Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjan Nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jitlob mill-Kunsilli Lokali l-pjan nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart li l-Ministeru tiegħu ħejja biex jaħdem u jitħaddem b’mod effettiv?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li r-rwol tal-Kunsilli Lokali fl-immaniġġjar tal-iskart huwa wieħed ewlieni anke għaliex dawn għandhom responsabbiltà statutorja dwar l-istess. Il-pjan nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart jartikola f’aktar dettall dan ir-rwol fil-paġni 118-121 li qed inpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa għaddejjin taħdidiet kostruttivi bejn il-Ministeru tiegħi u s-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi.

Park tal-Majjistral

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Park tal-Majjistral jitmexxix mill-Gvern jew mill-eNGOs jew flimkien? Dan il-Park għandu xi tip ta’ management plan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li b’Avviz Legali 251/2007 (Regolamenti tal-2007 li jistabilixxu l-Majjistral, Park ta’ Natura u Storja) u b’Avviż Legali 224/2009 (li jemendaw dawn l-istess regolamenti), il-Park huwa mmexxi minn Federazzjoni ta’ tliet għaqdiet ambjentali, li huma Din l-Art Ħelwa, Nature Trust, u l-Gaia Foundation. Din il-Federazzjoni timpjega Park Manager li jieħu ħsieb li, bl-għajnuna ta’ diversi Park Rangers, jitwettqu dawk ix-xogħlijiet u ħidmiet li jkunu meħtieġa sabiex l-ambjent u r-riżorsi tal-Park ikunu mħarsa u sabiex l-għanijiet tal-Park jintlaħqu, dejjem skont il-Management Plan li kien tfassal għall-inħawi rikonoxxuti bħala siti ta’ Natura 2000 kif ukoll skont Management Plan li kien tfassal flimkien bejn il-Federazzjoni u l-MEPA fir-rigward speċifiku tal-Park tal-Majjistral. Hemm ukoll Bord tas-Sorveljanza li jinħatar mill-Ministeru ghall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u t-Tibdil fil-Klima li jieħu ħsieb li l-ħidma fil-Park tiżvolġi skont il-parametri stabbiliti. Ninsab infurmat ukoll li l-Federazzjoni tieħu ħsieb li kull sena tippreżenta Business Plan li tindika liema xogħlijiet ikunu ppjanati għas-sena ta’ wara u xi spejjeż ikunu maħsuba li hemm bżonn jintefqu biex jitwettaq dan ix-xogħol. Meta dan il-Business Plan jiġi approvat mill-Bord tas-Sorveljanza, imbagħad jgħaddi għand il-Ministeru biex il-fondi meħtieġa jiġu inklużi fl-estimi tal-Ministeru.

Ġbir tal-batteriji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern dwar il-miżura tal-Budget biex tiġi riformata s-sistema tal-ġbir tal-batteriji?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li qed isiru d-diskussjonijiet neċessarji, inkluż mal-Ministeru tal-Finanzi, sabiex titfassal il-proċedura neċessarja li permezz tagħha l-miżura in kwistjoni tkun tista’ titwettaq.

Immaniġġjar tal-iskart – infurzar tar-regoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi indirizzat l-infurzar tar-regoli u l-liġijiet tal-pajjiż fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-liġijiet ambjentali fuq l-immaniġġjar tal-iskart jiġu infurzati skont il-proviżjonijiet fl-istess liġijiet fuq l-iskart u skont l-Att tal-2016 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Dan huwa proċess dinamiku li jinvolvi komunikazzjoni kontinwa ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra, partikolarment f'każijiet ta' nuqqas ta’ konformità mal- provvedimenti legali. F’dan ir-rigward, ninsab infurmat li kull min hu involut f'attivitajiet ta' immaniġġjar tal-iskart huwa obbligat, skont avviż legali 184 of 2011 - Regolamenti dwar l-iskart, li jkollu permess ambjentali u jopera skont il-kundizzjonijiet li joħorġu minnu. Taħt din il-liġi, b'mod regolari, isiru spezzjonijiet biex jiġu ċċekkjati li faċilitajiet u l-operaturi involuti f'attivitajiet ta' mmaniġġjar tal-iskart qegħdin iżommu mal-kundizzjonijiet tal-permess maħruġ lilhom. Ninsab infurmat ukoll li f'każijiet fejn jinstab illi qegħdin iseħħu attivitajiet ta' immaniġġjar tal-iskart bla permess, dawn jiġu mgħoddija għal azzjonijiet ta' infurzar skont il-proviżjonijiet relevanti tal-leġiżlazzjoni. L-għan tal-ispezzjonijiet f’dan il-qasam huwa li jassiguraw sistema ta’ superviżjoni u kontroll, sabiex l-iskart jiġi immaniġġjat mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Rapporti ta’ toroq u mogħdijiet fl-għelieqi bi bżonn ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex bdiewa u raħħala jkunu jistgħu jirrapurtaw toroq u mogħdijiet fl-għelieqi fejn dawn ikollhom bżonn ta’ manutenzjoni u fejn meħtieġ bdil tal-wiċċ tagħhom? Ma’ liema dipartiment/entità tal-gvern jistgħu jsiru dawn ir-rapporti/ilmenti? Hemm xi perjodu massimu ta' ġranet sa meta dawn ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni/bdil ta’ wiċċ ikunu mwettqa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Manutenzjoni ta’ toroq u mogħdijiet fl-għelieqi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema dipartiment / entità hu responsabbli mill-manutenzjoni u fejn meħtieġ bdil tal-wiċċ ta' toroq u mogħdijiet fl-għelieqi? F’każ ta' ħsara lill-inġenji ta’ bdiewa u raħħala minħabba nuqqas ta' manutenzjoni ta' dawn t-toroq u mogħdijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema dipartiment / entità trid tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' dawn il-ħsarat lill-inġenji tal-bdiewa u raħħala?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Produzzjoni tat-tadam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat li naqset il-produzzjoni tat-tadam minħabba l-insett Tuta absoluta sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika ta’ kemm naqset il-produzzjoni ta’ xi prodott minħabba mard/insetti/fatturi klimatiċi. Ninsab infurmat ukoll li tinżamm biss statistika ta’ kemm kienet il-produzzjoni u, f’dan il-każ partikolari , ta’ kemm daħal tadam għand il-proċessur.

