Jista' l-Ministru jgħid xi programm ta' restawr sar fl-Imdina mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Jista' jgħid xi programm ħejja l-gvern għar-restawr tal-bini storiku u swar ta' l-Imdina għall-2000? Jista' jgħid meta se tibda tiġi restawrata l-Greek Gate ta' l-Imdina?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Diviżjoni tax-xogħlijiet peress li r-restawr tal-monumenti arkitettoniċi fl-Imdina u r-Rabat jaqa' taħt ir-responsabbilta` tal-Kumitat għar-Restawr ta' l-Imdina.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-assenteiżmu regolari tul dawn l-aħħar sentejn ta' dawn iż-żewġ studenti li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Huwa biżżejjed li sempliċement jintbagħtu karti lid-djar ta' dawn iż-żewġ studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Education Welfare Unit ġie informat bin-nuqqas ta' attendenza mill-iskola taż-żewġt iftal mill-missier innifsu.
Il-problema ta' nuqqas ta' attendenza bdiet din is-sena skolastika. Fil-fatt it-tifel imur l-iskola iżda jfalli xi ftit ġranet matul ix-xahar. It-tifla ma bdietx tmur l-iskola mix-xahar ta' Diċembru 1999.
Żjarat id-dar saru mill-Education Social Worker biex isir kuntatt ma' l-omm dwar l-attendenza tat-tfal għall-iskola. Kien hemm kuntatt ukoll ma' membri oħra tal-familja.
Ta' min jgħid li kull meta l-Education Welfare Unit irċieva xi rapport mill-iskola dwar l-attendenza tat-tfal, dejjem ittieħdet azzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Office of Review? Min hemm fl-istrutturi tiegħu? Liema proġetti u liema inizjattivi ħa s'issa mindu nfetaħ dan l-uffiċċju?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskop ta' l-Office of Review huwa li jsaħħaħ il-kapaċita` tad-dipartimenti fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fit-twettiq tal-bidliet meħtieġa, jikkoordina u jimmonitorja l-proġetti u l-inizjattivi biex il-pjan ta' ħidma jitwettaq b'mod iktar effiċjenti u effettiv u b'attenzjoni għall-valur skond l-infieq li jsir.
L-Office of Review se jitmexxa minn Change Manager li jirraporta direttament lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru. L-uffiċjali li se jkunu qed imexxu dan l-uffiċju se jintgħażlu permezz ta' sejħa interna.
Uffiċjali mill-Management Efficiency Unit ta' l-Uffiċju tal-Prim Ministru qed jgħinu fit-twaqqif ta' l-Office of Review. Bħalissa, dawn l-uffiċjali qed jevalwaw ix-xogħol tad-Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru bħala parti mill-proċess tal-Business Plans. L-Office of Review mistenni jagħti l-appoġġ meħtieġ biex titwettaq il-missjoni tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal minn dawk li għalqu ħames snin matul din is-sena skolastika u suppost qed jattendu l-iskola - iżda għal xi raġuni jew oħra mhumiex jattendu?
X'sar biex jiġu ddentifikati dawn it-tfal biex jibdew jattendu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kellha indikazzjonijiet li numru relattivament żgħir ta' ġenituri ma kinux qed jirreġistraw lil uliedhom ta' ħames snin fl-Iskejjel Primarji kif kienu meħtieġa jagħmlu bil-liġi. Għalhekk din is-sena, għall-ewwel darba, inbeda proġett fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fuq bażi sperimentali u msejjaħ il-'Good Shepherd Project'. L-għan ta' dan il-Proġett kien li jidentifika tfal li fil-bidu tas-sena skolastika 1999/2000 huma ta' l-eta` ta' l-edukazzjoni obbligatorja, u għalkemm kellhom jiġu reġistrati f'xi skola Primarja f'Malta jew Għawdex (kemm Statali, tal-Knisja jew Indipendenti) għal xi raġuni jew oħra dawn ma ġewx reġistrati. Id-Direttur Ġenerali (Edukazzjoni) ta din il-lista
lid-Dipartiment tal-Welfare fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex tkun investigata.
Mill-ewwel stħarriġ li sar instab li:
a) Tifel bi ħtiġijiet speċjali kien qed jinżamm id-dar u l-
ġenituri tiegħu ma kellhom ebda ħsieb li jiktbuh f'xi skola.
