Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA biex ikun jista' isir il-proġett tat-tisbiħ tal-Misraħ iż-Żjara tal-Papa fil-Mellieħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li permess ta’ l-Iżvilupp PA 2671/03 għat-tisbiħ ta’ Misraħ iż-Żjara tal-Papa fil-Mellieħa nħareġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-17 ta’ Ġunju 2004 lis-Sur Carmel Debono f'isem il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Sussegwentement, sar appell minn terzi quddiem il-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar kontra l-ħruġ ta' dan il-permess u dan għadu mhuwiex deċiż.
Jikkonsidra l-Ministru li fil-family park li se jsir Wied il-Għajn ikun inkluż ukoll football pitch minħabba l-fatt li f'Wied il-Għajn ma jeżisti ebda football pitch għat-tfal ta' dan il-lokal?
Dan il-pitch jista' ukoll jintuża fil-għodu minn persuni b'diżabilita' li jattendu l-adult training centre kif ukoll dawk fi djar residenzjali ta' l-aġenzija Support u tal-fondazzjoni Eden.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għall-iżvilupp ta' dan il-proġett taħseb għal dawn il-faċilitajiet. Il-Ministeru ser jiżgura li jiġu nklużi wkoll fil-pjan finali li jkun approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Kemm fil-fatt sewa sa issa l-iżvilupp tal-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa? Kemm hija mistennija li tqum l-ispiża biex jiġi modifikat l-inċineratur tal-Biċċerija? Meta mistenni li tkun lesta l-modifikazzjoni fl-inċineratur u meta huwa proġettat li jibda jaħdem? Fil-fatt hija l-politika tal-Gvern li għal ġejjieni l-ispejjeż tal-qatla fil-Biċċerija jgħaddu fuq il-produtturi? Fil-preżent, kemm fil-fatt iħallsu flus il-produtturi/kooperattivi għall-qatla tal-annimali li ssir fil-Biċċerija? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-programm tax-xogħlijiet li qed isiru fil-mument fil-Biċċerija sabiex din tiġi konformi mar-regoli u direttivi skond il-ħtieġa ta' l-aħħar esperti tal-Kummissjoni Ewropea? Fil-fatt meta se jitlesta dan ix-xogħol sabiex ma ssirx aktar moħqrija ta' l-annimali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa nxtara wara li ħarġet sejħa għall-offerti taħt il-proċeduri tal-Ħames Protokol Taljan u sewa €10,445,450. L-ispiża kontrattwali biex jiġi modifikat l-inċineratur biex dan jieħu skart ieħor mistennija tkun ta’ Lm800,000. L-impjant mistenni jibda jaħdem aktar tard din is-sena wara li jitlesta dan ix-xogħol. M'hemmx ħsieb li l-politika tal-Gvern fir-rigward ta' l-ispejjeż li jitħallsu mill-produtturi għall-qatla tinbidel. Fil-preżent, il-produtturi/koperattivi jħallsu miżati kif stabbiliti fl-Avviż Legali 74 ta' l-1998.
Il-programm komprensiv ta' upgrading ġewwa l-biċċerija mixi skond il-pjan ta’ ristrutturar u dan jinkludi:
- Xogħlijiet fil-maqjel tal-bovini kif ukoll tal-majjali. Dan ix-xogħol huwa meħtieġ sabiex jitjieb il-ħarsien ta' l-annimali qabel il-qatla;
- Tibdil ta' makkinarju eżistenti kif ukoll makkinarju addizzjonali u installazzjoni ta' tagħmir ieħor biex jitjiebu l-faċilitajiet ta’ iġene;
- Tibdil fis-sistema ta’ l-ilma;
- Modifikazzjoni fis-sala tal-bejgħ tal-laħam;
- Tibdil f'xi proċeduri fil-linja tal-qatla; u
- Proċeduri oħra biex jitjieb il-ħarsien ta' l-annimali.
