Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14866 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li se jsiru ommijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm ġew irrapportati studenti tfajliet li saru jew se jsiru ommijiet? Kemm kellha żmien l-iżgħar u l-akbar studenta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika, 61 tfajla ġew irrappurtati li saru jew se jsiru ommijiet. L-iżgħar studenta kellha 13-il sena. L-akbar studenta li tattendi l-programm kellha 18-il sena u l-akbar studenti li tattendi għall-counselling kellha 23 sena.
Leg 9 PQ #14983 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu assenti tfal tal-primarji matul il-perjodu mill-1 ta' Ottubru, 1999 sal-31 ta' Diċembru, 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn popolazzjoni ta' 22,000 student fl-ewwel tlett xhur tas-sena skolastika l-medja ta' tfal assenti mill-iskejjel Primarji kien: 409 student li fallew minħabba mard kopert b'ċertifikat mediku 680 student li fallew mingħajr ċertifikat mediku.
Leg 9 PQ #14984 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mediterranean Conference Centre — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il attivita' hemm skedata fil-Mediterranean Conference Centre sa l-aħħar tas-sena? Meta se jsiru l-imsemmija attivitajiet u kemm se ddaħħal flus l-MCC bħala kirjiet ta' dawn l-attivitajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

L-attivita` skedata sal-lum f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija kif tidher fil-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-aħħar parti tal-mistoqsija dwar dħul ta' flus tirrikjedi informazzjoni ta' natura kummerċjali, u ingħatajt il-parir li m'għandix tkun żvelata għax tista' tkun ta' ħsara kummerċjali lill-Mediterranean Conference Centre.
Leg 9 PQ #14988 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pieta'

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk fil-fatt l-għalliema li saret riferenza għliha f'mistoqsija parlamentari numru 14384, hijiex tidħol regolarment jew reġgħetx bdiet tkun assenti regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema msemmija ilha nieqsa mit-13 ta' Marzu.
Leg 9 PQ #15039 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Auberge de France — Ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jqiegħed persuna sabiex tiftaħ ta' kuljum fil-ħinijiet normali ġewwa l-Auberge de France fil-Birgu billi din waħedha hija wkoll ta' attrazzjoni turistika u b'hekk tkun parti mill-bini li ħallewna il-Kavallieri li huma miftuħa għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-limiti ta' l-organizazzjoni eżistenti, tal-Mużewijiet għandhom diffikulta` biex it-talba ta' l-Onor. kollega tiġi milqugħa. Tlabt li din il-proposta tibqa' tiġi konsidrata.
Leg 9 PQ #15047 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kapijiet ta' skejjel indipendenti/tal-Knisja għandhomx dritt li jkeċċu u/jew jissospendu studenti minħabba ksur ta' dixxiplina? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (a) hemmx xi terminu ta' żmien tas-sospensjoni fis-sens li jekk hemmx massimu ta' kemm il-jum jista' jiġi sospiż student; u (b) meta jitkeċċa/jiġi sospiż student minn waħda minn dawn l-iskejjel, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha tiġi nformata? Japprezza l-Ministru li jekk jkun hemm sospensjoni fit-tul din tista' taffettwa l-istudji ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħala regola d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tindaħalx f'dak li hu normalment "day to day management" iżda kapijiet ta' skejjel tal-Knisja u Indipendenti għandhom id-dritt, bħal ma' għandhom dawk ta' l-Istat, li għal raġunijiet li huma jqisuhom serji, ikeċċu jew jissospendu, studenti. Meta skola tal-Knisja jew Indipendenti tkeċċi lil xi student li jkun għadu fl-eta` li jkun obbligat jattendi l-iskola, il-kap ta' l-iskola hu fid-dmir li jinforma lit-taqsima tal-Welfare tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #15172 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Furjana — Arena ta' l-Indipendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi t-time frame fir-rigward tar-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet sportivi fl-Arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana?

