Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm biex jitjiebu l-aċċess u l-faċilitajiet fil-Port il-Kbir biex inkunu nistgħu nilqgħu fostna vapuri ikbar tal-passiġġieri fis-snin li ġejjien?
B'riferenza għall-offerta għal servizz ta' bini - fażi 2 għall-bini tat-terminal il-ġdid/carpark fil-port ta' l-Imġarr, Għawdex li deher l-avviż tagħha fil-gazzetta tal-gvern 17,887 tat-3 ta' Marzu 2006, paġna 2237, peress illi f'diversi okkażjonijiet il-gvern ta dikjarazzjonijiet ta' kemm se jiġi jiswa l-proġett, jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet imsemmija fl-offerta humiex inklużi fl-ammont kif dikjarat mill-gvern jew jekk din hijiex separata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispiża tax-xogħlijiet għat-tender imsemmija hija nkluża fl-ammont totali għal dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fit-tender tax-xogħol ta' portijiet, l-inġenji u makkinarju li hemm fil-portijiet humiex se jinxtraw minn dak li l-offerta tiegħu tiġi aċċettata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li f'dan l-istadju tal-proċess huma dawk biss li irreġistraw ruħhom fl-Expression of Interest u li konsegwentament ġabru u ħallsu għad-dokumenti għandhom jedd għall-informazzjoni hemm kontenuta.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi deċiżi mit-Tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' każi deċiżi mit-tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kienu hekk:
2000 142 deċiżjoni
2001 164 deċiżjoni
2002 167 deċiżjoni
2003 188 deċiżjoni
2004 162 deċiiżjoni
2005 333 deċiżjoni
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu l-każi li fihom ġew ordnati jitħallsu danni morali l-konsumaturi mit-Tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każi li fihom ġew ordnati jitħallsu danni morali l-konsumatur mit-Tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin sena b'sena kienu hekk:
2000 3 każi
2001 3 każi
2002 1 każ
2003 4 każi
2004 3 każi
2005 5 każi
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16892 u jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' Maltija għall-Komunikazzjoni nvestigatx dak li għaddej fil-preżent fuq ix-xandir ta' bosta logħbiet tal-football kif ukoll tat-tazza tad-dinja li se ssir aktar tard din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Maltija għall-Komunikazzjoni ma tirregolax il-kontenut li jipprovdu operaturi (bħal Melita Cable) fuq in-networks tagħhom.
Minkejja dan, l-Awtorita' qiegħda taħdem ma' diversi regolaturi oħra, fosthom, l-uffiċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, L-Awtorita' tax-Xandir u d-Diviżjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, biex tiġi analiżżata l-pożizzjoni taż-żewġ operaturi f'dan is-suq (Melita u Multiplus), bil-għan li fl-ewwel lok, jiġi assigurat li l-operaturi qedgħin jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprovdu lill-abbonati tagħhom bl-informazzjoni kollha dwar il-programmi li jkunu se jixxandru. Jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet ikkonċernati jintervjenu skond il-liġi.
Il-bidliet riċenti huma riżultat ta' numru ta' fatturi li jinkludu, bidliet teknoloġiċi, l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tad-distribuzzjoni tat-televiżżjoni u fuq kollox l-akkwist tad-drittijiet esklussivi biex jiġi trasmess kontenut li fil-passat kien jintwera free to air. Ħafna staqsew lill-MCA biex tintervjeni f'dan il-każ. L-Awtorita' ħadet nota ta' dawn l-ilmenti u qed tagħmel l-almu tagħha biex dawn l-ilmenti jiġu ndirizzati b'mod xieraq.
Dwar il-każ ta' drittijiet esklussivi ta' kontenut, l-Awtorita' tifhem li meta jingħataw drittijiet esklussivi għal ċertu kontenut, dawn id-drittijiet għandhom jiġu mħarsa.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bastimenti li ġew reġistrati taħt il-bandiera Maltija din is-sena u x'inhu t-tunnellaġġ tagħhom? Xi kemm hu t-total allura ta' tunnellaġġ reġistrat sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' bastimenti li ġew reġistrati matul is-sena 2005 taħt il-bandiera Maltija kien ta' 675, b'tunellaġġ gross ta' 4,203,472. Sal-31ta' Diċembru 2005 kien hemm total ta' 4,104 bastiment reġistrat taħt il-bandiera Maltija b'tunnellaġġ gross ta' 24,186,698.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 17244, jista' il-Ministru jgħid minn meta bdiet topera, jum b'jum, meta l-kumpannija Del Sureste ma onoratx l-obbligi tagħha skond il-kuntratt u ffirmat mal-gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mgħotija f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 17244.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il cruise beda minn Malta u spiċċa Malta fis-snin 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' cruise liners li mbarkaw u żbarkaw passiġġieri f'Malta huwa hekk:
Sena Numru ta' Cruise Liners
2002 69
2003 85
2004 61
2005 79
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17226, jista' il-Ministru jgħid jekk l-MMA talbitx għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għal studji dwar il-Port il-Kbir u jagħti lista x'inhuma s-suġġetti ta' dawn l-istudji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima kisbet fondi ta' l-Unjoni Ewropea għal dawn l-istudji dwar il-Port il-Kbir:
1. Refurbishment u upgrading ta' Deep Water Quay kif ukoll estensjoni tal-moll sal-Menqa.
2. Żvilupp ta' moll u terminal għall-cruise liners ġewwa Barriera Wharf.