Il-programm jaħseb ukoll għal taħriġ ta' l-impjegati li jaħdmu ġewwa l-biċċerija. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew aktar tard din is-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23980 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara jistax isir xi ħaġa sabiex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem jiżdied ta' ħamiem fl-area tal-knisja ta' Sta. Tereża Bormla u dan peress li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kontroll fuq l-ammont ta’ ħamiem f’lokalitajiet residenzjali jista’ jsir b’metodi naturali fosthom li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ikel disponibbli kif ukoll jitnaqqsu l-postijiet fejn il-ħamiem jista’ jbejjet, bħal ventilaturi u strutturi oħrajn. F’dan il-każ, il-Ministeru lest li flimkien mal-Kunsill Lokali jinvestiga l-possibilità li jittieħdu miżuri bħal dawn biex tiġi indirizzata l-problema.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju li kien ikkummissjona huwa stess bl-isem ta' Assessment of the Macro Economic Impact of the Rationalisation of Scheme Boundaries minn KPMG?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W322 il-każ li qed nirreferi għalih huwa l-impjant ta' Riċiklaġġ ġewwa Sant'Antnin li jinsab ġewwa Wied il-Għajn, jista' issa l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-talba li l-avukati tal-MEPA għamlu lill-Ombudsman sabiex jingħataw parir dwar ir-rapport ta' l-awditur tal-MEPA stess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ittra li qed jitlob tifforma parti integrali mill-proċess ta’ l-investigazzjoni ta' l-Awditur ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bir-riferenza tiegħu Compl 01/06.
Wara talba mill-uffiċċju legali ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), l-opinjoni ta’ l-Ombudsman lill-Awditur ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet tgħid li: "
it would not be correct on your part to announce your conclusions on issues that are the subject of or intrinsically related to matters that have still to be determined by the Planning Appeals Board or to in any way influence the conclusions of the Appeals Board when the appeal is in progress. Prudence dictates that you do not finalise your report
."
Kif ikkomunikat mill-istess Awditur tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), hu aċċetta dan il-parir u għalhekk din l-investigazzjoni qatt ma ġiet konkluża.
Fid-dawl ta' dan, ma nħossx li għandi npoġġi din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir insib fil-Ħarifa li ġejja u x'wassal lill-Kumitat Ornis ma jirrakkmandax il-ftuħ tal-insib fir-Rebbiegħa ta' din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onorevoli Membru jiċċara għal liema speċi qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt ogħla l-prezz tal-majjal li jipproduċu l-produtturi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija għadu kif għamilieli fis-seduta tat-13 ta’ Frar. Għaldaqstant nirreferih għat-tweġiba li tajt dakinhar għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 23245.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ċertifikati li jikkonfermaw li l-biċċerija hija konformi u up to standard mar-regoli/direttivi tal-CAP u ta' l-animal welfare?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-approvazzjoni tal-Biċċerija ngħatat mill-Uffiċjal Veterinarju Ewlieni fl-2004 skond il-proċedura stabbilita mill-Unjoni Ewropea.
L-approvazzjoni tal-Biċċerija għalhekk dehret fil-lista ta' stabbilimenti approvati skond LN 853 ta’ l-2004 u għadha tidher sal-lum.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Riżenji ta' chairmen
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma d-dettalji għall-mistoqsija tiegħu:
Is-Sur Joe Sultana fl-4 ta’ Ottubru 2006 u Dr Tonio Azzopardi fit-18 ta’ Frar 2007 minn
chairmen
tal-Kumitat Ornis.
