Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riżorsi u Infrastruttura — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li matul dan iż-żmien, inxtrat karozza waħda u dawk mikrija jew li ġew leased mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, t-Taqsima tax-Xogħlijiet u l-enti li jaqgħu taħtu, hija kif tidher hawn taħt:- Ministeru / Enti Karozzi mikrija bejn Ottubru u Diċembru 2005 Karozzi mikrija bejn Jannar u Frar 2006 Ċilindrata tal-Karozza/i Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura 1 1 1000 cc 2 2 1300 cc 1 (nkriet f’Ottubru għal jumejn) - 2000 cc 2 + 1 (nkriet f’Diċembru għal tlett ijiem) 2 + 1 ( nkriet f’Jannar għal għaxart ijiem) 1500 cc Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni 2 + 1( nkriet bejn Settembru / Ottubru għal ħamest ijiem) 1 1000 cc 1 1 1100 cc 1 1 1200 cc 2 2 1300 cc 1 1 1500 cc Dipartiment għas-Servizzi ta’ l-Indafa 1 1 1100 cc 3 3 1200 cc 1 1 1300 cc 1 1 1500 cc Dipartiment ( Financial Management) 2 2 1200 cc Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi 1 1 1200 cc Dipartiment tal-Bini u l-Inġinerija 1 1 1300 cc 1 1 1500 cc Direttorat (Affarijiet dwar l-Unjoni Ewropea, Żvilupp ta’ Policy u Implimentazzjoni ta’ Programmi) 1 1 1500 cc Direttorat Ġenerali 1 1 1300 cc Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini 1 1 1300 cc Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi 3 3 1300 cc 1 1 1500 cc

Bormla — San Ġwann t'Għuxa

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir tiswija tas-swar li qed jiġġarfu wara l-appartamenti Block 1A, San Ġwann T'Għuxa, Bormla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li wara li d-Dipartiment ikkonċernat għamel investigazzjonijiet preliminari, jidher li l-ħsarat jirrekjedu studji aktar dettaljati. Id-Dipartiment ser jinkludi dawn l-istudji fil-programm ta' xogħol għal din is-sena.

Bormla — Xagħra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma t-timeframes tax-xogħol fuq il-proġett ta' masġar fl-area tax-Xagħra, Bormla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħol kollu fuq il-proġett ta’ masġar fl-area tax-Xagħra f’Bormla għandu jitlesta' sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Rapport Ambjentali Blue Plan

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17252 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u jikkonferma li l-aquifer fir-Rabat, Malta minħabba l-użu tal-fertilizzant għandu nitrati eċċessivi sa 100mg u anke 300mg kull litru kif jingħad fir-rapport ambjentali Blue Plan (2004) ta' Margat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li huwa minnu li l-aquifer fir-Rabat għandu nitrati għoljin. Dan minħabba l-biedja ntensiva li hemm fl-inħawi. Records, li diġa` jinstabu fuq il-website ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, juru li l-livell ta’ nitrati fil-punti ta’ monitoraġġ ivarja bejn 32mg/l u 231mg/l. Irrid ngħid ukoll li minħabba l-livell ta’ nitrati, dan l-ilma llum m’huwiex jintuża għax-xorb minkejja li s-salinita` tiegħu hija baxxa.

Birgu — Statwa ta' San Lawrenz

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir fuq l-istatwa ta' San Lawrenz, il-Birgu? Meta beda dan ix-xogħol u meta mistenni jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li minn studji li qegħdin isiru fuq l-istatwa u l-pedestal tagħha, hemm indikazzjoni li qiegħda ssir ħsara minħabba ċaqliq fl-istruttura nnifisha tal-pedestal. Għaldaqstant, l-istatwa u l-pedestal qegħdin jiġu mnaddfa minn passati ta’ żebgħa biex terġa’ tinkixef l-iskultura fina ta’ din il-kompożizzjoni sabiex isir moniteraġġ taċ-ċaqliq, u għalhekk din l-istatwa tiġi msewwija bl-inqas intervent possibbli ħalli tiġi mħarsa l-integrita oriġinali ta’ din l-istruttura. Dan ix-xogħol inbeda f’April 2005 u peress li ġie mwaqqaf diversi drabi minħabba ċirkostanzi mhux normali hu mistenni li jitlesta' fi żmien xahrejn.

