Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karozza uffiċjali ministerjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozza uffiċjali ministerjali tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-persuni li għandhom aċċess għall-karozza uffiċjali tal-Ministru huma ż-żewġ drivers/security u wkoll kwalunkwe persuna oħra li fiċ-ċirkustanzi jkun jista' jidhirli meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol biex jinbena il-padiljun ta' l-isports fil-Kottonera?
Jista' l-Ministru jikkonferma li dan il-padiljun se jkun komplut u jiffunzjona sa meta jsir il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ta' l-Ewropa fl-2003?
Liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li d-dixxiplini sportivi tagħhom ġew inklużi fl-użu ta' dan il-padiljun?
Xi pjanijiet għandu l-gvern biex jitmexxa dan il-padiljun?
Response (GALEA, LOUIS)
Għall-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 13702 u 14770 rispettivament.
Informat li bħalissa ma hemm ebda commitment ma' xi għaqda sportiva li ser tkun assikurata xi użu esklussiv ta' xi parti mill-kumpless sportiv. Madanakollu l-kumpless kif diżinjat jista' jilqa' fih l-isports kollu indoor (volleyball, basketball, badminton, gymnastics, table tennis, handball, etc.) kif ukoll xi faċilitajiet ta' outdoor sport.
Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport — Għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li ngħataw xi għajnuna finanzjarja mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fi snin 1998 u 1999?
Kemm kienet din l-għajnuna lil kull għaqda u għal-liema skop ingħatat?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma ta' flus li l-Ministeru għadda lill-Kumitat Olimpiku Malti fis-snin 1996 - 2000, sena b'sena? X'kienu l-kondizzjonijiet marbuta ma' din l-għotja? Jekk minbarra għajnuna biex tkopri avvenimenti internazzjonali fir-responsabbilta' tal-MOC, din kenitx tinkludi wkoll għajnuna li kellha tingħata lill-għaqdiet sportivi fi ħdan il-Kumitat Olimpiku? F'każ affermattiv, min kienu dawk l-Għaqdiet Sportivi li bbenefikaw, u kemm ingħataw kull waħda minnhom, sena b'sena bejn 1996 - 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għotjiet li ngħataw lill-Kumitat Olimpiku Malti mis-Segretarjat Parlamentari matul is-snin 1996-2000 kienu:
1996 Lm 50,000
1997 Lm135,000
1998 Lm 96,500
1999 Lm140,000
2000 Lm 25,000 (sa Marzu)
Dawn il-flus jingħataw lill-Kumitat Olimpiku Malti biex jiġu mgħejjuna diversi għaqdiet sportivi. Fis-snin partikolari l-għajnuna tkun marbuta mill-parteċipazzjoni ta' atleti f'kompetizzjonijiet bħal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar jew l-Olimpjadi. Il-Kumitat Olimpiku Malti jqassam l-għotjiet tiegħu lill-għaqdiet sportivi skond id-diskrezzjoni tiegħu. Madanakollu s-Segretarjat Parlamentari qiegħed jingħata tagħrif ta' dawn l-għotjiet sabiex issir koordinazzjoni ta' l-għajnuniet li jirċievu dawn l-għaqdiet.
Jikkonferma l-Ministru li f'laqgħa li saret fit-22 ta' Marzu, bejn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u uffiċjali ta' skejjel tal-Knisja u indipendenti intqal li l-kurrikulu nazzjonali mhux se jiddaħħal kollu kemm hu fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss?
Jista' jgħid liema huma dawk il-partijiet li se jkunu obbligatorji minn Settembru li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saret ebda laqgħa fit-22 ta' Marzu, bejn uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u uffiċjali ta' skejjel tal-Knisja u indipendenti.
