Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liċenzja tal-Mutur ‘A’ — applikazzjonijiet fl-uffiċċju ta’ Għawdex

Question

Peress li dawk li qed japplikaw għal-liċenzja tal-mutur A fl-uffiċċju ta’ Għawdex qed ikollhom ħafna diffikultajiet u qed jgħidulhom li l-applikazzjoni ma tistax tiġi pproċessata, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jiġri dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li, sa ġimgħa ilu, wieħed ma setax japplika għall-kategorija “A” jekk ma kienx fil-pussess tal-kategorija “A2” għal perjodu ta’ sentejn jew aktar. Għalhekk, kien hemm numru ta’ applikanti li kellhom l-applikazzjoni tagħhom li ma’ setgħetx tiġi pproċessata minn Transport Malta. Dan ir-regolament issa ġie mibdul permezz tal-Avviż Legali Numru 149 tal-2013 maħruġ fis-17 ta’ Mejju 2013, u li issa, fost oħrajn, jippermetti li applikant li għandu eta’ ta’ mill-anqas 24 sena jista’ japplika direttament mingħajr il-bżonn li jkollu l-kategorija “A2”. Dawk l-applikazzjonijiet pendenti issa se jinħadmu mill-aktar fis u l-applikanti ser jissejħu għat-test fi żmien 3 jew 4 ġimgħat.

Raħal Ġdid — proġett tal-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk hux se jkompli bil-pjan li kien hemm fil-leġiżlatura li għaddiet li l-Gvern jassisti lill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid jagħmel il-progett tal-pjazza ta’ Raħal Gdid?

Response (MIZZI, JOE)

It-taħdidiet bejn l-MRRA u l-Kunsill Lokali Paola taħt l-amministrazzjoni preċedenti baqghu ma ġewx konklużi. Bħalissa qed isiru konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex jiġu stabbiliti x’inhuma l-prijoritajiet ta’ kull kunsill.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kull kuntratt li l-Ministeru tiegħu kellu fis-seħħ fi Frar 2013, jekk kull kuntratt ingħatax b'direct order jew b'tender, min rebaħ kull kuntratt, kemm hija l-ispiża ta' kull kuntratt u meta jagħlaq kull kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Arriva — Ħinijiet tat-tluq

Question

Peress li l-Għawdxin li ta' kuljum jaqbdu l-vapur tal-5.00 a.m. lejn Malta qed ikollhom problemi bl-Arriva fis-sens li l-karozza tal-linja qed titlaq hekk kif appena n-nies ikunu neżlin minn fuq il-vapur u b'hekk mhux qed jilħquha u konsegwentement qed jaslu tard għax-xogħol, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata u riżolta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-problema qiegħda tiġi indirizzata bl-iskeda l-ġdida tas-sajf li tidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin. Dan huwa parti mill-eżerċizzju wiesgħa li qiegħed isir fir-rigward tat-trasport pubbliku.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — membri tal-bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Numru 1379

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — membri tal-bord - onorarja, allowances u perks

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairpersons fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1380.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – kuntratti ta’ security guards

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?

Response (MIZZI, JOE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bini tal-Parlament il-ġdid – xiri ta’ materjal

Question

Peress li persuni responsabbli mill-proġett tal-bini tal-Parlament stqarrew li nxtraw bosta affarijiet li se jintużaw għal dan il-bini, jista’ l-Ministru jgħid u jagħti d-dettalji ta’ x’inxtara s’issa, kemm ġew jiswew, kif ġew magħżula l-affarijiet u minn fejn inxtraw? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti u kemm ġew mixtrija b’direct order? X’għad fadal li għadhom ma nxtrawx? Fejn qed jinżammu l-affarijiet li ġew mixtrija diġà? Jista’ jgħid jekk il-kumpaniji li minn għandhom ġew mixtrija dawn l-affarijiet tħallsux diġà jew le?

Response (MIZZI, JOE)

L-affarijiet mixtrija qegħdin jinżammu fl-istores tal-kuntratturi rispettivi jew fi stores fuq is-sit sa kemm dawn jiġu nstallati. Għad baqa’ il-loose furniture x’tinxtara għall-Parlament, li l-istima taghha hija ta’ €450,000. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini tal-Parlament il-ġdid – akkomodazzjoni għall-ħaddiema barranin

Question

Peress li hemm numru ta’ persuni barranin li qed jaħdmu fuq is-sit tal-Parlament il-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk inkrewx xi postijiet sabiex dawn il-persuni joqogħdu fihom sakemm ikunu hawn Malta? Fejn jinsabu dawn il-postijiet, kemm hemm postijiet li qed jinkrew, kemm hija l-ispiża għal kull kirja u min qed iħallas għal dan?