Siġar meqruda minħabba l-Bumunqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqerdu siġar minħabba l-ħanfusa Bumunqar tal-Palm sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Għajnuna lill-Bdiewa – ġwiebi u lqugħ ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna lill-bdiewa biex isiru ġwiebi u lqugħ tal-ilma sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-2013 sal-lum ingħataw €2,003,556 f’għajnuna lill-bdiewa biex isiru ġwiebi u lqugħ tal-ilma. Ninsab infurmat ukoll li din l-għajnuna ngħatat permezz tal-miżura 121 tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Skema tat-tħaddir tal-komunitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fir-rigward tal-iskema tat-tħaddir tal-komunitajiet, min huma s-sitt Kunsilli Lokali l-ġodda li se jgawdu minn għajnuna finanzjarja mill-Ministeru li int responsabbli għalih? Kemm huwa l-ammont ta’ din l-għajnuna finanzjarja? X’inhu l-investiment totali li s’issa ġew kommessi lill-Kunsilli Lokali kemm ilu li beda dan il-proġett pilota? Liema huma dawk il-Kunsilli Lokali l-oħra li s’issa bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li s-sitt Kunsilli Lokali li se jibbenefikaw mill-iskema tat-Tħaddir fil-Komunitajiet għall-2016 huma: Ħ’Attard, Bormla, Birżebbuġa, San Ġwann u Santa Venera f’Malta u x-Xewkija ġewwa Għawdex. Għal din is-sena kull Kunsill Lokali se jkun qed jingħata massimu ta’ €30,000 filwaqt li minn kemm ilu li nbeda dan il-proġett fl-2014 ġew allokati b’kollox €530,000. Il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn din l-iskema s’issa huma: Ħ’Attard, Birżebbuġa, B’Kara, Bormla, il-Fgura, il-Mosta, l-Imsida, Raħal Ġdid, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Venera, Ta’ Xbiex, Rabat Għawdex, ix-Xagħra u x-Xewkija.

Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart Agrikolu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalxiex huwa maħsub il-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart Agrikolu? X’inhuma l-pjani tal-Gvern f’dan ir-rigward u għaliex huwa importanti għall-ambjent f’pajjiżna? X’inhuma l-prijoritajiet ta’ dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-pjan in kwistjoni jirrikonoxxi realtà speċifika f’pajjiżna li tirrigwardja l-iskart agrikolu u speċifikament dak mill-irziezet. Ninsab infurmat ukoll li dan il-pjan huwa intiż li jagħti gwida sabiex ikunu investigati modi ta’ kif minflok ma dan l-iskart jintrema fl-ambjent jew fl-infrastruttura tad-drenaġġ, dan ikun jista’ jintuża’ bl-aktar mod effiċjenti u sostenibbli. Il-pjan joffri soluzzjoni għall-immanniġġjar tal-iskart iġġenerat mis-setturi diversi tal-agrikoltura, skont ir-realtijiet tal-preżent u l-iżviluppi kollha li seħħew f’dawn is-snin. Ninsab infurmat ukoll li sabiex ikun żgurat l-aħjar użu u t-trattament tal-iskart agrikolu li jkun f’konformità mal-obbligi regolatorji u ambjentali tal-pajjiż, inħasset ukoll il-ħtieġa li titwaqqaf struttura ġdida u komprensiva ta' governanza sabiex tassumi r-responsabbiltà ewlenija għat-tmexxija tal-isforzi meħtiega fir-rigward. L-objettiv ta’ din l-istruttura amministrattiva huwa li din kontinwament taġġorna, tikkordina u timplimenta l-pjan għall-imaniġġjar tal-iskart agrikolu bħala kwistjoni ta' politika nazzjonali bl-involviment tal-partijiet kollha interessati. B’hekk Malta tkun qed tassigura l-osservazzjoni tal-obbligi tad-direttivi tal-EU fil-qasam ambjentali tal-ilma inkluż dawk fir-rigward tan-nitrati kif ukoll dak li jirrigwardja t-trattament tal-skart urban.