L-Steering Committee għat-Twettiq tal-Kurrikulu se jistabilixxi linji gwida dwar twettiq tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali u l-fażijiet differenti tiegħu. Fil-bini ta' dawn il-linji gwida se jintuża wkoll kwestjonarju li se jwieġbu l-iskejjel kollha fis-setturi primarji u sekondarji, ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni matul din is-sena skolastika biex jiġi żgurat li l-kimika li qed tintuża għat-tkabbir tal-faqqiegħ taħt l-iskola sekondarja ta' l-Imtarfa hix qed tkun ta' periklu għall-istudenti u għall-istaff?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-awtoritajiet ta' l-Iskola u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħadu dawn il-passi:
1. talbu lill-Polution Control Unit sabiex tinvestiga rwejjaħ
li joħorġu ta' spiss minn bokok li jagħtu mill-post taħt
l-art fejn jitkabbar il-faqqiegħ;
2. ġew spustjati l-klassijiet minn dak il-blokk affettwat;
3. laqgħat mas-sid tal-farm li minn naħa tiegħu ressaq il-
proposti tiegħu;
4. ġabu lill-Occupational Health and Safety li żaru l-
iskola u l-farm;
Il-Polution Control Unit u l-Occupational Health and Safety huma mistennija li jagħmlu l-proposti tagħhom sabiex jiġi deżiż x'passi għandhom jittieħdu fuq din il-problema.
Mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum x'ispezzjonijiet saru u meta, biex jinstab jekk il-watchmen humiex ikunu fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif suppost: (1) fil-mużewijiet, libreriji u siti storiċi; u (2) fl-iskejjel?
X'instab f'dawn l-ispezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet spezzjonijiet biex jinstab jekk il-watchmen humiex ikunu fuq il-post tax-xogħol, fl-iskejjel. Dawn saru f'Ottubru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-headmaster ta' l-iskola ta' Ħaż-Żebbuġ neħħa l-permess lis-sezzjoni ta' l-iscouts ta' Ħaż-Żebbuġ sabiex jagħmlu użu mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill ta' l-iskola ta' Ħaż-Żebbuġ, żamm il-permess lis-sezzjoni ta' l-iscouts ta' Ħaż-Żebbuġ milli jagħmel użu mill-iskola, wara li uffiċjalment ġie mitlub minn Uffiċjali għolja ta' l-Iscouts Commission f'Malta.
Sal-lum il-Kunsill Skolastiku għadu ma rċeviex risposta uffiċjali dwar x'deċiżjoni ttieħdet.
Il-Kunsill skolastiku talab biex din id-deċiżjoni tintbagħtlu kemm jista' jkun malajr, biex ikun jista' jikkonsidra l-passi li għandu jieħu għall-futur.
Wieħed għandu jżid li s-surmast kien qiegħed jaġixxi bħala segretarju/kaxxier tal-Kunsill Skolastiku.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti barranin li s-sena li għaddiet (1999) attendew xi kors biex jitgħallmu l-Ingliż?
Jista' jelenka l-iskejjel u n-numru ta' studenti li attendew f'kull skola? Jista' jagħti dettalji dwar il-pajjiżi li ġew minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin li s-sena li għaddiet attendew xi kors biex jitgħallmu l-Ingliż kien ta' 35,451.
L-iskejjel li fihom attendew dawn l-istudenti huma:
A.M. Language Studio
Berlitz Language Centre
Burlington England School
Business English Language Sch.(B.E.L.S.)
Central School of English
Eeducation English Culture
Elanguest
English Communication School
English Language Academy
European Centre of Eng. Lang. Studies
European School of English
Geos Language (Malta) Ltd
Inglingua School of Languages
Institute of English Lang. Studies
International English Lang. Centre
International School of English
Island Educational School of Lang.
