Legislature:
Category:
Reset
Active:

Victoria Lines — Xogħol ta' Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex kien jikkonsisti x-xogħol ta' tindif li sar s'issa fil-Victoria Lines?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru mit-Taqsima tar-Restawr fuq il-Victoria Lines kienu pari minn 'pilot project' li twettaq fiz-zona tax-Xagħra ta' Binġemma ħdejn Binġemma Gap. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f'numru ta' interventi fosthom: Rikostruzzjoni eżatta ta' "musketry parapet" li jifforma parti mid-Dwejra Lines. Tindif ta' materjal akkumulat biż-żmien fuq il-pont (Stop Wall) li jaqsam il-Wied ta' Binġemma. Tindif ta' kanali oriġinali għall-ġarr ta' ilma tax-xita. Tindif ta' materjal mirdum u ta' skart mitfugħ fil-foss matul medda twila ta' ħajt fl-inħawi. Rikuperu ta' ġebel u kaptelli oriġinali mill-ħajt li twaqqgħu għal ġol-wied. Tindif ta' passaġġi minn ħaxix ħażin. Aktar informazzjoni dwar dan ix-xogħol tinstab fi ktejjeb li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Porte des Bombes — Restawr - Nefqa

Question

Jista l-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol ta' restawr ta' Porte des Bombes u kemm huwa maħsub li ser iqum flus?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr fuq Porte des Bombes huwa ppjanat li jinbeda għall-aħħar ta' din is-sena u huwa stmat li ser jiswa madwar Lm60,000.
Leg 9 PQ #32622 Sitting 719 2002-04-09 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura

Cottonera

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'xogħol tlesta s'issa fil-proġett tal-Cottonera min Marzu 2001 sal-lum? U fuq liema parti qed isir ix-xogħol preżentament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2001 s'issa saru diveri xogħlijiet konnessi mal-proġett tal-Kottonera u dawn jinkludu: Twaqqiegħ tal-pont magħruf bħala 'Upper St. Angelo Bridge', tneħħija tal-materjal u tindif tal-Menqa. Twaqqiegħ tal-'accretions' minn fuq il-moll ta' Sant'Anġlu u tneħħija tal-materjal. Bini tal-parkings ta' taħt l-appartamenti fuq in-naħa tal-Kalkara u tlestija ta' 60% mill-istruttura ta' l-appartamenti. Ħruġ ta' tender għall-kostruzzjoni tas-sistema tad-drenaġġ fuq il-'Waterfront'. Preparazzjoni ta' tenders għall-sistemi ta' distribuzzjoni tas-servizzi ta' l-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni fuq il-'Waterfront'. Huwa mistenni illi dawn jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin. Preparazzjoni tar-rapport ta' l-'Environmental Impact Assessment' għall-Marina. Huwa mistenni illi dan jiġi ffinalizzat u mgħoddi lill-awtoritajiet releventi fil-jiem li ġejjin. Xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni tal-bini magħruf bħala 'Scamps Palace' u ftuħ tal-Casino di Venezia ġewwa l-bini restawrat. Bidu ta' xogħlijiet fuq is-sit tal-lukanda. Ninsab infurmat ukoll illi kemm il-'Cottonera Waterfront Group' u l-'Port Cottonera Consortium' qegħdin jistennew illi jinħarġu diversi permessi għall-iżvilupp illi applikaw għalihom matul dawn l-aħħar sentejn.
Leg 9 PQ #32628 Sitting 719 2002-04-09 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura

Sant' Anġlu — Sea Gate

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu t-tiswijiet fuq il-bieb ta' l-injam tas-Sea Gate ta' Sant' Anġlu? Fejn jinsab bħalissa? U x'bi ħsieb li jsir bih meta dan jissewwa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi t-tiswijiet fuq il-bieb imsemmi għad iridu jsiru. Il-bieb jinsab stivat f'post sikur tal-Gvern. Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni madwar il-moll ta' Sant'Anġlu konnessi mal-proġett tal-Kottonera huwa ntenzjonat illi l-bieb jerġa' jitwaħħal f'postu kif jixraq.