L-isem u l-indirizz ta' dan it-tifel ġew mgħoddija lis-
Sezzjoni Edukazzjoni Speċjali biex dan il-każ isegwuh huma.
b) Żewġ familji rreġistraw lil uliedhom fi skola Primarja
wara li nġabret l-informazzjoni u meta ndunaw li d-Diviżjoni
ta' l-Edukazzjoni kienet għaddejja b'dan il-Proġett.
c) Tifel li kien qed jattendi skola primarja ma kienx jidher fuq
il-Common Data Base tal-Gvern. Irriżulta li dan it-tifel ma
kienx reġistrat l-Insinwa mat-twelid iżda ġie reġistrat ta'
ħames snin meta l-Kap ta' l-iskola talbet lill-ġenituri
tiegħu ċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ mir-Reġistru Pubbliku.
Dan iċ-ċertifikat kien meħtieġ biex ikun magħruf in-numru
ta' l-identita` tat-tifel, numru li kien essenzjali għal
dan l-eżerċizzju.
d) Tlett itfal ma kienu reġistrati f'ebda skola sa Jannar 2000.
e) 36 tifel u tifla għadhom qegħdin ikunu nvestigati mis-
Sezzjoni Welfare tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Id-
diffikulta` f'dawn is-36 każ hi li l-indirizz tagħhom inbidel
u dak preżenti mhux magħruf.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħol is-servizz ta' l-internet fl-iskejjel tal-gvern? F'liema skejjel se jiddaħħal? Ma' min ġie miftieħem li jiġi pprovdut dan is-servizz?
Min se jieħu ħsieb dan is-servizz min-naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Min fassal il-proġett tad-dħul ta' dan is-servizz? Kif se jkun iffinanzjat is-servizz?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntratt bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Maltacom ġie rivedut biex is-servizz ta' l-Internet li jiddaħħal fl-iskejjel ikun jista' jintuża:
i) anke wara t-tlieta ta' wara nofsinhar - (fil-fatt 24 siegħa kull
ġurnata tas-sena)
ii) minn kull persuna tal-lokal li tista' tissieħeb f'xi skema
imniedija mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Dawn it-tibdiliet ġew aċċettati mill-Maltacom mingħajr spiża akbar għall-Gvern u mistenni li l-kuntratt formali jiġi ffirmat. Hu maħsub li s-servizz jiddaħħal gradwalment fl-iskejjel kollha tal-Gvern. Fl-abbozz tal-kuntratt hu previst li jkun hemm "Project Team" minn naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u li dan ikun jinkludi għalliema u tekniċi minn tad-Diviżjoni kif ukoll Project Manager u tekniċi oħra li jista' jkun li jitqabbdu minn barra d-Diviżjoni.
Oriġinarjament kien maħsub li, jekk ir-riżorsi umani jkunu disponibbli, kien jinbeda pilot project f'żewġ skejjel matul l-1999 u mbagħad wieħed jgħaddi għad-dħul sistematiku f'kull skola. Fil-fatt, dan il-pilot project kien previst fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7793, iżda minħabba n-nuqqas ta' għalliema tekniċi ma setax jitwettaq kif mixtieq.
Il-Proġett tad-dħul ta' dan is-servizz qiegħed jitfassal u qed issir it-talba għar-riżorsi meħtieġa għall-proġett. Informat li t-tfassil tal-proġett jiddependi ħafna fuq ir-riżorsi umani disponibbli kif ukoll il-finanzi li jiġu allokati għall-proġett. Hu mistenni li l-Estimi tas-snin li ġejjin ikollhom provvedimenti għall-iffinanzjar tal-proġett skond il-ħlasijiet previsti fl-abbozz tal-kuntratt u l-ispejjeż previsti fil-pjan tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'sorvelja serja qed issir fil-Biblijoteka biex il-ħaddiema tal-kuntrattur privat li qed jaħdmu biex jinstallaw tagħmir tat-tifi tan-nar, ma jpejpux ħdejn il-kotba u d-dokumenti?
X'sorvelja qed ikun hemm biex b'tant persuni deħlin u ħerġin b'basktijiet ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi ma jiġrix li jkun hemm serq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħadd mill-ħaddiema tal-kuntrattur privat li qegħdin jaħdmu biex jinstallaw tagħmir tat-tifi tan-nar, ma jista' jpejjep ħdejn il-kotba u d-dokumenti li hemm fil-Bibljoteka Nazzjonali. Barra minn hekk ħadd ma jdaħħal basktijiet ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi fil-Bibljoteka Nazzjonali.
Meta beda x-xogħol skond Tender 179 tat-13.06.97, il-ħaddiema mpjegati fuq dan ix-xogħol kienu ġew mgħarrfin li f'ebda parti tal-Bibljoteka Nazzjonali ma jista' jsir titpjip jew li xi basket jiddaħħal ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi, liema aġir jammonta għall-misconduct. Skond l-istess "Tender 179 Article 6.13 Obligations of the Contractor - The Contractor shall, upon the Engineer's written instructions, remove from the works any persons employed by him in the execution of the works who misconducts himself."
Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jiġi żarmat il-laboratorju tar-restawr tal-Biblijoteka?
Jista' t-tagħmir, proprjeta' pubblika, ta' dan il-laboratorju jiġi trasferit lejn iċ-ċentru tar-restawr ta' Bighi?
Wara li jiġi żarmat il-Laboratorju tar-restawr tal-Biblijoteka fejn se jiġu restawrati d-dokumenti tal-Biblijoteka?
Mingħajr tagħmir, fejn se jaħdmu l-persuni li hemm bħalissa f'dan il-laboratorju?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif kien ġa indikat fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, il-Gvern qiegħed jinvesti fit-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr f'Bighi il-Kalkara, liema ċentru sejjer ikun mill-aktar modern u mgħammar b'apparat sofistikat.
Il-Laboratorju tar-Restawr tal-Bibljoteka mhux sejjer jiżżarma iżda sejjer jingħaqad mal-Laboratorju tar-Restawr tal-Kotba u Karta taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Dan qiegħed isir sabiex tiġi msaħħa s-sitwazzjoni tar-restawr tal-kotba f'pajjiżna u dana peress li:
a) il-laboratorju tar-restawr tal-kotba jkollu s-support kollu
meħtieġ (u li s'issa kien nieqes għal kollox) tal-laboratorji
l-oħra taċ-Ċentru, kemm dawk tad-djanjostika kif ukoll dawk
tat-tessuti jew ta' l-injam.
b) isir użu aħjar tar-riżorsi u ma jintnefqux flus f'
duplikazzjoni ta' apparat ġa' eżistenti u li ma jintużax
il-ħin kollu.
c) jissaħħu r-riżorsi umani li jaħdmu fil-Laboratorju tal-Karta -
(iċ-Ċentru Malti għar-Restawr iħaddem ġa' żewġ restawraturi
tal-karta kwalifikati mentri l-Laboratorju tal-bibljoteka
iħaddem restawratur kwalifikat wieħed u żewġ Bookbinders).
d) jitneħħa t-telf ta' ħin u inkonvenjent ta' l-iskariġġ
kontinwu ta' staff u studenti bejn il-Belt u Bighi. (bħal
issa l-istudenti taċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikollhom
jinqatgħu mill-faċilitajiet ta' Bighi inkluż Librerija,
Internet ul-kuntatt mad-dipartimenti l-oħra biex jagħmlu
jumejn ta' prattika kull Ġimgħa fil-Laboratorju tal-Belt.
Jista' l-Ministru jara li t-tifel, li ismu qed jintbagħat separatament, jingħata l-għajnuna rrakkmandata mill-istatementing board fit-22 ta' Ottubru, 1999 biex ikollu għajnuna kontinwa fl-iskola? Jista' jgħid kif dan it-tifel jista' jaqsam facilitator ma' tifel li jinsab fi blokk ieħor ta' l-iskola primarja ta' Marsaxlokk?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-deċiżjoni ta' l-'Istatementing Board' hija li t-tifel imsemmi jeħtieġ 'shared classroom support' preferibilment fl-istess klassi. Madanakollu, fil-klassi ta' dan it-tifel m'hemmx tfal oħra li jeħtieġu "shared help".
Informat ukoll li t-tifel jattendi l-iskola nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis biss, peress li l-ġranet l-oħra jiġifieri nhar ta' Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa jattendi l-'Eden Foundation'.
Fl-aħħarnett informat li l-omm ġiet offruta facilitator il-ħin kollu filgħodu nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis u facilitator 'shared' ma' tifel ieħor fi klassi oħra wara nofsinhar.
Tlabt l-uffiċċjali tiegħi biex ikomplu jsegwu l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi problema biex ix-xewqa tal-ġenituri - dettalji qed jintbagħtu separatament - tkun milqugħha biex binhom ikun jista' jattendi l-iskola regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dak li qed ikun mitlub mill-ġenituri huwa ta' natura speċjalizzata u ma jidħolx fid-dmirijiet ta' facilitator. L-Onor. Membru japprezza d-diffikulta` biex din it-talba tiġi milqugħa.
Jista' l-Ministru jara tistax tinħareġ ordni lill-għalliema li jkunu qed jagħmlu xogħol ta' superviżjoni waqt l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC eċċ, li se jibdew fi ftit ġimgħat biex jiżgura li studenti ma jidħlux fis-sala ta' l-eżamijiet bil-mobile phone?
Japprezza li numru kbir ta' studenti bħalissa għandhom mobile phones u jkunu jistgħu jużawhom illegalment?