COP 21 – teknoloġija nadifa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għalfejn it-teknoloġija nadifa hija ċ-ċavetta għat-twettiq tal-ftehim tal-Conference of Parties (COP) 21?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li huwa fatt magħruf li t-teknoloġija hija għodda importanti u kruċjali ħafna sabiex tgħin fit-twettiq tal-ftehim ta’ Pariġi li huwa magħruf bħala Paris Agreement li ġie maqbul fil-Conference of Parties (COP) 21 f’Diċembru tal-2015. It-teknoloġija nadifa, tiġbor fiha diversi prodotti li jużaw sors ieħor ta’ enerġija min dak konvenzjonali, u għalhekk tgħin direttament sabiex jitnaqqas b'mod drastiku l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Tajjeb li jingħad li din mhix l-unika għodda li biha jista’ jitwettaq il- Paris Agreement iżda hemm ukoll fatturi oħra bħal climate finance kif ukoll il–governanza u t-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-irwol tal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima? Għaliex dan huwa essenzjali tant li kien fost il-prijoritajiet tal-Conference of Parties (COP) 21? Min huma l-membri tal-Bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li r-rwol tal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima huwa stabbilit skont l-Att Fuq Azzjoni Dwar Il-Klima, 2015 (Kapitolu 543) skont Artiklu 16, bl-għan li jappoġġa t-twettiq tal-obbligi kif stabbiliti taħt l-istess Att u r-regolamenti magħmula taħtu, kif ukoll sabiex jappoġġa t-twettiq tal-obbligi u tal-impenji tal-Gvern stabbiliti mill-UNFCCC u mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dak li huwa magħruf bħala l-‘climate financing’ kellu rwol importanti ħafna fil- Conference of Parties , dan għaliex jiddetermina jekk tingħatax importanza favur l-azzjoni dwar il-klima jew le. Ninsab infurmat li dan huwa mekkaniżmu li jgħin ukoll dawk l-istati Membri tal-UNFCCC sabiex iwettqu l-NDC (Nationally Determine Contributions) favur il-mitigazzjoni kif ukoll sabiex tittieħed azzjoni fuq l-adattament. Il–Membri tal-Bord huma: Chairperson - Dr Philip von Brockdorff, Kap tad-Dipartiment tal- Ekonomija fl-Università ta’ Malta. Rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi - Mario Borg Rueben Fenech Dennis Gravina Prof. Paul Pace Charmaine Portelli Roderick Psaila Dr. Alfred Quintano Mario Vella Segretarja - Mariella Azzopardi

Ambjent u l-azzjoni dwar il-klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima se jkunu qed jagħtu spinta kbira ‘l quddiem lill-ekonomija l-blu fil-Mediterran?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-azzjoni dwar il-klima se tkun qed tagħti spinta ‘l quddiem lill-ekonomija l-blu fil-Mediterran flimkien mal-ambjent, għaliex din isservi bħala pjattaforma b’potenzjal ta’ żvilupp b'karbonju baxx. Ninsab infurmat wkoll li l-iżvilupp f’dan il-qasam jgħin ukoll sabiex tinbena reżiljenza kontra l-isfidi tat-tibdil fil–klima.

Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-Park ġewwa Ħaż-Żabbar, magħruf aħjar bħala l-Foss ta’ Ħaż-Żabbar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-azzjoni dwar il-klima se tkun qed tagħti spinta ‘l quddiem lill-ekonomija l-blu fil-Mediterran flimkien mal-ambjent, għaliex din isservi bħala pjattaforma b’potenzjal ta’ żvilupp b'karbonju baxx. Ninsab infurmat wkoll li l-iżvilupp f’dan il-qasam jgħin ukoll sabiex tinbena reżiljenza kontra l-isfidi tat-tibdil fil–klima. (Korrezzjoni: Ara Dokument Numru 7015 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa 27 ta' April 2016 f'Seduta 382)

Felu importat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il felu ġie importat mir-raħħala u minn liema pajji¿, sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma ġie impurtat ebda felu mis-sena 2013 sal-lum.

Ħlejjaq ta’ ħsara li kienu se jidħlu Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħlejjaq ta’ ħsara li kienu se jidħlu Malta ma’ pjanti jew prodotti agrikoli u ġew interċettati mid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti – spezzjonijiet fuq pjanti, ħxejjex u frott impurtat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet m id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fuq pjanti, ħxejjex u frott li qed jiġi mpurtat f’Malta sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Farm Advisory Service – laqgħat għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat għall-bdiewa mill-Farm Advisory Services (FAS) sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.