Awtorita' Maltija tar-Riżorsi — Alternative energy sources

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita’ Maltija tar-Riżorsi applikatx għal xi għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea dwar il-viabilita' ta' alternative energy sources, wara li fl-2002 it-talba tagħha kienet ġiet rifjutata?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Riżorsi u Infrastruttura — Fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li n-nefqa globali għal fuel tal-Ministeru, enti, kumpaniji, eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi matul l-2005, kienet kif tidher hawn taħt:- Spiża Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Lm6,973.15 Taqsima tax-Xogħlijiet Lm224,077.00 Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi Lm5,200.00 Kunsill Konsultattiv tal-Bini u l-Industrija Lm1,845.59 Spiża Globali Lm238,095.74

Stħarriġ Sismiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jagħti l-go ahead lill-kumpannija Aswtraljana Pancontinental biex tagħmel l-istħarriġ sismiku iżjed avanzat li beħsiebha tagħmel fl-inħawi magħrufa bħala Chianti u Limoncello fl-ibħra Maltin li jmissu ma' l-ibħra tat-Tuneżija u l-Libja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istħarriġ imsemmi jitkompla hekk kif jiġu konklużi taħdidiet ta’ natura teknika fuq il-ġurisdizzjoni tal-baħar fl-inħawi.

Proġetti f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena sena minn din is-sena sa l-2008?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura sa llum m’għandu l-ebda pjanijiet ta` programmi, inizjattivi, skemi, proġetti u xogħlijiet li ser jitwettqu f’Għawdex minn din is-sena sa l-2008.

Riżorsi u Infrastruttura — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Riżorsi u Infrastruttura — Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16384 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Riżorsi u Infrastruttura — Xiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu, matul is-sena 2005 inxtrat karozza waħda tat-tip Renault Megane II Classic bil-prezz ta’ Lm 4,525.

Riżorsi u Infrastruttura — Kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li għamlu xogħol lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u għadhom ma tħallsux? X'inhu l-ammont f'kull każ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratturi li għadhom ma tħallsux ta’ xogħol li għamlu matul is-snin 2000, 2001, 2002 u 2003 lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi flimkien ma’ l-ammonti ta’ kull każ huma kif jidhru hawn taħt:- Sena Isem il-Kuntrattur Ammont (Lm) X’kien ix-xogħol 2000 Attard Brothers 789.66 Offerta għal xogħol ta’ pavimentar f’San Ġiljan 2001 Mangion Brothers 28,857.73 Offerta għal xogħol fuq il-moll ta’ San Ġiljan 2002 Zammit Nursery 615.78 Offerta għall-provvista ta’ pjanti f’Paceville

Riżorsi u Infrastruttura — Taxxi/Tariffi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li minn Ottubru 2004 sa llum ma kienx hemm taxxi u tariffi li ddaħħlu jew li ġew riveduti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu. Kien hemm biss miżati għall-korsijiet ġodda organiżżati mill-Kunsill Konsultattiv tal-Bini u l-Industrija kif murija hawn taħt:- bini tal-ħitan tas-sejjieħ; Lm 25 għal min jaħdem fil-konkos; Lm 20 għal min jaħdem f’bini antik; Lm 20 ħżuż ta’ turġien; Lm 20 Middle Management in Construction; Lm 280 kors ta’ bennej. Lm 75 Dawn il-miżati huma one payment ad hoc ma’ kull kors konċernat

