B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4485, jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti ż-żieda fit-trasport li hija riflessa fiż-żieda tal-prezz tal-Calpol Sugar Free Under 6?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezz li kienet tikkwota l-kumpanija li tesporta l-Calpol Sugar Free Suspension Under 6 x 140ml kienet fuq bażi C.I.F. jiġifieri kien jinkludi t-transport.
Fl-aħħar żewġ konsenji, l-istess kumpanija kkwotat l-istess prezz ta' C.I.F. bħala FOB u żiedet l-ispejjeż tat-transport apparti. Dan kkaġuna ż-żieda fil-prezz.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal telephone box fi Pjazza Buleben, f'Ħal Tarxien għal konvenjenza tar-residenti ta' l-istess pjazza u tat-toroq tal-madwar, peress li l-eqreb waħda hija pjuttost 'il bogħod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ser ssir laqgħa bejn l-uffiċjal inkarigat mill-Payphones Section (Planning & Marketing) ta' Maltacom p.l.c. u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien biex jiġi stabbilit jekk hemmx il-ħtieġa ta' din il-cardphone kif qed jipproponi l-Onor. Interpellant.
Jekk minn din il-laqgħa jirriżulta li hemm ħtieġa ta' din il-cardphone, jittieħdu l-passi biex jiġi identifikat is-sit fejn din il-cardphone għandha titwaħħal mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal bozoz ġodda fl-ibliet tat-Tieni Distrett?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talbiet pendenti għall-bozoz ġodda fl-ibliet li jiffurmaw it-Tieni Distrett Elettorali huwa kif ġej:
LOKALITA` NUMRU TA' TALBIET PENDENTI
Birgu 2
Bormla 8
Fgura 59
Isla 3
Kalkara 11
Xgħajra 5
Billi safejn naf jien il-qamħ li jintuża mill-furnara (tal-ħobża ta' Malta) huwa ssussidjat u għalhekk il-ħobża ta' Malta toħroġ irħas, jista' l-Ministru jgħid, jekk is-sussidju jistax jingħata kemm-il darba Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk jitneħħa, kemm huwa maħsub li tiġi tiswa ħobża ta' Malta llum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa għidt meta weġibt mistoqsijiet simili, ma naħsibx li f'dan l-istadju hekk bikri wieħed jista' jesprimi ruħu dwar xi pass li jista' jkun meħtieġ li jittieħed fil-futur.
Jista' l-Ministru jgħid x'għandu ppjanat il-gvern fil-futur għall-kupannija MGM (Malta Gantry)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-futur tal-kumpanija Malta Gantry Manufacturing Ltd. huwa marbut b'mod dirett mal-kuntratt tal-Malta Freeport, taħt liema kuntratt il-kumpanija għandha l-obbligu li tissuplixxi numru ta' Quay Side Cranes u Rubber Tyred Gantry Cranes. Ir-rwol prinċipali tal-Malta Gantyr Manufacturing Limited fix-xhur li ġejjin ser ikun il-'commissioning' u d-'delivery' ta' dawn il-krejnijiet lill-Mlata Freeport.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal Clerk 1, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-Bord ta' l-intervista wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilta' u mertu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jirriżulta mid-dokument li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija numru 3663, il-Bord ta' l-Intervista qassam it-total ta' 100 marka b'mod ekwu fuq erba' kriterji; servizz, abilta', esperjenza u mertu. Naturalment l-intervista kienet tkopri dawn il-kriterji.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijiet) fil-Maltacom plc kemm wara l-protesta u l-petizzjoni li xi impjegati kienu ressqu lill-istess Ministru u kemm wara diversi rapporti li dehru fil-media?
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord, jekk il-bord huwiex qed jiltaqa' u jekk le, għaliex u jekk huwiex qed jisma l-appelli mressqa u jekk le, meta beħsiebu jibda jismagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-fatt li kien hemm bidla f'wieħed mill-Membri tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet) fil-Maltacom ma jfissirx li l-pożizzjoni ta' l-istess Bord inbidlet minn dik li kienet qabel.
Il-Bord huwa magħmul miċ-Chairman is-Sur George Borg Cardona u minn żewġ Membri, is-Sinjur Gaston Debono u John L. de Gray. Is-segretarju tal-Bord huwa s-Sur David Buttiġieġ, uffiċjal tal-Maltacom.