3. Żvilupp ta' moll għall-ħatt tal-merkanzija ġewwa Bridge Wharf.
4. Estensjoni ta' Fuel Wharf sa x-xatt, il-Laboratorju u żvilupp ta' Terminal għall-containers.
5. Żvilupp ta' l-art madwar il-port il-kbir għal użu portwali.
6. Links bejn il-portijiet kummerċjali.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom is-servizz ta' l-internet f'pajjiżna, fl-aħħar ħames snin u sena b'sena, mingħand kumpaniji reġistrati lokalment bħala internet service providers?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' Internet Subscribers huwa ta' 88,145.
Jien infurmat ukoll li Internet Subscribtions matul dawn l-aħħar ħames snin kienu kif ġej:
Sena Internet Subscriptions
2001 51,343
2002 67,001
2003 78,260
2004 87,870
Sa Settembru 2005 88,145
22 subscribers per 100 inhibitants.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex, sena sena minn din is-sena sa l-2008?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
ista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-nefqa globali għal fuel tal-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni, inkluż id-Dipartimenti u l-Entitajiet li jaqgħu taħtu, matul is-sena 2005 kienet dik ta' Lm40,625.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15933, jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju għal kull waħda mill-kategoriji u s-servizzi sussidjati, jiġifieri: i) residenti ta' Għawdex, ii) anzjani u iii) servizz ta' bil-lejl, minn meta daħal fis-seħħ il-kuntratt dwar is-servizz pubbliku? Jista' jgħid x'servizzi l-kumpannija Gozo Channel hija obbligata tagħti taħt dan il-kuntratt u kemm-il sena jkopri l-kuntratt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ċ-ċifra bħala sussidju lir-residenti Għawdxin kienet ta' Lm1,321,793, sussidju lil anzjani Lm73.071 u sussidju fuq servizz ta' bil-lejl Lm86,148.
Jien infurmat ukoll li taħt dan il-kuntratt, il-Gozo Channel Co. Ltd. hi obbligata li tagħti servizz ta' trasport bil-vapur bejn Malta u Għawdex li jkun adekwat, frekwenti, bla periklu u bi prezz raġonevoli. Dan is-servizz għandu jiġi pprovdut bejn l-Mġarr u ċ-Ċirkewwa jew fuq rotot u frekwenza li jkun hemm ftehim fuqu b'noll li jkun determinat minn żmien għall-ieħor b'liġi jew regolamenti.
Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-monti li jarma Birżebbuġa jibda jarma f'post ieħor u dan minħabba l-inkonvenjent li qiegħed joħloq sew għar-residenti (li f'każ ta' emerġenza m'hemmx aċċess la għal ambulanza u lanqas għal fire engine) kif ukoll għall-istess bejjiegħa (li huma sprovvisti minn faċilitajiet sanitarji u jarmaw fuq xulxin)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond l-Avviż Legali 119 tal-2002 li jirregola attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali, jekk kemm il-darba l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa iressaq proposta quddiem dan il-ministeru sabiex jiġi rilokat is-suq preżenti għal xi post ieħor, it-talba tkun tista tiġi ikkunsidrata kif xieraq. Izda nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li l-monti kien iċċaqlaq minn fejn kien qabel għal fejn hu llum fuq inizjattiva tal-Kunsill u bi qbil mal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri biex tingħata t-tielet liċenzja tat-telefonija ċellulari 3G wara li t-tnejn l-oħra ġew assenjati lill-Vodafone u l-Go Mobile?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tielet applikazzjoni għall-assenjazzjoni ta' frekwenzi tar-radju fil-IMT-2000 band kienet ġiet miċħuda mill-Awtorita ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni. Il-ġimgħa l-24 ta' Frar 2006, il-Bord ta' l-Appelli dwar il-Komunikazzjonijiet iddeċieda li l-Awtorita' għandha tkompli tipproċessa l-applikazzjonijiet tat-tielet applikant 3G Telecommunications Ltd u dan billi tkompli bil-proċess ta' due diligence.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16383 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inqigħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.