Kalypso Academy of Ennglish Language
Lasalle Institute
Lingua Time
Link School of English
Live in English Language Centre
Magister Academy
MSD International School of English
MUT Capital Language School
National Students Travel Foundation
Revival English Language Institute
Sprachcaffe - Languages Plus
St Paul's English Language Centre
Students Travel School
The School for English
The Voice School of English
In-numru ta' studenti u l-pajjiżi li minnhom ġew l-istudenti huma:
Awstrija - 2959
Belġju - 171
Repubblika Ċeka - 348
Danimarka - 77
Fillandja - 251
Franza - 4751
Ġermanja - 13497
Olanda - 314
Italja - 6074
Ġapan - 423
Libja - 199
Norveġja - 258
Polonja - 784
Russja - 1553
Slovenja - 130
Slovakkja - 233
Spanja - 260
Żvezja - 1014
Żvizzera - 1123
Oħrajn - 1039
Ġejt mogħti l-parir li peress li l-għadd ta' studenti li attendew kull skola partikolari jista' jkun materja ta' natura kummerċjali u kunfidenzjali, ma jkunx prudenti li nagħti dan it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal b'ċertifikat mediku jew mingħajru fl-iskejjel primarji f'pajjiżna? Kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal fl-iskejjel primarji fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-mod kif l-iskejjel jiġbru l-istatistika f'dan l-aspett ma turix in-numru ta' tfal li kienu assenti u għal kemm ġranet kull student. Jekk nifhem tajjeb is-sitwazzjoni mhux faċli jkolli statistika li tiddistingwi bejn kemm tfal jassentu ruħhom għal raġunijiet normali għal numru ta' ġranet normali (p.e. waqt il-perjodu ta' l-influwenza, u kemm tfal u min jippreżenta problema ta' assenteiżmu veru għal raġunijiet oħra li mhumiex ta' mard.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti hux qegħdin jikkoperaw u jagħtu xogħol lill-istudenti għalliema li qed jagħmlu teaching practice?
Jista' jgħid f'liema skejjel qegħdin, x'suġġett qed jgħallmu u f'liema livell? Kemm minnhom qegħdin għal kors tal-PGCE jew tal-B.Ed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impenn ta' l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti għat-taħriġ ta' l-istudenti għalliema għat-Teaching Practice ta' Marzu/April 2000 huwa kif ġej:
Numru totali ta' studenti Numru ta' studenti
fuq Teaching Practice fi skejjel tal-Knisja
u Indipendenti
P.G.C.E. 56 21
B.Ed. 251 49
Lista ta' fejn jinsabu dawn l-istudenti, x'suġġett/livell jgħallmu u jekk humiex mill-kors tal-P.G.C.E. jew B.Ed ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti ta' assistenti kapijiet, kapijiet, uffiċjali edukattivi, assistenti diretturi u diretturi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
F'kull każ meta se jimtlew? F'kull każ meta se toħroġ sejħa għal applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda post ta' Assistent Kap ta' skola li hu vakanti.
In-numru ta' kapijiet ta' skejjel vakanti hu 16.
Informat ukoll li hemm 34 post ta' Uffiċjal Edukattiv, tliet Assistenti-Diretturi u Direttur wieħed li huma vakanti.
Is-sejħa għal kapijiet ta' skola, u ta' 16-il kategorija ta' Uffiċjal Edukattiv waslet biex toħroġ, fil-fatt marret għand il-PSC u MPO fis-27 ta' Marzu, 2000.
Il-post ta' Assistent Direttur 'International Relations' se jimtela'.
Is-sejħa għal applikazzjoni ta' Assistent Direttur 'Research and Documentation' ħarġet u dalwaqt isiru l-'interviews'.
Is-sejħa għal post ta' Assistent Direttur 'Operations' dalwaqt toħroġ. Fil-fatt qegħda għand il-PSC, MPO.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fis-Sixth Form li qed jirċievu stipendju?
Kemm minn dawn jattendu: (a) skejjel statali; (b) skejjel indipendenti; u (ċ) skejjel tal-Knisja?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jiġux rrapportati każi mill-kapijiet ta' l-iskola fejn studenti ma jattendux regolarment? Jista' jgħid kemm kien hemm każi f'(a), (b) u (ċ) li twaqqfilhom/tnaqqsilhom l-istipendju matul din is-sena skolastika s'issa? X'kien l-ammont totali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fis-Sixth Form u istituzzjonijiet edukattivi Post-Sekondarji oħra, fit-28 ta' Marzu 2000, kien ta' 5,044.