Għaliex minn issa ma tinħariġx ċirkolari lill-kapijiet kollha biex tinġibed l-attenzjoni ta' l-istudenti dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kanditati jistgħu idaħħlu magħhom fil-kamra ta' l-eżami dawk l-affarijiet bżonjużi u permessi mill-eżaminaturi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-eżami biss, u, il-"mobile phones" huma projbiti.
Tlabt lill-MATSEC Board sabiex jiżguraw li l-Kandidati jkunu espressament preklużi milli jdaħħlu "mobile phones" fil-kamra ta' l-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-miżati fl-iskejjel kollha indipendenti li bħalissa qed jitħallsu minn ġenituri tagħhom għal studenti li jattendu fihom? Jista' jagħti informazzjoni għal kull kategorija fis-sena, kindergarten, primarja, sekondarja u sixth form?
Il-miżata f'kull każ tinkludi biss ħlas għal-lezzjonijiet jew jinkludu xi affarijiet bħal ikel eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Dawk li jew jirriżultalhom dan id-dmir mill-kuntratt tax-xogħol tagħhom (p.e. ix-xufier tal-Ministru u d-Dirtetturi) jew li jingħataw l-inkarigu mill-Uffiċċjali responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu l-avvenimenti kulturali mniedi mid-Dipartment tal-Kultura sa l-aħħar ta' din is-sena? Kemm huma l-flus ivvotati għal dawn l-attivitajiet separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar ta' din is-sena s'issa id-Dipartiment tal-Kultura diġa` nieda numru ta' attivitajiet kulturali bħal kunċert ta' l-Epifanija, il-Karnival, il-Kanzunett għall-Ewropa u oħrajn li jsiru fuq bażi regolari bħall-Cultural Tours u l-Kunċerti ta' Nofsinhar.
Informat ukoll li id-Dipartiment għandu ippjanati numru ta' attivitajiet kulturali oħra fosthom :
1) Cultural Tours oħrajn
2) Francis Ebejer Play Writing Competition
3) Underwriting of Maltese Plays
4) Kunċerti ta' Nofsinhar oħrajn
5) Festival Nazzjonali ta' Għana
6) Mnarja u St.John's Bon Fires
7) Jazz Festival
8) Attivitajiet Kulturali b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali
9) Cultural Support Programme
10) Maltese Culture Abroad
Għall-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru għall-estimi Ġenerali għas-sena 2000 li huwa fuq l-istess stil ta' dawn l-aħħar snin.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-ilmenti ta' bullying fis-sitt klassi tal-primarja tal-Baħrija?
Jista' t-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qed ikun vittma ta' bullying jingħata għajnuna bħala counselling eċċ... biex jegħleb il-problemi psikoloġiċi li qed jiġu kkaġunati lilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ kien u għadu qed jiġi trattat fil-livell ta' l-iskola indikata. Bil-kunsens tal-ġenituri, it-tifel għandu jiġi referut lill-Guidance and Counselling Unit biex isir xogħol kemm miegħu bħala vittma u ma' oħrajn li jistgħu huma nvoluti fil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena kemm attenda l-għalliem tal-Franċiż tal-klassi IIB ta' l-iskola sekondarja subien Vinċenzo Borg ta' Birkirkara?
Jikkonferma l-Ministru li f'din il-klassi ħadd ma għadda mill-Franċiż fl-eżamijiet ta' nofs is-sena? X'se jsir biex l-istudenti jirkupraw dawn ix-xhur li tilfu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ndikata attendiet l-iskola regolarment ħlief għal ġurnata f'Ottubru, ħamest ijiem f'Novembru u 11-il ġurnata f'Jannar u Frar meta sarilha intervent kirurġiku. L-istudenti tal-klassi msemmija tilfu b'kollox 13-il lezzjoni tal-Franċiż. Għall-Franċiż, l-istudenti tal-klassi IIB jingħaqdu ma' dawk tal-klassi IIC. Mill-grupp ta' 15-il student għadda student wieħed. Informat li minn meta marret lura wara l-operazzjoni, waqt il-lezzjonijiet tagħha, l-għalliema qiegħda tagħmel il-materjal li ma kienx sar waqt li hi kienet nieqsa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel primarji tal-gvern u kindergartens li għandhom magħhom facilitators, kindergarten assistants? Kemm hemm fejn l-għajnuna hija one-to-one, u kemm hemm fejn din hija shared?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji u Kindergarten tal-Gvern hemm 430 tfal bi bżonnijiet speċjali li għandhom magħhom facilitator. Minn dawn, 250 għandhom għajnuna one-to-one, filwaqt li 180 għandhom shared help.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa mhux jattendu skola regolarment għax mhumiex jingħataw l-għajnuna meħtieġa minħabba l-bżonnijiet speċjali tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm sebat itfal fil-Kindergarten u ieħor fil-Primarja li mhumiex jattendu skola għaliex għad m'għandhomx l-għajnuna meħtieġa.
