Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — CSA's

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru kkonċernat daħħalx CSA's ġodda f'dawn l-aħħar xhur ta' amministrazzjoni? Jekk iva, fejn ġew imqabda jaħdmu? B'liema kriterji ġew magħżula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-bidu ta' din l-amministrazzjoni sal-lum daħlu jaħdmu C.S.A's ġodda b'kollox 34; 28 minn dawn qegħdin jaħdmu fil-komunita' biex b'hekk inqdew aktar anzjani li kienu qed jistennew is-servizz u anke jimlew il-post ta' 13-il C.S.A.'s l-oħra qed jagħtu s-servizz tagħhom hekk: l fid-Day Centres; 1 fil-Homes; 2 fid-Dipartiment; 1 fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule; 1 fil-Blind Section. Il-kriterji kienu li daħlu dawk li jew kienu diġa C.S.A.'s jew inkella kienu ilhom li applikaw ħafna, saħansitra qabel 1995. Oħrajn daħlu fuq bażi ta' kompattibilta' mal-klijenti. 18.1.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti pendenti (sa l-aħħar tas-sena 1998) għall-akkomodazzjoni alternattiva lokal lokal, kategorija, kategorija mid-Dipartment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Inerpellant. 18.1.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 3451. 18.1.99

Djar — Allokazzjoni ta' appartament

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-allokazzjoni ta' l-appartament Nru. 16 fi Blokk VII fi Triq il-Boganvilla, San Gwann, stante li jidher li dan seta' ġie allokat b'mod skorrett bi preġudizzju għal familja indikata fl-ittra li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li din l-allokazzjoni saret fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Jirriżulta wkoll li l-familja li lilha ġie allokat il-post kellha bżonnijiet akbar minn dawk ta' applikanti oħra. Inżid ngħid ukoll illi mill-ittra li għaliha għamel referenza l-Onor. Interpellant, jirriżulta illi l-awtur għandu informazzjoni żbaljata dwar il-proċeduri li jintużaw mid-Dipartiment tad-Djar fl-allokazzjoni ta' postijiet. 18.1.99

Sigurta' Soċjali — Pensjonanti

Question

B'riferenza għall-anomaliji fil-Liġi tas-Sigurta' Soċjali li neħħa l-Gvern preċedenti Laburista bħal fil-każ tal-pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi u tal-pensjonanti romol irġiel, (armel), jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' pensjonanti f'Malta u Għawdex li bbenefikaw minn dawn il-miżuri ġodda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar in-numru ta' pensjonanti li bbenefikaw minn żieda fil-pensjoni bl-ammendi ta' l-4 ta' Ottubru 1997, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija parlamentari numru 1096. Ninforma lil Onor. Membru wkoll, li n-numru ta' Rġiel li bbenefikaw minn pensjoni tar-Romol bl-ammendi li daħlu fis-seħħ b'effett mit-3 ta' Jannar 1998, huwa għaxra (10). 14.1.99

Santa Luċija — Bini ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jinbnew flats jew maisonettes faċċata ta' Triq Katarina Vitale, Santa Luċija? Jekk se jinbnew flats, kemm se jkunu għolja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-art li qiegħda biswit l-iskola ġdida ta' Santa Luċia, il-proġett jikkonsisti fi 18 il-maisonette u garaxxijiet. 14.1.99

Dipartiment tad-Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, fid-Dipartiment tad-Djar? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi matul il-perjodu indikat, ma ingħataw l-ebda trasferimenti mid-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. It-trasferimenti fid-dipartimenti tal-Gvern huma regolati mill-esiġenzi tas-Servizz. 14.1.99

Awtorita' tad-Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, fl-Awtorita' tad-Djar? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-Awtorita' tad-Djar ma sar ebda trasferimenti u ma hemm ebda ħsieb li jsiru. 14.1.99

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn id-29 ta' Ottubru u l-31 ta' Diċembru, 1998 saru 8 trasferimenti mid-Dipartiment u 2 trasferimenti għal mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Dawn it-trasferimenti saru skond l-esiġenzi tas-servizz. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qiegħed f'fażi fejn xogħol li kien qed isir Malta, beda jiġi proċessat ġo Għawdex. Fil-futur qarib hu ttamat li dan il-proċess jitkompla. Dan it-trasferiment ta' xogħol ser iġib miegħu trasferiment ta' ħaddiema, sew fid-Dipartiment kif ukoll barra mid-Dipartiment, skond kif ikun meħtieġ. 14.1.99

