Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' sussidji fuq dawl u ilma lil familja li jkollha persuni b'diżabilita' d-dar?
Jekk le, hemmx il-ħsieb li tiddaħħal miżura bħal din?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma hemmx ebda sussidju fuq dawl u ilma lil familja li jkollha persuni b'diżabilita' d-dar. Dan ma jfissirx li ma hemmx numru ta' familji li jikkwalifikaw bis-sistema kif qed titħaddem bħalissa.
Biex kap ta' familja jikkwalifika jrid jissodisfa t-test tal-mezzi kif jinsab fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta' l-Att tas-Sigurta' Soċjali. F'din l-iskeda d-dħul li ġej mill-'Allowance' għal Tifel/Tifla b'Diżabilita' m'għandux jittieħed bħala parti mill-mezzi.
Wieħed irid ifakkar li għal persuni b'diżabilita' jeżistu tliet tipi ta'benefiċċji li huma suġġetti għat-test tal-mezzi:-
1. L-'Allowance' għal Tfal b'Diżabilita' għal tfal ta' taħt is-sittax-il sena;
2. Pensjoni għal Persuni Għomja minn l-eta' ta' erbatax-il sena; u
3. Pensjoni għal Diżabilita' għal persuni fuq is-sittax-il sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet kollha li qed isiru fil-proġett tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla hux kollox għandu l-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fil-proġett tad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla huwa kollu bil-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Labour Office mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonjiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ebda impjegat ġdid ma ġie ingaġġat mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg (Ex-Dipartiment tax-Xogħol).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm residenti ġewwa l-iSptar San Vincenz de Paule fl-aħħar tas-sena li għaddiet? Kemm kien l-ammont ta' flus miżmum mill-gvern mill-pensjonijiet ta' dawn il-persuni s-sena li għaddiet u kemm huwa maħsub li se jżomm il-gvern din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Diċembru 1999 in-numru ta' residenti fir-Residenza ta' San Vinċenz kien 1014. L-ammont ta' flus li nżamm mill-pensjonijiet ta' dawn ir-residenti matul l-1999 kien jammonta għal madwar Lm500,000. Minn din is-sena, kull persuna residenti f'San Vinċenz de Paule ser tiġi mitluba tikkontribwixxi 60% tad-dħul tagħha, basta dan l-ammont ma jaqbiżx is-Lm6 kuljum u basta din l-istess persuna ma tibqax b'inqas minn Lm550 f'idejha fis-sena.
F'kull każ, il-flus kollha miġbura mingħand ir-residenti f'San Vinċenz de Paule jiġu mgħoddija lill-Welfare Committee.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallas flus id-dipartiment tas-servizzi soċjali għal benefiċċji għall-korriment fuq ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Benefiċċju mħallas f'Benefiċċju tal-Korriment kien jammonta għas-somma ta' Lm428,642 (Ċifra provisorja). Is-somma li tħallset bħala Għotja għall-Korriment laħqet is-somma ta' Lm112,823.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' benefiċċju mħallas mill-gvern bħala pensjoni miżjuda għal min jirtira matul is-sena 1999 (Jannar - Diċembru) u kemm kien in-numru ta' nies li bbenefikaw?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' benefiċċju mħallas mill-gvern bħala pensjoni ta' l-eta' matul is-sena 1999 (Jannar - Diċembru) u kemm kien in-numru ta' nies li bbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Numru 13219.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' benefiċċju imħallas mill-gvern bħala bonus mhux kontributorju matul is-sena 1999 (Jannar - Diċembru) u kemm kien in-numru ta' nies li bbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Numru 13219.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' benefiċċju mħallas mill-gvern bħala pensjoni tas-superstiti matul is-sena 1999 (Jannar - Diċembru) u kemm kien in-numru ta' nies li bbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 13219.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont imħallas mill-gvern għall-benefiċċji għall-korriment matul is-sena 1999 (Jannar - Diċembru) u kemm kien in-numru ta' nies li bbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Numru 13219.
Billi fir-residenza St Vincent de Paule hemm madwar 20 casual cleaners u billi f'dan il-post hemm nuqqas kbir ta' cleaners, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiġu tal-post għax ilhom casual cleaners għal dawn l-aħħar tmien snin u, minkejja li jaħdmu ġimgħa ta' 40 siegħa, xorta waħda għadhom bil-kundizzjonijiet ta' casuals?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-'casual cleaners' li qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom fir-Residenza San Vinċenz de Paule jiffurmaw parti minn grupp akbar ta' mpjegati każwali fis-Servizz Pubbliku li dwarhom għaddej eżerċizzju sabiex possibilment jiġi rivedut l-'istatus' ta' l-impjieg tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tissewwa l-house connection tas-servizz tad-drenaġġ li hemm quddiem Entraturi E/F Binja Hesri, Siġġiewi peress li ilu miżdud u jfur fit-triq għal aktar minn tlett ġimgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija single parent ta' żewġt itfal, wieħed minnhom ġuvni ta' 20 sena u li huwa persuna b'diżabilita' (celebral palsy) tkun allokata post ground floor fil-Gudja stess li jinsab Blk 3, Door A, Fl 2, Housing Estate, Gudja, u li huwa battal? Jista' l Viċi Prim Ministru jikkonsidra dan il-każ b'urġenza minħabba li fi ftit żmien ieħor din l-omm se tispiċċa mingħajr saqaf peress li fejn qed toqgħod bħalissa huwa post li kien misluf lilha gratis et amorae?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat mill-Onor. Interpellant ma jidhirx li hu battal iżda d-Dipartiment se jinvestiga aktar dwaru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jingħata separatament hix intitolati għal xi ammont ta' flus u/jew xi żieda fil-pensjoni, peress li għal numru ta' snin kienet taħdem mas-Servizzi Ingliżi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpelllant li d-Dipartiment informa lill-persuna konċernata fuq il-każ mressaq f'din il-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx aġenziji tal-gvern li għandhom servizz bil-ħlas? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Liema servizz jitlob il-ħlas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13570.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-appartamenti f'68, Triq San Tumas, Furjana ma ġewx inklużi fl-appartamenti li fihom l-Awtorita' tad-Djar se tinstalla l-lifts, ġaladarba saru applikazzjonijiet mill-inkwilini u hemm biżżejjed spazju bejn it-taraġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li jinħtieġ aktar studju dettaljat biex jiġi stabbilit jekk jistax jiġi installat lift, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tagħti deċiżjoni finali wara li jiġu impjegati Perit u Mechanical Engineer.
Pero, prima facie, lift ikun jista jiġi installat jekk isir użu minn sħafts biswit dan il-blokk. Jeżistu twieqi fit-tromba tat-taraġ tal-blokk li jagħtu għal dawn ix-shafts. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' pjanta tal-appartamenti msemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili sabiex jintervjeni u jara x'sar mit-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex jingħata dar alternattiva peress li qed joqgħod ma' familja ta' għaxra minn nies fi flat wieħed fil-Marsa f'kundizzjonijiet kważi inumani? X'ċans hemm li jiġi allokat lilu l-post vakant u mitluq (ilu hekk tmien snin) konsistenti f'żewġt ikmamar biss fl-indirizz Blk H, Fl2, Xemxija Street, Marsa u li għalih din il-persuna ilha li applikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat mhux f'kundizzjoni li jiġi allokat tant li qed jissewwa mid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija ta' Djar