Dr Doreen Clarke fis-17 ta’ Jannar 2007 minn
chairperson
tal-Bord “B” ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar wara l-ħatra tagħha bħala magistrat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-deboning plant fil-Biċċerija ma jitħaddimx minkejja li kellu jibda jitħaddem f'April 2005/2006 skond il-pjan tal-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23753.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-inċineratur il-ġdid tal-Biċċerija ma jitħaddimx minkejja li kellu jibda jitħaddem f'April 2005/2006 skond il-pjan tal-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-inċineratur il-ġdid tal-Biċċerija għadu ma tħaddimx minħabba li l-Gvern kien qiegħed fil-proċess li jiddetermina kif l-impjant għandu jiġi modifikat biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-pajjiż filwaqt li jkun assigurat li l-faċilitajiet għat-trattament ta’ l-iskart ikunu massimizzati u b’hekk ikunu ffrankati l-flus. Dan ilna nirrepetuh bosta drabi. Dan il-proċess flimkien man-negozjati ġew ffinalizzati u riċentement ġie ffirmat il-kuntratt biex jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa għal dawn il-modifiki. L-impjant mistenni jibda jaħdem aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jinformani meta tlesta d-deboning plant fil-Biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Cutting and Deboning Plant ġiet ikkummissjonata parzjalment fl-2005. Fl-2006 saru konsultazzjonijiet ma’ entitajiet privati u koperattivi bil-ħsieb li tinħareġ sejħa għall-offerti biex il-Cutting and Deboning Plant topera bħala entità privata. Dan wassal biex jiġi mħejji dokument biex jakkumpanja s-sejħa għall-offerti.
Id-deċiżjoni biex tinħareġ is-sejħa għall-offerti ma tteħditx minħabba li kienu għaddejin diskussjonijiet mal-biċċiera (
middlemen
) li joperaw fil-biċċerija u dan minħabba r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea. Issa, li ntlaħaq qbil mal-biċċiera, l-impjant ser jibda jitħaddem sa nofs is-sena bħala parti mix-xogħlijiet biex jitjieb l-operat fil-biċċerija.
Żejtun — Triq Dun Spir Grixti - Underground bring-in site
Question
Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar fiex se jkun jikkonsisti dak li huwa ppjanat bħala underground bring-in site li beħsiebha tiżviluppa l-Wasteserv fi Triq Dun Spir Grixti, fiż-Żejtun?
Jista' jgħid jekk dan huwiex l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f'Malta u għaliex u kif intgħażel proprju post fiċ-ċentru abitat taż-Żejtun, u mhux barra mir-raħal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li underground bring-in site għandha l-istess kunċett ta’ bring-in sites oħra li mdorrijin naraw f’lokalitajiet oħrajn. Id-differenza hi li l-kontenituri jinsabu taħt l-art; kulma jidher huma erba’ bins żgħar u puliti. Peress li l-kontenituri jridu jitpoġġew taħt l-art, hemm izjed xogħol ta’ installazzjoni li jrid isir, bħal tħaffir taħt l-art.
L-underground bring-in site fiż-Żejtun ser tkun waħda minn sitta però m’hijiex l-ewwel waħda. Infatti l-ewwel underground bring-in site li saret kienet dik li tinsab fiċ-ċentru ta’ Paceville. Qed nehmeż ma’ din ir-risposta ritratti proprju ta’ din il-facilità.
Il-post ġewwa ż-Żejtun ġie magħżul flimkien mal-Kunsill Lokali propju għax huwa sit abitat fejn fil-futur ser jiġi żviluppat ġnien għall-pubbliku. Għalhekk kien xieraq li jintuża dan it-tip ta’ bring-in site biex jikkumplimenta mal-proġett kollu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra jew talba li l-avukati tal-MEPA għamlu lill-Ombudsman sabiex dan jagħti parir dwar ir-rapport ta' l-awditur tal-MEPA stess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku.
Jista' l-Ministru jgħid xi rwol għandu llum il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien jaħdem fiċ-ċentru ta' San Luċjan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-persuna li dettalji dwarha ntbagħtu separatament irriżenjat mill-kariga li kienet tokkupa bħala Kap tal-Malta Centre for Fisheries Sciences fil-15 ta’ Frar 2007.