Response (GALEA, LOUIS)

Issa li tlesta r-rapport dwar x'irid isir, ser issir laqgħa operattiva bejn dawk involuti biex jiġi stabbilit pjan ta' twettiq tax-xogħol meħtieġ.
Leg 9 PQ #15201 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni inklussiva — Kumitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kumitat ministerjali għall-edukazzjoni inklussiva ilu ma jiltaqa' minn Ottubru? X'inhuma t-terms of reference ta' dan il-kumitat? Min huma l-membri ta' dan il-kumitat u minn min jiddependi li dan il-kumitat jitlaqqa'?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kumitat jitlaqqa minni bħala l-President tiegħu u dan l-aħħar ma sejjaħtlux minħabba rikonsiderazzjoni ta' kwestjonijiet li kienu qed jinqalgħu. Darba dawn ġew iċċarati l-kumitat ser jiġi msejjaħ għal laqgħa f'data viċina. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kompożizzjoni u t-terms of reference tal-kumitat.
Leg 9 PQ #15208 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kalkara — Batterija tar-Rinella

Question

Jista' l-Ministru javża lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex jiġi miżmum regolarment informat fuq il-viżitaturi sija barranin kif ukoll Maltin ġewwa l-Batterija tar-Rinella, Kalkara; it-tieni huwiex ukoll f'pożizzjoni li jinforma l-Kamra fuq liema xogħlijiet huma previsti li jsiru ġewwa u barra l-imsemmija u jekk kemm-il darba huwiex il-Gvern Ċentrali li qiegħed jipprovdi tali finanzjament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont ta' viżitaturi ġewwa l-Batterija Rinella fil-Kalkara matul is-sena li għaddiet kien ta' 18000 ruħ. Dan l-ammont huwa madwar 4000 iżjed minn dak tas-sena ta' qabel. Il-Fondazzjoni Wirt Artna ma żżommx statistika dwar kemm mill-viżitaturi jkunu Maltin u kemm barranin. Informat ukoll li x-xogħlijiet previsti li jsiru ġewwa u barra l-imsemmija Batterija huma: a) Titjib ġenerali tal-madwar, dan jikkonsisti fi qtugħ ta' siġar ta' l-Acaċia, il-livellar ta' terrapien u mbarazz ieħor mitfuh hemm meta twessgħet it-triq u l-bini ta' ħajt tas-sejjiegħ ġdid li ser idawwar il-propjeta` matul il-limiti tal-glacis oriġinali. b) Xogħol ta' manutenzjoni fuq is-soqfa "a prova di bomba" li komplew iġarrbu ħsarat fil-maltemp matul l-aħħar xitwa. Dan ser jikkonsisti fil-qlugħ komplet tat-torba u ħamrija li bħalissa jgħattu s-saqaf sabiex tiġi rranġata l-ħsara u mbagħd jerġa' jitqiegħed mill-ġdid. Dan ix-xogħol ser isir prinċiparjament mill-Fondazzjoni Wirt Artna u l-voluntiera tagħha.
Leg 9 PQ #13343 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-każ ta' membri tas-Segretarjati ta' Ministri u Segretarji Parlamentari il-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ ta' uffiċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt. Il-karozzi uffiċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan. Jekk l-Onor. Membru għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni rilevanti.
Leg 9 PQ #14846 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti hux qegħdin jikkoperaw u jagħtu xogħol lill-istudenti għalliema li qed jagħmlu teaching practice? Jista' jgħid f'liema skejjel qegħdin, x'suġġett qed jgħallmu u f'liema livell? Kemm minnhom qegħdin għal kors tal-PGCE jew tal-B.Ed?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma żżomx records ta' studenti għalliema li jmorru għat-"teaching practice" fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. Peress li t-tagħrif mitlub jeħtieġ jinkiseb minn Bord ta' l-Universita li jieħu ħsieb din il-materja, tlabt li ningħata l-informazzjoni biex tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #14978 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Għalliema

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni hemmx teachers li baqgħu jaħdmu wara li għalqu l-eta' tal-pensjoni? Jekk iva, kemm huwa n-numru? Jekk hemm, kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? F'liema skejjel jgħallmu? Jekk le, hemm il-ħsieb li għal xi raġuni jew oħra, teachers li jkunu spiċċaw bil-pensjoni, ċioe' li jkunu waslu għal eta' li jirtiraw jibqgħu jaħdmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' għalliema li ngħataw estensjoni ta' l-impjieg sa tmiem is-sena skolastika wara li għalqu l-61 sena, huma tlieta, żewġ nisa u raġel. L-iskejjel li jgħallmu fihom huma: 1) Visually Impaired, Qrendi 2) Skola Sekondarja "Borg Brared", B'Kara 3) Primarja "A", Zabbar.
Leg 9 PQ #14826 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Schools library service