Informat ukoll li hemm erbat itfal oħra li għadhom ma ġewx assessjati.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14962?
Response (GALEA, LOUIS)
Nikkonferma li dawn l-aħħar snin kien ingħata lill-klabb tar-Regatta tal-Birgu permess temporanju, fuq ir-responsabbilta` tal-Kuratur, sabiex għal żmien ir-Regatta ta' l-31 ta' Marzu jużaw parti mill-Mużew Marittimu sabiex jiffaċilitalhom l-aċċess għall-korsa għal waqt it-taħriġ. Informat li din is-sena l-permess ma' setax jingħata peress li l-imsemmi post ġie ppreparat biex jilqa' fih u jsir il-konservazzjoni u restawr ta' kanun antik u rarissimu li nstab dan l-aħħar fil-baħar. Barra s-sigurta` ta' l-oġġett imsemmi, l-proċess ta' konservazzjoni u restawr jirrikjedi ċerta kawtela u kontroll assolut. Ta' min wieħed isemmi li fil-post inkwistjoni tinsab maħżuna kollezzjoni ta' dgħajjes antiki u vetrini tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Is-Segretarjat Parlamentari flimkien mal-Kumitat Regatta Nazzjonali u s-Sindku tal-Birgu ippruvaw isibu soluzjoni temporanja (permezz ta' 'containers' li jassiguraw sigurta`) u bdew jaħdmu sabiex din il-problema tissolva b'mod permanenti, għall-ġid tal-Klabb tar-Regatta tal-Birgu. Fil-fatt ġiet ippjanata laqgħa fuq il-post sabiex jiġi deċiż liema xogħlijiet hemm bżonn sabiex il-Klabb Regatta Birgu jkollu skall permanenti. Madanakollu, il-Kumitat Regatta Birgu ma aċċettax is-soluzzjoni temporanja u ddeċieda wkoll li ma jipparteċipax fir-Regatta tal-31 ta' Marzu. Din id-deċiżjoni ttieħdet kontra l-pariri tal-Kumitat Regatta Nazzjonali. Madanakollu, għadhom isiru l-isforzi kollha sabiex Regatta Birgu jipparteċipaw f'din ir-regatta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Kumitat Nazzjonali għat-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali fl-iskejjel?
Minn min hu ffirmat dan il-kumitat? Kemm-il darba ltaqa' ma' kapijiet ta' skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti dwar it-twettieq tal-kurrikulu? Jista' jgħid jekk dan il-kumitat identifikax lil dawk l-iskejjel li m'għandhomx xi suġġetti li għandhom jiġu mgħallma minn Settembru li ġej? X'se jsir f'dan il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat Nazzjonali għat-Twettiq tal-Kurrikulu ltaqa' sitt darbiet.
Il-Kumitat huwa ffurmat minn:
Prof. Kenneth Wain - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
(Chairperson)
Mr Charles Mizzi - Direttur Ġenerali (Edukazzjoni)
Ms Carmelina Debono - Direttur (Operations)
Ms Mary Vella - Direttur tal-Kurrikulu
Dr Carmel Borġ - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Dr Ronald Sultana - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Dr Christopher Bezzina - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Mr John Bencini - Malta Union of Teachers
Mr Francis Borg - Assoċjazzjoni Kunsilli Skolastiċi
Bro Savior Gatt - Rappreżentant Skejjel tal-Knisja
Mr Ivan DeBrincat - Rappreżentant Skejjel Indipendenti
Dr Tony Macelli - Konsulent tal-Ministru
(Segretarju tal-Kumitat)
Il-Kumitat se jiltaqa' mal-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel kollha ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti fl-ewwel ġimgħa ta' April.
Mhux fit-terms of reference ta' dan il-Kumitat li jagħmel l-eżerċizzju indikat fl-aħħar żewġ mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena skolastika ġewx irrapportati studenti fl-iskejjel li: (a) kienu taħt l-effett tad-droga; u (b) kienu fil-pussess tad-droga?
Dawn kienu subien jew bniet? X'għajnuna tingħata mid-dipartiment lil dawn l-istudenti u l-familji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġewx rappurtati studenti fl-iskejjel matul din is-sena skolastika li (a) kienu taħt l-effet tad-droga, u (b) kienu fil-pussess tad-droga.