Jista' l-Ministru jagħti iktar dettalji dwar dawk li fl-aħħar jiem sejjaħ bħala nuqqas ta’ ħsieb fl-ippjanar u l-bini tal-Parlament il-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għad-diskors li l-Onor. Prim Ministru għamel nhar id-29 ta’ April 2013 fil-Parlament b’referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 60.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-White Rocks?
Response (MIZZI, JOE)
Infurmat li l-Gvern preċedenti li vara l-Konsorzju li kellu jersaq 'l quddiem biex iwassal għal proposti konkreti għall-iżvilupp tal-White Rocks, abolixxa kull tip ta' ftehim possibbli billi stqarr ftit ġranet qabel l-Elezzjoni Generali li għaddiet li l-proġett kif imressaq ma kienx serju u fattibbli biżżejjed u għaldaqstant waqqaf kull kuntatt mal-istess Konsorzju . Il-Gvern il-ġdid se jħares lejn l-estensivita' tal-art li kienet identifikata għal żvilupp potenzjali u jara l-aħjar użu għaliha.
proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal — nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum? Minn fejn ġew iffinanzjati? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet humiex on schedule?
Response (MIZZI, JOE)
Bieb il-Belt € 14,153,074
Il-Parlament € 34,608,283
Pjazza/Open-air Theatre € 10,611,234
Dawn ġew iffinanzjati minn Malita Investments Ltd
Il-persentaġġi fuq it-tkomplija tal-proġett u d-dati tat-tkomplija tax-xoghlijiet huma kif ġej:-
Pjazza/Open-air Theatre 73% Ġunju 2013
Bieb il-Belt 58% Novembru 2013
Il-Parlament 69% Novembru 2013
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta fil-Qrendi għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tal-Qrendi bħalissa qed isir bini mill-ġdid ta’ partijiet mis-service road ta’ Triq it-Tempesta. Din is-sena wkoll għadhom kif tlestew il-bini mill-ġdid ta’:
1. Parti minn Triq Dun Santu Agius
2. Triq Filippu Gutenberg
3. Parti minn Triq Girgor Mifsud
4. Triq Manwel Sciberras
5. Parti minn Triq il-Kartaġinizi
6. Triq Mons. Guzeppi De Piro
7. Triq Dun Nerik Mahoney
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Ħal Kirkop għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop, huwa pprogrammat li ssir Triq Nerik Xerri. Pjazza Żernieq tagħmel ukoll parti mill-programm tax-xogħlijiet u bħalissa qegħdin jitħejjew investigazzjonijiet preliminarji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Ħal Safi għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalita` ta’ Ħal Safi hemm Triq Nassaba fil-programm tax-xogħlijiet, li ghad hemm problema biex tinbeda minħabba raġunijiet ta' esproprjazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għall-provvista ta' fuel tal-karozzi kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn l-1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
L-ammont ta' fuel li ntuża mill-Ministru MRRA u s-segretarjat privat bejn l-1 ta’ Ġunju 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 hu kif ġej:
Ministru: €3479
Segretarjat: €4651
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali li se jsir ix-xogħol fuqhom matul din is-sena u li l-fondi għalihom se jiġu mill-fondi nazzjonali? Kemm hu ppjanat li se jsiru toroq ġodda f'kilometri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta, b’mod regolari, tagħmel manutenzjoni fuq toroq arterjali u distributorji skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Għal dak li huwa xogħol t’asfalt, bħalissa l-periti ta’ Transport Malta qed jagħmlu eżerċizzju biex jidentifikaw ix-xogħol meħtieġ fuq dawn it-toroq u jitħejjew l-istimi neċessarji. Dan bħala fażi oħra li torbot ma’ xogħol simili li kien għaddej fl-aħħar xhur.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-inħawi li fihom hu mistenni li jkun hemm parking areas ġodda? Kif se jiġu operati dawn l-areas u minn min?