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kemm persuni jaħdmu fl-ischools library service? Fiex jikkonsisti dan is-servizz? Kemm jinvolvi xogħol? Hemm biżżejjed persuni biex jagħmlu dan ix-xogħol? Kemm huwa meqjus li min imexxi dan ix-xogħol għandu bżonn ta' persuni biex ix-xogħol isir kif mixtieq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan is-servizz beda fl-1976 u fil-preżent hemm żewġ persuni jaħdmu. Fost is-servizzi li jingħataw hemm: 1) Għajnuna lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sabiex, kif isemmi l-kurrikulu minimu nazzjonali, jinkoraġġixxi l-użu tal-libreriji bħala parti mill-kampanja kontra l-illitteriżmu. 2) Għajnuna lil skejjel sabiex fejn m'hemmx librerija tinbeda waħda u fejn hemm tkompli tissaħħaħ. 3) Għajnuna biex jgħola l-livell tal-librara permezz ta' korsijiet, anke għall-ġenituri. 4) Għajnuna rigward l-introduzzjoni tal-computers fil-libreriji ta' l-iskejjel. 5) Pariri u għajnuna sabiex tinħoloq data base komuni għall-libreriji lokali kollha biex tikber l-għażla. 6) Jibgħat regolarment listi ta' kotba fl-iskejjel sabiex ikunu jistgħu jinxtraw kotba ġodda għall-libreriji. 7) Għajnuna fil-klassifikazzjoni tal-kotba u materjal ieħor mixtri għall-libreriji. 8) Jislef videos lill-iskejjel. 9) Jorganizza kompetizzjoni annwali għall-iskejjel sekondarji f'forma ta' library quiz bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tal-Ktieb. 10) Jiftaħ regolarment iċ-Ċentru tiegħu għall-użu ta' l-għalliema kollha, u mhux biss għall-librara. 11) Jippublika l-Manual for School Librarians 12) Jiġbor u janalizza l-istatistika ta' kemm tfal jissellfu kotba. Informat ukoll li s-servizzi msemmija hawn fuq iridu jkunu offruti lill-iskejjel kollha, kemm ta' l-istat kif ukoll tal-knisja u privati. Dan hu xogħol impenjattiv għaliex kull servizz għandu l-follow-up tiegħu li jieħu ħafna ħin. Le, s'issa m'hemmx uffiċjali biżżejjed biex jagħmlu dan ix-xogħol. Fil-business plan għas-snin 2000/2001/2002, hemm talba għall-ħaddiema sabiex dan is-servizz ikun jista` jimxi 'l quddiem. Huwa bżonnjuż li parti kbira mill-istaff ikun kwalifikat fil-librarianship għaliex ħafna mix-xogħol huwa speċjalizzat. In-numru li jidher fil-business plan huwa ta' 4. Huwa mportanti li l-libreriji fl-iskejjel ikunu mgħejjena sabiex ikun sostnut dak li jsemmi l-kurrikulu minimu nazzjonali. Ħafna tfal għandhom bżonn isibu kotba adattati għalihom sabiex iħajruhom jaqraw. Għalhekk ser isir kull sforz biex l-ischool library service ikollu r-riżorsi meħtieġa biex ikun jista` jlaħħaq mal-volum ta' xogħol li għandu u li bħal issa mhux qed ilaħħaq miegħu. Fl-aħħarnett informat li hemm ħafna skejjel li qed jagħmlu użu tajjeb mis-servizzi offruti. Hemm bħonn li nkomplu nibnu fuq dak li twettaq sa llum sabiex nikkumbattu l-illitteriżmu billi nħajru t-tfal iħobbu l-kotba minn meta jkunu żgħar. Dan jista` jsir billi l-book corners fil-kindergartens u l-libreriji fl-iskejjel ikunu fornuti b'kotba tajbin u li jiġbdu l-għajn.
Leg 9 PQ #14827 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fid-dipartiment tal-libreriji u arkivji li ngħataw promozzjoni fl-1999? Min huma? Min minnhom ġie mċaqlaq lejn post ieħor differenti minn dak li kellu qabel il-promozzjoni? Fejn intbagħat? Għaliex kien hemm min iċċaqlaq u kien hemm min ma ċċaqlaqx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-1999 kien hemm 16-il persuna fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji li ngħataw promozzjoni. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi min huma dawn il-persuni.
Leg 9 PQ #14966 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm biswit l-iskola tal-gvern fir-Rabat, Malta hijiex earmarked sabiex tintuża bħala estensjoni ta' l-iskola jew le? Jekk fl-affermattiv, meta hu mistenni li jibda x-xogħol u fiex għandu jikkonsisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-art biswit l-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat hija riservata għall-bini ta' sala. Fil-fatt dan l-iżvilupp ser ikun inkluż fil-Business Plan tal-Ministeru.
Leg 9 PQ #15020 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Interim From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