Response (MIZZI, JOE)

Il-ħaddiema barranin fuq is-sit tal-proġett ta' Bieb il-Belt huma ngaġġati mill-kuntratturi rispettivi tagħhom.

Il-Belt Valletta — ditch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fid-ditch tad-daħla tal-Belt Valletta? Jikkonferma li dan ix-xogħol huwa parti mix-xogħol tal-bini tal-Parlament il-ġdid u allura l-ispiża tinsab fit-€80 miljun li suppost se jintefqu fuq dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol infrastrutturali fid-ditch huwa lest fil-maġġor parti tiegħu. Dan jinkludi reservoirs kbar li jiġbru l-ilma tax-xita biex jintuża bħala "second class water" fit-toilets kif ukoll għat-tisqija. Iżda baqa xogħol li huwa marbut mat-tisbieħ tal-foss, liema xogħol jirriżulta li jaqbeż il-budget stabilit u allura ġie mitlub budget addizzjonali lill-gvern biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitwettaq. L-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet tagħmel parti mit-80 miljun ewro għall-proġett tal-Belt Valletta.

L-Imsida – Pedestrian Crossing ħdejn l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra li jagħmel pedestrian crossing fil-forma ta’ overpass jew underpass ħdejn l-Università fejn ħafna studenti kif ukoll residenti li joqogħdu lejn l-inħawi tas-Swatar ikollhom jaqsmu l-bypass Triq Dun Karm għal Triq Mons. Carmelo Zammit fl-Imsida?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi tal-Università diġà teżisti underpass li tinsab taħt l-iskate park. Madanakollu Transport Malta lesta tikkunsidra mizuri varji mahsuba biex ikun hemm iktar sigurtà kemm ghall-istudenti tal-Università u kif ukoll ghar-residenti tas-Swatar.

Ħaddiema tax-Xatt — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1663, 1315, 581 u 116 li oriġinarjmanet saru lill-Ministru għall-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid jekk hux qed isiru diskussjonijiet fuq arretrati tal-ħaddiema tax-xatt?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 306, u ċioè li l-arretrati tal-ħaddiema tax-xatt huma s-suġġett ta’ erba’ kawżi miftuħa mill-ħaddiema tax-xatt, ħaddiema tax-xatt irtirati u werrieta tal-ħaddiema tax-xatt li kienu rtiraw.

Ex Ħaddiema tax-Xatt — ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ħa tkun solvuta l-kwistjoni ta' madwar 600 ex ħaddiema tax-xatt, li qed jippretendu li jitħallsu iktar minn €35 miljun f'arretrati u li l-Partit Laburista wiegħed li jsolvi appena jkun fil-Gvern wara li fl-aħħar xhur saru laqgħat bejnu u rappreżentanti tal-ex ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-arretrati tal-ħaddiema tax-xatt huma s-suġġett ta’ erba’ kawżi miftuħa mill-ħaddiema tax-xatt, ħaddiema tax-xatt irtirati u werrieta tal-ħaddiema tax-xatt li kienu rtiraw.

Iż-Żurrieq — Triq Fra Luka Zurki - culvert

Question

Peress li Triq Fra Luka Zurki fiż-Żurrieq f'tarf minnhom tagħlaq, u peress li l-qlib tal-ilma tax-xita jaqleb għall-parti tat-triq fejn tagħlaq, u peress li kellu jsir culvert tal-ilma ħalli l-ilma li jinġabar f'din it-triq jiġi jferra' ġo Triq Ġan Mari Zammit, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan il-culvert tal-ilma peress li kull darba li tagħmel ix-xita ssir ħsara lil diversi proprjetajiet li jinsabu f'din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proprjetà li minnha huwa propost l-culvert tal-ilma hija soġġetta għall-ordni mill-Qorti. Għaldaqstant, Transport Malta qed tinvestiga l-possibilità illi jintalbu l-permessi neċessarji mill-Qorti sabiex l-imsemmi xogħol ikun jista’ jsir.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati fis-segretarjati minn barra s-Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 728, dwar persuni impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku mas-segretarjat tal-Ministeru, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b'dawn id-dettalji: l-isem ta’ dawn l-individwi, il-kariga li qed jokkupaw, l-iskala tas-salarju tagħhom u l-impjieg preċedenti tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Fl-uffiċju tas-Segretarjat tal-Ministru hemm tlettax min-nies li m’humiex uffiċjali tas-Servizz Pubbliku.Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-bypass – applikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360 fejn saret referenza għall-PA 05852/96, tajjeb li l-Ministru jinnota li dak in-numru jikkorrispondi biss għall-żvilupp ta’ bini fi Triq Dun Xand Aquilina, Sannat. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid għal liema numru preċiż kien qed jirreferi, u nitolbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti relattivi għall-permess tal-ippjanar korrett li suppost irrefera għalih?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 1360, fejn in-numru tal-permess jgħid PA05852/06 u mhux PA05852/96.