Riżorsi u Infrastruttura — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ispiża globali li ntefqet matul l-2005 fuq safar mill-Ministeru, dipartimenti, kumpaniji, eċċ li jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tal-Ministeru tiegħi, kienet kif tidher hawn taħt:- Spiża Globali Ammont Rifondut Ammont li attwalment ntefaq u tħallas Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Lm 20,380.40 Lm9,566.59 Lm10,813.81 Taqsima tax-Xogħlijiet Lm 20,375.00 Lm4,839.00 Lm15,536.00 Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi Lm 16,927.00 Lm 444.00 Lm16,483.00 TOTAL Lm57,682.40 Lm14,849.59 Lm42,832.81

Enerġija alternattiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li toħroġ l-istrateġija tal-gvern għall-iżvilupp ta' l-enerġija alternattiva?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li sar ħafna xogħol fuq l-iżvilupp ta’ din l-istrateġija. Il-Gvern diġa’ ħabbar u qed jimplimenta diversi miżuri biex jiffavorixxi d-dħul ta’ din it-tip ta’ enerġija. Għad iridu jittieħdu xi deċiżjonijiet fuq ċerti aspetti imbagħad tkun tista’ tiġi proposta strateġija sħiħa fuq is-suġġett.

Riabilitazzjoni tal-widien

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex qed jintuża l-konkos fix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni tal-widien u mhux metodi sostenibbli u li jħallu anqas impatt fuq l-ambjent u l-ekoloġija tal-widien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat li l-użu tal-konkos fix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-widien qed ikun ristrett għal dawk il-partijiet fejn ikun meħtieg għal raġunijiet strutturali, għal dawk il-partijiet fejn hu meħtieg li l-ilma jgħaddi bla xkiel u wkoll biex ikun faċli li jsir tindif u manutenzjoni bl-inġenji. Ovjament, il-ġebla Maltija, inkluż ħitan tas-sejjiegħ, jiddaħlu kull fejn ikun teknikament possibbli.

Forti Sant'Anġlu — Manutenzjoni

Question

Peress li ftit ilu ntqal li se jsir xogħol ta' tindif u manutenzjoni f'Sant'Anġlu, jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-Forti ta' Sant'Anġlu u l-madwar kien sar xi tindif bejn April u Mejju 2004 mis-Sezzjoni tad-Tindif fi ħdan il-Ministeru. Fil-preżent qed isir xi xogħol ta' tindif u restawr mill-ħaddiema tas-Sezzjoni tar-Restawr b'koordinazzjoni mas-Supretendenza tal-Wirt Kulturali. Wara li joħorgu l-permessi meħtiega mill-MEPA ser jitwaqqgħu strutturi, fosthom swimming pool li saret fis-sebgħinijiet. Eventwalment il-parti l-antika ser isservi ta' uffiċini għas-Supretendenza tal-Wirt Kulturali.

Bormla — Masġar

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' masġar li se jinbena fl-area magħrufa bħala x-Xagħra, f'Bormla? Meta hu l-ħsieb li jitlesta dan ix-xogħol? Kemm se jqum? Kif se jkun u minn min se jkun iffinanzjat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-proġett ta’recreational area qed jinbena fl-area magħrufa bħala x-Xagħra (fejn is-sur ta' Santa Liena) f’Bormla, li ser jitlesta' fl-aħħar perjodu ta' din is-sena u huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar Lm277,000. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta’ dan il-proġett.

Ilqugħ għall-ilma tax-xita

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani lodevoli li l-gvern japplika għall-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea, skond kif irrapportat fil-ġurnali tal-25 ta' Awissu, 2005 sabiex tinbena sistema taħt l-art biex tilqa' l-ilma tax-xita u jiġu evitati l-għargħar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Ministeru ppreżenta l-proposti dwar il-proġett lill-Ministeru tal-Finanzi biex jiġu nklużi fil-lista ta’ prijoritajiet li l-Gvern għandu jikkonsidra għall-fondi strutturali li ser jingħataw mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007-2013.