University Coperative Book Shop Society Limited

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux vera li l-Universita' tat kuntratt lill-Koperattiva University Coperative Book Shop Society Limited magħrufa aħhar bħala Book Shop, u dan bil-fakulta' li topera żewġ t'ħwienet fl-Universita' u fil-Junior College, Msida meta skond l-informazzjoni li għandi din il-koperattiva hija f'pożizzjoni ta' djun kbar li jlaħħqu iktar minn Lm200,000, u meta l-konsiderazzjoni min-naħa ta' l-Universita' għal dan il-kuntratt li lanqas biss ħareġ tender huwa nil? Jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni ħa;ina ta' din il-koperattiva, hija hekk rikorrenti għal dawn l-aħħar erba' snin u x'inhi r-raġuni li din il-koperattiva baqgħet għaddejja meta hemm dawn id-djun kbar? Jaf il-Ministru li din il-koperattiva, kellha outlet fil-Junior College meta qatt ma ħareġ tender għal dan fil-Junior College? Jaf ukoll il-Ministru li l-post li kienu qegħdin joperaw fl-Universita' li l-ħlas dovut lill-istess Kunsill ta' l-Istudenti li għandhom administrative rights fuq il-post, ma kenux wkoll qed jiġu onorati u għadhom sal-lum bla ħlas u l-istess kuntratt riċenti li sar lanqas biss daħlu listess KSU fil-kuntratt in kwestjoni u jafx allura l-Ministru li dawn diġa' ingidmu mal-Lm14,000 fid-drittijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #13329 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtaw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhiex il-prassi ta' dan il-Gvern li jagħti karozzi bħala donazzjonijiet la lill-uffiċjali tiegħu u lanqas lil dawk li mhumiex.
Leg 9 PQ #14773 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma baqgħux isiru mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, il-korsijiet dwar l-ambjent għaż-żgħażagħ li kienu bdew isiru taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li kienu suċċess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-raġuni għaliex ma baqgħux isiru il-korsijiet dwar l-ambjent għaż-żgħażagħ hija għaliex ġew organizzati attivitajiet oħra b'temi differenti u ta' l-istess fejda għaż-żgħażagħ, bħal seminar fuq l-eating disorders. Id-dipartiment iħoss li jkun aktar utli li jinħolqu programmi fejn iż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod attiv. Għalhekk wieħed mill-proposti li qed ikunu żvilppati huma heritage project fejn żgħażagħ jipparteċipaw f'tindif u restawr bażiku ta' monumenti storiċi.
Leg 9 PQ #14819 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex tgħallem principles of navigation lill-istudenti (compitence class 3) ta' l-iskola nawtika ntbagħtet persuna li għandha esperjenza tal-baħar iżda mhux ikkwalifikata biex tgħallem, tant li tuża metodi antikwati u mhux effettivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hu faċli xejn li ssib Master Mariner li hu wkoll ikkwalifikat sabiex jgħallem. Fil-fatt jeżistu diffikultajiet sabiex jinstabu persuni ikkwalifikati fil-qasam ta' l-istudji nawtiċi u li jkunu lesti li jgħallmu. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 14822 ta' l-istess interpellant.
Leg 9 PQ #14820 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti ta' l-iskola nawtika (competence class 3) tilfu korsijiet importanti tal-GMDSS għax waqt il-ġurnata l-faċilitajiet kienu qed jittieħdu minn fizzjali u piloti li suppost jagħmlu l-kors filgħaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li huwa minnu li kien hemm xi ġranet fejn il-faċilitajiet ta' l-iskola ġew użati għall-kors organizzat bi sħab bejn l-iskola u l-Awtorita` Marittima, fil-fatt l-istudenti ta' l-iskola nawtika ma tilfux lezzjonijiet minħabba dan il-kors, għaliex il-lezzjonijiet ingħataw f'ħinijiet oħra. Informat ukoll li dan l-arranġament sar mingħajr il-permess tad-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta' l-Adulti, u li l-kap ta' l-iskola ġie avżat sabiex jagħti priorita` lill-istudenti ta' l-iskola u ma jagħmilx użu mill-faċilitajiet ta' l-iskola sabiex jorganizza korsijiet privati mingħajr il-permess taż l-istess Dipartiment. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 14822 ta' l-istess interpellant.