Il-Bord kellu jagħmel l-ewwel laqgħa preliminari tiegħu fit-18 ta' Frar 1999, pero` peress li wieħed mill-membri ma setax jattendi minħabba impenji aktar urġenti, il-laqgħa ġiet posposta.
Fil-fatt il-Bord iltaqa` l-ewwel darba fit-2 ta' Marzu 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-monitors il-ġodda li twaħħlu minflok dawk qodma, biex jimmarkaw il-wasla u t-tluq ta' l-ajruplani fl-MIA? Kien hemm ħruġ ta' offerti pubbliċi? Meta ħarġu? Kemm kien hemm? Min ħa dawn l-offerti? X'sar mill-monitors il-qodma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-'monitors' il-ġodda li twaħħlu minflok il-qodma, biex jimmarkaw il-wasla u t-tluq ta' l-ajruplani fl-MIA huma parti minn 'Airport Management and Flight Information System' ġdida.
Wara sejħa għall-offerti li ħarġet f'Ġunju 1997, Malta International Airport plc irċeviet għaxar (10) offerti. Il-kuntratt għal din is-sistema 'l ġdida ġie mogħti f'Jannar 1998, wara approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija ta' dak iż-żmien.
Dan il-kuntratt intrebaħ mill-kumpanija SPEA SRL, minn Milan, fl-Italja għall-prezz totali ta' LIT 850,000,000.
Ta' min jgħid li x-xogħol ta' din is-sistema kien jinkludi wkoll xogħol ta' stallazzjoni li sar mill-ħaddiema tal-MIA, u xogħol ta' 'testing and termination' ta' 'Fibre Optic Cables' li ngħata lill-Mlatacom plc.
Il-monitors il-qodma jinsabu fl-istores tal-MIA u hemm il-ħsieb li dawn jinbiegħu wara sejħa għall-offerti.
Peress li ċ-ċentru tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass mhuwiex fiċ-ċentru ta' Malta u peress li mhux dejjem ikun faċli li jinxtraw dawn iċ-ċilindri minn dawk li jqassmu bit-trakk, jista' l-Ministru jara li jinstabu xi ċentri oħra żgħar madwar Malta biex minnhom jitqassmu dawn iċ-ċilindri u l-pubbliku jkun jista' jinqeda aħjar u malajr?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta qed tistudja l-possibilta' għall-bejgħ ta' ċilindri tal-gass minn postijiet alternattivi.
B'danakollu mhux faċli jinstabu postijiet li jridu jkunu konformi mar-Regolamenti tas-Sigurta' biex fihom jinħażnu kwantitijiet ta' ċilindri. Postijiet ta' dan it-tip jirrikjedu ċerta distanza minn l-abitant u mezzi oħra ta' sigurta'.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern għas-suġġeriment tal-FOI biex isir economic impact assessment tas-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern ħa nota tas-suġġerimenti tal-Federazzjoni ta' l-Industriji u dawn ser jingħataw il-konsiderazzjoni li jixirqilhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar xhur, u preċiżament mis-7 ta' Settembru 1998 sas-16 ta' Frar 1999, iddaħħlux jaħdmu f'Għawdex stess persuni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm-il persuna daħħlu ma' l-istess korporazzjoni f'Għawdex u xi kriterju ġie adottat fl-għażla ta' l-istess persuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi l-ebda persuna ma' daħlet taħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma f'Għawdex.
Billi sal-lum il-kumpannija air supplies biss tissupplixxi l-ajruplani b'dak li għandhom bżonn fl-ajruport, jista' l-Ministru jgħid jekk Malta issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea dan il-monopolju li tgawdi din il-kumpannijia iridx jispiċċa?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant mhux korrett fil-premessa għall-mistoqsija iegħu peress li, barra l-Air Supplies, hemm numru ta' kumpaniji oħra li jissuplixxu lill-ajruplani, kemm dawk ta' l-Air Malta kif ukoll dawk barranin, bil-ħtiġijiet tagħhom, bħal ma hu fuel, catering, in-flight stores, etc.