jeżisti l-passaġġ indikat fil-mistoqsija? Jista' jikkonsidra mill-ġdid t-tweġiba li ta peress li ma tidhirx li hija korretta? Fejn hija l-prattika normali tax-xogħol u l-electricity supply reg. kif indikat fir-risposta?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-gvern qed ineħħi l-levies/protezzjoni tal-biedja meta l-levies/protezzjoni tal-biedja ta' l-UE huma apporvata li jibqgħu sa mill-anqas is-sena 2013, kif fil-fatt ġie irrapurtat f'Copenhagen bejn 10 u 11 ta' Settembru 2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35275 waqt is-Seduta numru 793.
Għar-rigward ta' l-impjegati ta' l-ex DCA li kienu ma' l-MIA u li fi Frar li għadda għażlu li jmorru lura mal-gvern, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ġewx mgħotija l-arretrati ta' kemm damu ma' l-MIA?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-MIA onorat l-obbligi kollha skond il-Ftehim Preliminari ta' April 1998 mal-ħaddiema li kienu magħha mill-1 ta' Mejju 1998 sad-19 ta' Frar 2002 u li għażlu li jmorru lura mal-gvern. Dawn il-ħaddiema ma kinux intitolati għal arretrati.
Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq Lampuka, Paola bejn il-ħanut 'Di Milano' (kantuniera ma' Triq Joseph Stivala) u l-kantuniera bejn Lampuka Street, Paola u Triq tal-Borġ, Paola?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
X'inhi l-proċedura sabiex l-Enemalta tagħmel tajjeb għall-ħsarat kaġunati f'proprjeta' privata minħabba l-ġbid tal-wires ta' bozza tad-dawl elettriku mdendla f'nofs it-triq, dejjem biex jiġu evitati kawżi fil-qorti u stante li l-ħsara ġiet ikkonfermata minn perit li saret ħtija tal-ġbid tal-wires imsemmija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proċedura f'każi bħal dawn hi li wara li jiġi ppruvat li ħsara hija kaġun ta' l-apparat tal-Korporazzjoni, tittieħed azzjoni biex il-ħsara ma tkomplix u tissewwa.