Response (MIZZI, JOE)
Bhala part mill-ħidma tal-Gvern biex jiffaċilita t-trasport, jghin lir-residenti u l-komunita’ kummerċjali f’ diversi nħawi f’ Malta u Ghawdex, beda xogħol dwar pjan komprensiv dwar il-parkeġġ f’żoni differenti tal-pajjiż
Birżebbuġa u l-Qajjenza — resurfacing u bini ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Birżebbuġa u l-Qajjenza din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità ta’ Birżebbuġa din is-sena għadhom kif tlestew il-bini mill-ġdid ta’ Triq Dun Ġorġ Zammit u Triq Għansar. Huwa wkoll programmat li jsir Sqaq Gurgier.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Għar Dalam Junction f'Birżebbuġa li jikkonsisti f'intelligent traffic lights system, istallazzjoni ta' central strips, twessigħ ta' Triq Għar Dalam u stallazjoni ta' street lighting fi Triq FM Ferretti n-naħa ta' Triq Għar Dalam?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hu ppjanat li x-xogħol fuq it-Traffic Lights System u l-istallazjoni ta’ central strips mistenni jibda bejn l-aħħar ta’ Mejju u bidu ta’ Ġunju 2013. Preżentement, m’hemmx pjanijiet illi se jsir xi xogħol ta’ twessiegħ ta' Triq Għar Dalam u stallazjoni ta' street lighting fi Triq FM Ferretti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Marsaxlokk għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaxlokk, din is-sena għadha kif inbniet mill-ġdid Triq Lepanto u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid fi Triq Tonin Attard. Huwa wkoll proġettat li jsir resurfacing fi Triq Melqart.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta fl-Imqabba għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tal-Imqabba din is-sena sar resurfacing fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti, u parti minn Triq il-Belt Valletta. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Triq Ġdida fi Triq Giacomo Tortorella u Triq George Martin qegħdin fil-programm ta’ xogħlijiet, però għandhom problema biex jinbdew minħabba raġunijiet ta' esproprjazzjoni u ta' ffurmar tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta fiż-Żurrieq għal din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità taż-Żurrieq din is-sena għadhom kif tlestew mill-ġdid parti minn Triq Ciantar u parti minn Triq Nigret. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq Sammut Ġorġ, Triq Santa Klementina u Triq Salvatore Magri. Parti minn Triq Zimmerman Barbara u triq ġdida fi Triq San Mikiel qegħdin fil-programm tax-xogħlijiet, però għandhom problema biex jinbdew minħabba raġunijiet ta' esproprjazzjoni. Parti minn Triq Fra Gammari Zammit qegħda wkoll fil-programm tax-xogħlijiet però ma tistax tinbeda minħabba li hemm sit ta’ kostruzzjoni, u x-xogħlijiet fi Triq Espeditu Deguara ġew imwaqqfa s-sena l-oħra b’mandat mill-Qorti.
Jista` l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ttieħdet deċiżjoni, jiem biss wara l-aħħar elezzjoni ġenerali minn Transport Malta, sabiex jitneħħa reserved parking għal persuna bi bżonnijiet speċjali minn quddiem residenza u titpoġġa quddiem residenza oħra fi triq li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b'mod unanimu kien ta l-parir tiegħu diversi drabi li kellu jibqa' kollox kif kien oriġinarjament mogħti l-permess mill-istess Awtorità tmien snin ilu?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, skont il-polza tal-awtorità, kull approvazzjoni li tinħareġ minn Transport Malta għall-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità tiġi mplimentata fl-aktar kaxxa tal-parkeġġ qrib tar-residenza tal-persuna b’diżabilità. F’dan il-każ, tali kaxxa ta’ parkeġġ riservat ma ġietx implimentata fl-aktar kaxxa qrib tar-residenza tal-persuna b’diżabilità u għaldaqstant din il-kaxxa ma kinitx implimentata skont il-polza tal-awtorità. Fil-31 ta’ Jannar 2013, l-awtorità reġgħet kitbet lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’dan ir-rigward u jekk il-kunsill kellu xi oġġezzjoni sabiex tali kaxxa tal-parkeġġ riservat titranġa sabiex tkun konformi mal-polza, il-kunsill kellu jinforma lill-awtorità fi żmien xahar.
L-awtorità ma rċeviet l-ebda risposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fiż-żmien stipulat u għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ risposta, l-awtorità kienet tifhem li l-kunsill ma jsib l-ebda oġġezzjoni li tali kaxxa tal-parkeġġ riservat titranġa skont il-polza, kif fil-fatt sar.
B`referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 680, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjan li jinkludi tneħħija gradwali tal-bendy buses hemmx inklużi sas-sajf li ġej ir-rotot li jagħtu għal San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-deċiżjoni fir-rigward ta’ liema rotot, kif ukoll iż-żmien meta sejrin jitneħħew il-bendy buses għadha ma ittieħditx. Din id-deċiżjoni sejra tittieħed wara li issir analiżi dettaljata tas-suġġerimenti u l-ilmenti illi tressqu lil Transport Malta permezz tal-konsultazzjoni pubblika li għadha kif ingħalqet, kif ukoll minn laqgħat illi qegħdin isiru mal-kunsilli lokali kif ukoll ma’entitajiet oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament x'inhuma l-ħinijiet li fihom qiegħda tinżamm mixgħula l-fjamma ornamentali mal-monument tal-Gwerra fil-Furjana? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn, inbidlu l-ħinijiet li fihom tinxtel l-istess fjamma? Jekk kien hemm tibdil fil-ħinijiet, jista' jgħid x'kienu r-raġunijiet għal tali tibdil? Jekk saru tibdiliet, jista' jinforma jekk u ma min saru konsultazzjonijiet qabel sar dan it-tibdil ta' ħinijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Il-fjamma ornamentali mal-monument tal-Gwerra fil-Floriana qiegħda tinżamm mixgħula bejn is-sitta ta’ filgħaxija tul il-lejl sas-sitta ta’filgħodu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li l-pulizija għamlet dwar l-allegat każ ta' frodi dwar il-Pont Manwel Dimech?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta m’għandhiex il-konkluzjonijiet tal-investigazzjoni tal-Pulizijia u m’għandhiex informazzjoni jekk din l-investigazzjoni ġietx konkluża.