Legislature:
Category:
Reset
Active:

Appartament tal-Housing – problema tad-drenaġġ – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward problema ta' drenaġġ f'appartament tal-housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, għada kemm saret spezzjoni minn uffiċċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar, fejn ġie vverifikat l-ilment u għaldaqstant ser ikunu qed jittieħdu passi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi

Question

B'referenza għat-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari 28506 u 28728, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jgħid min huma l-persuni, il-kumpaniji jew il-partnerships li ngħataw il-kuntratti u x-xogħlijiet kif imsemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28506? Jista' jgħid għalfejn mhuwiex qiegħed iwettaq il-wegħdiet tiegħu stess tal-programm elettorali ta' transparenza u kontabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li jiena tajt għall-mistoqsija parlamentari 28728.

Awtorità tad-Djar – ftehim ġdid ta’ kirja

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28903, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ħlas annwali ta' kera li qed tħallas l-Awtorità tad-Djar għall-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' l-Ministru jgħid għal kemm żmien sar dan il-ftehim ta' kiri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-mistoqsija parlamentari 28903

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – persuni li rċevew talba – rifużjoni ta’ ħlasijiet żejda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li rċevew talba mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jagħmlu rifużjoni ta' ħlasijiet żejda li saru mill-istess Dipartiment u dan minħabba żball min-naħa tad-Dipartiment fis-sena 2014, 2015 u 2016 sal-lum? Jista' jgħid ukoll għal kemm kienu jammontaw dawn il-ħlasijiet f'dawn is-snin, separatament minn xulxin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, tali informazzjoni qatt ma nżammet mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Kull ħlas żejjed li jiġi nnotat, jiddaħħal fis-sistema kompjuterizzata mingħajr distinzjoni.

Dipartiment tas-Sigurtà – mewt tal-konjugi

Question

Jista’ l-Ministru jekk pensjonant għandux obbligu li jinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bid-data tal-mewt tal-konjuġi tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, pensjonant u kull benefiċjarju ieħor, huwa obbligat li jinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bid-data tal-mewt tal-konjugi tiegħu skont Artiklu 117 (1) tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, u kull bidla fiċ-ċirkostanzi tiegħu.

Ħal Qormi – lifts f’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28784, jista’ l-Ministru jagħti s-sena li fiha sar kull lift li sar fi blokk ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Qormi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 28784, il-lifts istallati mill-Awtorità tad-Djr, ġewwa l-blokkok ta’ appartamenti fil-lokalità ta’ Ħal Qormi, ġew istallati fis-snin imsemmija u kif qiegħed jidher fit-tabella t’hawn taħt: Data ta’ istallar Blokk / Indirizz Lokalità 2004 Blk 1 Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi 2009 Blk 3 Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi 2003 Blk 4 Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi 2006 Blk 5 Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi 2011 Blk 6 Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi 2009 Blk B, Ta' Paskarella Triq Guze' Duca Ħal Qormi 2006 Blk 6 Triq il-Fontanier Ħal Qormi 2006 Blk 11 Vjal de la Cruz Ħal Qormi 2011 Blk C Triq is-Sebħ Ħal Qormi 2016 Blk D Triq is-Sebħ Ħal Qormi

Is-Siġġiewi – lifts f’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28786, jista’ l-Ministru jagħti s-sena li fiha sar kull lift li sar fi blokk ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 28786, il-lifts istallati mill-Awtorità tad-Djar, ġewwa l-blokkok ta’ appartamenti fil-lokalità tas-Siġġiewi, ġew istallati fis-snin imsemmija u kif qiegħed jidher fit-tabella t’hawn taħt: Data ta’ istallar Blokk / Indirizz Lokalità 1993 Binja Hesri, Ent B Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent C Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent D Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent E Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent F Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent G Is-Siġġiewi 1993 Binja Hesri, Ent H Is-Siġġiewi 2005 Blk 2, Ent B Triq Ramija Is-Siġġiewi 2005 Blk 3, Ent A Triq Ramija Is-Siġġiewi 2016 Blk 3, Ent B Triq Ramija Is-Siġġiewi

Anzjani rikoverati fl-Isptar San Luqa u Sptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux żewġ modi (jew iktar) dwar kif jiġu kkunsidrati l-anzjani li jkunu se jiġu rikoverati fl-Isptar San Luqa, waħda li hi riferuta bħala Sptar Mater Dei u l-oħra PPP? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għal din id-differenza u x'differenza hemm (jekk hemm) għal dak li jikkonċerna drittijiet tal-istess anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fid-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hemm proċess wieħed li jwassal għall-admissions għal kura fit-tul.

Anzjani li għandhom 78 sena jew iktar — allowance ta’ €300

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li bbenefikaw matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija mill-miżura li permezz tagħha, anzjani li għandhom 78 sena jew iktar ingħataw allowance ta’ €300? X’kienet l-ispiża fuq din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn Jannar 2014, l-Għotja għall-Anzjani ta’ €300 fis-sena bdiet tingħata lil kull minn jagħlaq 75 sena. Sal-aħħar proċess li sar fis-22 ta’ Novembru 2016, in-numru ta’ persuni li kkwalifikaw għall-Għotja tal-Anzjani ammonta għal 29,401 u l-ispiża netta kienet ta’ €8,574,016.36. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, il-ħlas jingħata pro-rata lil min jagħlaq 75 sena matul is-sena.