Djar ta' l-Anzjani — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, fid-Djar ta' l-Anzjani? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Djar ta' l-Anzjani bejn id-29 ta' Ottubru u l-31 ta' Diċembru, 1998 sar trasferiment wieħed. Dan sar fuq talba tal-persuna innifisha. Għalissa, m'hemm l-ebda ħsieb li jsiru trasferimenti oħra. 14.1.99

Persuni b'Diżabilita' — Blus sticker

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm-il persuna b'diżabilita' llum għandha l-blue sticker? Kemm hemm talbiet pendenti għal blue sticker?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent hemm 1765 li għandhom il-Blue Sticker waqt li hemm 30 applikazzjoni li għadhom qed jiġu pproċessati. 14.1.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarji parlamentari fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-persuni li sal-lum iffirmaw il-kuntratt/ftehim meħtieġ sabiex jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-Segretarjat Privat tal-Ministru tal-Politika Soċjali u f'dak tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Politika Soċjali. Din il-lista tipprovdi wkoll l-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Membru. 14.1.99

Koperattivi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u tekniċi li jaħdmu f'azjendi privati u koperattivi konnessi ma' l-oqsma tal-Biedja u Sajd bħal KPM, MDP eċċ matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 13.1.99

Pensjoni — Pensjoni tas-Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li gawdew mill-iskema tal-Pensjoni tas-Servizzi kif mogħtija mill-Gvern Laburista? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa u kemm għad hemm persuni li għadhom ma gawdewx minn din l-iskema? Jista' jgħid ukoll meta se jitħallsu dawn il-każi li għad hemm pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li minn total ta' madwar 18,000 pensjonant li jirċievu pensjoni tas-Servizz u li qed jirċievu pensjoni tas-Sigurta' Soċjali, 6,799 ibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni tagħhom b'riżultat tal-miżuri li ġew fis-seħħ b'effett mill-4 ta' Ottubru, 1997. In-nefqa minħabba din il-miżura matul l-1997 kienet ta' Lm390,000. Iż-żieda fl-ispiża rikkorrenti matul l-1998 b'effett ta' dawn iż-żidiet hija ta' Lm1.56 miljun. Jiena nfurmat li t-taqsima tal-pensjonijiet spiċċat l-eżerċizzju kollu u l-ftit każi li għandhom pendenti huma dawk fejn l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-rata oriġinali tal-pensjoni tas-Servizz ma ġietx ipprovduta mill-pensjonant. Għaldaqstant il-kalkolu tal-pensjoni ma tistax ssir. Kif din l-informazzjoni tiġi provduta, l-pensjoni tiġi riveduta u kull arretrati dovuti jitħallsu. In-numru ta' dawk il-pensjonanti li ma gawdewx minn żieda fil-pensjoni minħabba dawn il-miżuri huwa ta' madwar 11,201. 13.1.99

Persuni b'diżabilita' — Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni b'diżabilita' taħt is-60 sena għal dawn is-servizzi u kemm minnhom ingħatalhom sena b'sena mindu l-persuni b'diżabilita' saru ntitolati għalihom: (i) Home help; (ii) telecare; (iii) servizz dwar inkontinenza; (iv) servizz ta' handyman; u (v) meals on wheels?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiddispjaċini ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġew ikkuntattjati s-sections kollha msemmija fil-mistoqsija tiegħu, instab li ma tinżammx statistika ta' applikazzjonijiet fejn toħroġ jekk l-applikant kienx "disabled" jew le. Sabiex tinġabar din l-informazzjoni llum, rridu mmorru lura xi seba jew tmin snin, u jeħtieġ li wieħed irid ifittex eluf ta' applikazzjonijiet sabiex jara x'kienet il-pożizjoni ta' l-applikant dak inhar li applika. Ma nħossx li din il-biċċa xogħol kbira għandha ssir illum. 13.1.99

Ministeru tas-Servizzi Soċjali — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-Art u tal-Baħar) għandu reġistrat f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għal ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 13.1.99

Non-government Organisations — Tqassim ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jinforma jekk ġiex ifformat minnu l-kumitat li jieħu ħsieb il-Vot 4070 dwar it-tqassim tal-flus lil Non-government Organisations? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħidilna min huma l-persuni u x'inhi l-kariga tagħhom f'dan il-kumitat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bi ħsiebni naħtar mill-ġdid il-kumitat imsemmi mill-Onor. Membru mill-aktar fis fis-sena l-ġdida. 13.1.99