Kera — Spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus li tħallset f'kera għall-bini li nkera għall-uża tal-Ministeru u jew tad-Dipartiment, kumpaniji, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru minn għand il-privat matul is-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba għar-rigward ta' l-ammont ta' kera lill-privat li tħallset mill-Ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. ENTITA' AMMONT TA' KERA Ministeru Lm 450. Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Lm 14. B.I.C.C. Lm7875.

Awtorita' tar-Riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kap eżekuttiv u min huma l-persuni inkariga mid-direttorati fl-Awtorita' tar-Riżorsi? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tal-kuntratti tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32008 (Seduta 707).

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' regolamenti u strutturi ġodda huma meħtieġa sabiex il-barrieri tagħna jikkonformaw mar-regolamenti ta' l-UE għal dan is-settur? X'qiegħed isir mill-Gvern sabiex jinforma lill-operaturi f'dan is-settur dwar ir-riformi meħtieġa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi għal 'Minerals Subject Plan for the Maltese Islands' li diġa' dwaru kien hemm konsultazzjoni mal-pubbliku u operaturi tal-barrieri u ġie approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.

St James Cavalier

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-għotijiet finanzjarji mill-Ministru lil St James Cavalier 1) fis-sena 2000 2) fis-sena 2001? Għal-liema inizjattivi marru dawn l-għotijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma ngħataw l-ebda għotjiet finanzjarji mill-vot kapitali relatat mal-Kavallier ta' San Ġakbu fis-snin 2000 u 2001.

B'Buġia — Pitrolju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma: 1) hux minnu, li fil-parti ta' B'Buġia fejn hemm il-ħażna tal-pitrolju, fost materjal ieħor, fil-pedamenti hemm depożitu kbar ta' fuel tant li dan qiegħed jiġi pumpjat? 2) x'passi qegħdin jittieħdu sabiex dan il-fuel ma jispiċċaw il-baħar? 3) x'passi ser jittieħdu sabiex drenaġġ u fuel li tħalltu u mxew taħt l-art għal taħt pedament f'B'Buġia ma jibqax jiġi pumpjat il-baħar kif fil-fatt ġara f'dawn l-aħħar ġranet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, ninsab infurmat li, rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandu l-ebda rapporti li henn xi drenaġġ dieħel f'xi pedamenti taħt l-art f'B'Buġia.

Sur Santa Barbara

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jitranġa ġebel li jinsab fi stat ħażin f'Sur Santa Barbara kantuniera ma' Triq il-Lvant, il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li huwa proġettat li t-Taqsima tar-Restawr ser tagħmel xogħol ta’ restawr fuq is-swar ta’ Santa Barbara fid-dintorni ta’ Victoria Gate aktar tard din is-sena. Dan ix-xogħol ser ikun wieħed mill-proġetti ta’ restawr fuq is-swar tal-Belt li qegħdin jiġu ppjanati bħala parti minn programm ta’ ‘Rescue Interventions’ fuq il-fortifikazzjonijiet.

Suq tal-Belt — Skart

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nfurzat li meta l-iskart tas-suq tal-Belt jintrema' ma jaqax ditch li hemm fi Triq Teatru l-Antik kantuniera ma' Triq San Pawl, il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Palramentari numru 31692 (Seduta 702).

REMPEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta, fejn u meta huwa maħsub li tiġi riallokota il-REMPEC tan-Nazzjonijiet Uniti li hemm f'Manoel Island minħabba l-proġett ta' Manoel Island?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-VISET Malta plc jieħu ħsieb biex l-uffiċini tar-Rempec jiġu reallokati minn Manoel Island għall-Marsa fis-sit magħruf bħala l-Ex Gas Works. F'dan is-sit il-VISET Malta plc intrabtet li tibni wkoll l-uffiċini għall-Malta Maritime Authority kif ukoll uffiċini oħra relatati mal-port. Hu maħsub li r-Rempec ikunu reallokati f'dawn l-uffiċini fi żmien 36 xahar mill-iffirmar tal-kuntratt mal-VISET Malta plc li sar fit-22 ta' Novembru 2001.

Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan sabiex jiġu appuntati assistenti diretturi fid-dipartiment tad-drenaġġ? Jekk fl-affermattiv x'sejjer ikun ir-rwol ta' dawn l-assistenti diretturi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li jiġi appuntat Assistent Direttur fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. Ir-rwol tiegħu jkun li jgħin fid-doveri tal-Kap ta' dan id-Dipartiment.

Studju Gejoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-istudju gejoloġiku li kellu jsir fl-Imdina minn kumpanija Taljana?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif kien spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31547, bħalissa qed jiġi stabbilit jekk il-moviment huwiex relatat maż-żmien tas-sena, studju li jirrikjedi minimu ta’ sena. Dan inbeda f’Ottubru, u qiegħed fis-sitt xahar. Qegħdin isiru rapporti perjodiċi fuq l-andament ta’ l-istudju, u dawn għandhom iwasslu biex f’għeluq is-sena jiġi ppjanat il-fażi ta’ intervent.

Pjanti — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet? Kemm għat-tindif?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali għal dak li għandu x'jaqsam ma' dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena u, għar-rigward ta' Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikolari tagħhom.

Tħammil tal-Fossa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-fossa ta' Ġnien il-Marġa, l-Baħrija ilha tfur kuljum għal dawn l-aħħar 3 ġimgħat? Jista' l-Ministru jassigura lir-residenti u l-bdiewa tal-Baħrija li t-tħammil tal-fossa jibda jsir kuljum ħalla ma tkompliex issir qerda tal-prodotti tal-bdiewa, ħsara lill-ambjent rurali ta' l-inħawi u mard fuq saħħet ir-residenti kawżati mill-klima ta' arja ta' tniġġis li jkun hemm fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur inkarigat qed ibattal il-fossa msemmija kuljum u ma jirriżultax li qiegħda tfur jekk mhux f'każ ta' xita.

Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma ivvutata għall-proġetti tal-landscaping imħabbra fl-estimi tal-budget għas-sena 2002?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż għal-'landscaping' jitħallsu mid-diversi voti tal-proġett relattiv.

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal provvista w tqegħid ta' ċangaturi tal-konkos pre-stressed għall-mont nru. 2, Wied il-Kbir, Ħal Qormi, skond kif imħabbar fil-gazzetta tal-Gvern, tad-9/11/01, nru 17159, kwot nru. 82/01? Kemm kienu l-offerti? Lil min ġiet mogħtija? Meta huwa ppjanat li se jibda w jispiċċa x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għax-xogħol imsemmi ntefgħu żewġ offerti, waħda ta' Lm1,074. u l-oħra ta' Lm867.00. Ġiet mogħtija lil Schembri and Sons għall-irħas ammont u x-xogħol mistenni jibda u jispiċċa għall-aħħar ta' Marzu 2002.

Ħal Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal provvista w tqegħid ta' ċanġaturi tal-konkos pre-stressed għall-Wied il-Kbir, Ħal Qormi, skond kif imħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tad-9/11/01 nru. 17159, kwit nru. 81/01? Għal liema parti tal-Wied se jintużaw? Kemm kienu l-offerti? Lil min ġiet mogħtija? Meta huwa ppjanat li se jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ntefgħu żewġ offerti,waħda ta' Lm1,354.50 u l-oħra ta' Lm1,147.50. Ix-xogħol se jsir fejn ser jiġi Bridge 1. L-offerta ngħatat lill-irħas wieħed, jiġifieri lil Schembri and Sons. Ninsab infurmat li x-xogħol huwa lest.

Pjazza Santa Margerita

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31894?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li sa llum minn dan il-proġett tlestiet il-parti ta' quddiem id-Dar ta' l-Anzjani u l-parkeġġ fil-livell ta' taħt. Bħalissa qed isir xogħol fuq l-installazzjoni tad-dawl fl-istess sit. Il-pjanijiet oriġinali għal din il-pjazza jeħtieġu xi modifikazzjonijiet. Hu maħsub li x-xogħol fuq dawn il-pjanti jitkompla aktar tard din is-sena jekk jiġi kkonfermat li l-fondi meħtieġa għal dan il-proġett huma disponibbli.