Children’s Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji u tfal li qed jibbenefikaw miċ-Children’s Allowance sal-aħħar pagament u kemm kienet in-nefqa fuq din l-Allowance?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: Children Ottubru 2016 Allowance Familji Tfal Nefqa CA 5,951 23,827 €5,763,368 CAFR 23,927 36,197 €4,365,211 Total 39,878 60,024 €10,128,579

Single parents li jirċievu l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ single parents li jirċievu l-għajnuna soċjali f’kull distrett elettorali, u lokalità b’lokalità, u x'etajiet għandhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sa Ottubru 2016, in-numru ta’ single parents li jirċievu l-Għajnuna Soċjali, kien ta’ 5,772. Fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hemm spjegazzjoni dettaljata, lokalità b’lokalità, u x'etajiet għandhom. Mhuwiex possibli li l-informazzjoni tingħata skont id-distretti elettorali, ‘l għaliex ċertu rħula huma maqsuma fuq żewġ distretti.

Children’s allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm familji u tfal jirċievu ċ-Children’s Allowance fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba dil-mistoqsija, u kemm kienet l-ispiża fuq din l-allowance ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: Children 2013 2014 2015 2016 (Jannar - Ottubru) Allowance Familji Tfal Nefqa Familji Tfal Nefqa Familji Tfal Nefqa Familji Tfal Nefqa CA 17,810 28,005 €23,754,540 17,089 27,066 €23,070,882 17,123 27,054 €23,134,046 17,154 26,664 €22,285,838 CAFR 25,209 40,047 €17,881,548 25,277 39,921 €17,530,145 25,770 40,327 €17,558,239 25,178 39,090 €16,875,553 Total 43,019 68,052 €41,636,088 42,366 66,987 €40,601,027 42,893 67,381 €40,692,285 42,332 65,754 €39,161,391

Supportline 179

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu in-numru totali ta' telefonati ġenwini fuq is-Supportline 179 imqassma skont il-problema ppreżentata u kemm kien in-numru ta' każijiet riferuti lill-Appoġġ u lil servizzi oħra bejn l-2006 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali — talba

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għall-akkomodazzjoni soċjali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuni indikati m’għandhomx applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali pendenti mal-Awtorità tad-Djar u għalhekk huma mħeġġa jirrikorru s-sezzjoni tal-Customer Care sabiex ikunu jistgħu japplikaw jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

Pensjoni ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk l-ammont ta' pensjoni li qed jieħu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hiex maħduma b'mod korrett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat ġiet ikkuntattjata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Marsaskala — Family Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi prattiċi se jkunu implimentati mill-amministrazzjoni tal-Family Resource Centre ta’ Marsaskala issa li se jinfetaħ f’Diċembru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 28191.

Bolla mħallsa — pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jieħu l-passi neċessarji biex il-bolla li tkun tħallset mill-persuni li ħadmu bejn l-età ta' 16 u 18-il sena tkun ukoll meqjusa għal skop ta' pensjoni jew ta' drittijiet oħra li joħorġu mil-liġijiet dwar is-sigurtà soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li għadha ma daħlitx fis-seħħ ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet fejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa qabel l-età ta’ 18-il sena minn persuni imwielda qabel l-1962 ikunu jgħoddu għall-pensjoni, il-Gvern qiegħed jikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni. Tajjeb li ngħid li għalkemm dawn il-kontribuzzjonijiet illum ma jgħoddux għall-pensjoni, huma jgħoddu għal kull benefiċċju kontributorju ieħor.

Romol li jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn romol li qed jaħdmu, u li allura meta romlu bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kellu żewġhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti romol li huma ‘l fuq mill-età tal-irtirar u li sa Ottubru 2016 bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kellu żewġhom, għax kienu jaħdmu u ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet biex kieku jkollhom dritt għall-pensjoni tal-irtirar tagħhom, huwa ta’ 1,647.

Persuni li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjoni b’lura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar tnax-il xahar kemm kien hemm persuni li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjoni b’lura, u kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-aħħar tnax-il xahar, jiġifieri bejn it-28 ta’ Novembru 2015 u t-28 ta’ Novembru 2016, kien hemm 696 persuna li talbu sabiex iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura, li minnhom ġew milqugħa 450 talba.

Każi ta’ frodi rrapurtati mill-benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta’ frodi mill-benefiċċji fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Kemm minn dawn il-każi nstabu li kienu tassew qed iqarrqu bid-Dipartiment? Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm ġew iffrankati flus b’dawn l-investigazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji (BFID), matul l-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Ġunju tal-2016, id-Dipartiment rċieva 357 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali. Iżda b’kollox bejn Jannar u Ġunju 2016, jirriżulta li kienu nvestigati total ta’ 613–il każ li minnhom 292 kienu bi ksur tal-provedimenti tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Huwa stmat li għal dan il-perjodu ġew iffrankati €1,611,461.