Dawn kienu maqsuma hekk:
Skejjel Statali
Junior College Gian Franġisk Abela 2,215
Paolino Vassallo Post-Secondary School 404
Giovanni Curmi, Higher Secondary School 735
M.A. Refalo, Higher Secondary (Gozo) 497
Mother Theresa College (Pre-Voc) 172
Secretarial School, Corradino 156
Pre School (Kindergarten Assistants) 29
Hair Dressing & Beauty Therapy School 79
Umberto Colosso (klassi waħda) 17
Nautical School 25
Stefano Zerafa Tech. Sch. (klassi waħda) 24
TOTAL 4,353
Skejjel tal-Knisja
St Aloysius College 413
De La Salle 186
TOTAL 599
Skejjel Indipendenti
St Edwards College 92
TOTAL 5,044
Informat ukoll li sa l-aħħar ta' Frar li għadda kien hemm 1,471 każi ta' studenti fi skejjel statali li tnaqqsitilhom l-Għotja ta' Manteniment minħabba assenteiżmu mhux ġustifikat. Kien hemm 138 każ fi skejjel tal-Knisja u 46 każ fi skola indipendenti.
Kull każ jista' jkun jinkludi aktar minn jum wieħed ta' assenteiżmu.
L-ammont totali ta' flus imnaqqsa għal dan l-assenteiżmu sa l-aħħar ta' Frar li għadda kien ta' Lm25,473.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ ir-riżultat ta' l-eżami tal-Museum Officers? Kemm għaddew b'kollox u meta ħadu l-ħatra? Meta ġew assenjati x-xogħol ġdid tagħhom? X'passi ħa s'issa d-Dipartiment tal-Mużewijiet ħalli posthom jimtela' bi gwidi tal-mużew ġodda? Kemm ikun hemm bżonn museum officers għal Għawdex jekk jiġu assenjati xogħol fuq l-istess kriterju bħal dawk ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
i) Ir-riżultat ġie ppublikat fl-1 ta' Settembru 1999.
ii) Għaddew b'kollox 44, li minnhom ġew rakkomandati 24 għal
ħatra skond l-eżiġenzi (15 Maltin u 9 Għawdxin).
iii) Ħadu l-ħatra fis-16 ta' Diċembru 1999 b'effett lura mid-
19 ta' Novembru 1999.
iv) Immedjatament mal-ħatra.
v) Deċiżjoni dwar ingaġġ ġdid ser tittieħed bħala parti mir-
riforma tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
vi) 9 mill-24 Museum Officers ġodda huma Għawdxin u qed
jagħmlu xogħolhom Għawdex stess.
Jista' l-Ministru jinvestiga fejn ġiet meħuda dik il-ġebla kbira u antika ta' Ġnien ir-Rumani li kienet quddiem iċ-ċimiterju tar-Rabat, ħdejn il-Villa Rumana?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġebla l-kbira u antika li kien hemm ħdejn il-Villa Rumana, iddaħħlet fil-Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani (l-hekk imsejħa Villa Rumana) fi Frar ta' l-1998, u issa qegħda fost l-esebiti f'dan il-mużew.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni żaru l-Palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu tul is-sena 1999, kemm żaruh sal-15 ta' Marzu 2000 u jikkonsidrax li l-imsemmi mużew tul ix-xhur ta' Lulju, Awissu jibqa' miftuħ matul il-ġimgħa wara nofsinhar possibbilment sat-8.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 1999 il-Palazz ta' l-Inkwiżitur żaruh 44,03 persuni waqt li bejn l-1 u l-15 ta' Marzu 2000 żaruh 2,234 persuna.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni żaru l-Mużew Marittimu ġewwa l-Birgu tul is-sena 1999, kemm żaruh sal-15 ta' Marzu, 2000 u jikkonsidrax li l-imsemmi mużew tul ix-xhur ta' Lulju, Awissu jibqa' miftuħ matul il-ġimgħa wara nofsinhar possibbilment sat-8.00 p.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 1999 il-Mużew Marittimu żaruh 36,910 persuni waqt li bejn l-1 u 15 ta' Marzu 2000 żaruh 1,750 persuna.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni illi l-istudenti ta' l-iskola Umberto Colosso ta' l-iskema ESTS Electronics Servicing ES4, tħallew bla għalliema tal-matematika minn Ottubru tas-sena l-oħra sa nofs Marzu ta' din is-sena?
Huwa sewwa illi apparti dan in-nuqqas, l-istess studenti qed jgħidulhom li jridu jagħmlu l-final exams tal-matematika fuq is-sillabu kollu f'Ġunju li ġej?
Huwa minnu li l-istudenti kollha ma jridux joqogħdu għal dan l-eżami b'dawn il-kondizzjonijiet?
Peress li minħabba dan in-nuqqas dawn l-istudenti diġa' tilfu l-eżamijiet tal-half yearly f'dan is-suġġett, se jittieħed in konsiderazzjoni dan in-nuqqas meta jiġi kkorreġut eżami finali għal dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ES4 tħallew bla għalliema peress li ma kienx hemm għalliema tal-Matematika biex jieħdu l-lezzjonijiet kollha. Peress li issa naqset klassi ta' ESTS għalhekk l-għalliema ta' din il-klassi ġie assenjat il-lezzjonijiet ta' ES4.
Dawn l-istudenti m'għandhomx finali, iżad jagħmlu eżamijiet ta' City and Guilds li m'humiex fil-matematika. F'dan l-istadju l-matematika tkun mgħallma biss bħala support għat-teorija. Għaldaqstant dawn l-istudenti mhux se jbatu minn dan in-nuqqas.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jkun daqstant ġentili u jgħid jekk persuna ta' 47 sena li għandu s-City and Guilds fil-woodwork u kors ta' welding mill-ETC u kors ta' handyman mill-ETC huwiex eliġibbli għal kors ta' sena fulltime fuq il-konservazzjoni u restawr ta' ġebel u metall mniedi miċ-Ċentru Malti għar-Restawr?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond ir-regolamenti tad-dħul ta' l-Istitut ta' l-Istudji fil-Konservazzjoni u Restawr fi ħdan iċ-Ċentru Malti għar-Restawr, kwalunkwe kandidat matur (jiġifieri li għandu l-fuq minn 23 sena) ikun eliġibbli għad-dħul fil-kors ta' sena full-time jekk jgħaddi mill-eżami tad-dħul li jinżamm apposta miċ-Ċentru. L-eżami għad-dħul jikkonsisti f'forma ta' aptitude test u huwa komuni ma' l-eżami tad-dħul tal-kors ta' erba' snin. Hemm ħsieb li dan it-tip ta' kors jiġi offrut ukoll in kooperazzjoni mal-kulleġġ vokazzjonali l-ġdid, iżda għadu mhux stabbilit jekk il-kors ta' sena jiftaħx f'Ottubru li ġej jew f'Ottubru 2001 u dan peress li meta l-kors kien offrut is-sena l-oħra dan ma fetaħx minħabba nuqqas ta' konkorrenza ta' studenti li ppreferew jidħlu għall-kors ta' 4 snin.
Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi mikrija mill-ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-karozzi mikrija mill-Ministeru għandhom aċċess għalihom u permess jużawhom dawk kollha li huma intitolati għal karozza tal-kiri, il-messaġġiera, u wkoll il-membri ta' l-istaff tal-Ministeru li jkun jeħtiġilhom joħroġu fuq xogħol barra l-Ministeru.