Reserved parking – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1238, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ittra li skont l-Awtorità ma rċevietx, fil-fatt intbagħtet mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li din l-ittra saħansitra waslet fiż-żmien stipulat għand l-istess Awtorità? Apparti din l-ittra li skont l-Awtorità qatt ma rċeviet, jista’ jikkonferma li l-kunsill lokali kien kiteb tal-inqas f’żewġ okkażjonijiet oħra fejn informa lill-Awtorità li kellu jibqa’ kollox kif kien? Jista’ jikkonferma li kienet l-istess Awtorità fl-2006 li kienet identifikat il-post ta’ fejn kellha titpoġġa l-kaxxa tal-parkeġġ, fejn fil-fatt kien hemm l-istess kaxxa sa ftit jiem biss wara d-9 ta’ Marzu li għadda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1238, intqal li Transport Malta ma rċevietx risposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fiż-żmien stipulat fl-ittra maħruġa mill-Awtorita’ bid-data 31 ta’ Jannar 2013 u mhux kif qed jintqal mill-Onorevoli Interpellant f’din il-mistoqsija parlamentari. L-ittra tal-Awtorita’ kienet tgħid li l-kunsill kellu jirrispondi fi żmien tletin ġurnata kalendarja mid-data tal-ittra u li jekk l-Awtorita’ ma kinitx ser tirċievi tali risposta f’dan iż-żmien stipulat l-Awtorita’ kienet tifhem li l-kunsill ma kellu l-ebda oġġezzjoni li dan il-parkeġġ riservat jiċċaqlaq sabiex ikun konformi mal-polza tal-Awtorita’. Fil-fatt Transport Malta rċeviet ir-risposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bil-posta fil-11 ta’ Marzu 2013. L-Awtorita’ tikkonferma li għalkemm din infurmat lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li tali kaxxa ta’ parkeġġ riservat ma kinitx konformi mal-polza, il-kunsill informa lill-Awtorita’ li ma riedx iċaqlaq xejn fuq il-post b’ittra datata 20 ta’ Diċembru 2012.

Il-Belt Valletta – Funtana tat-Tritoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjan li ġie diskuss sabiex issir pjazza madwar il-funtana tat-Tritoni, il-Belt Valletta, hemmx il-ħtieġa li jiċċaqalqu xi siġar?

Response (MIZZI, JOE)

Skont diskussjonijiet li kienu saru għall-ħabta ta' Jannar 2013 mad-dirretoratt tal-ambjent, ġie stabbilit li numru ta' siġar (ficus nitida) li hemm bħalissa fuq is-sit huma viċin wisq it-tarf tal-foss u għaldaqstant ikun għaqli li dawn jiġu magħqluha u pjantati fil-foss.

Vetturi – reġistrazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi ġodda fl-ewwel erba’ xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn ġew reġistrati minn Maltin u kemm minn barranin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi, skont ir-records li għandha Transport Malta, l-ammont ta’ vetturi ġodda rreġistrati hawn Malta fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena huwa ta’ 2290. Transport Malta ma tagħmilx distinzzjoni dwar in-nazzjonalità tas-sid meta tirreġistra vettura. Skont informazzjoni meħuda mill-Karta ta’ l-Identità tas-sid huwa smat illi l-ammont ta’ vetturi rreġistrati lil dawk li l-aħħar ittra tal-Karta tal-Identità hija “M” jew “G” huwa ta’ 2172, filwaqt li għal dawk li l-aħħar ittra hija “A” jew “L” jew numru tal-passaport huwa ta’ 118.

Il-Belt Valletta – Putirjal — gabbani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal dawk il-gabbani li jinsabu madwar it-terminus ta' Putirjal, il-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Il-progett ta' bieb il-belt kien jinkludi l-bus terminus il-ġdid kif ukoll it-tisbieh tal-pjazza tat-tritoni. Bħalissa hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni tat-tieni parti tal-proġett tal-bus terminus. Din l-applikazzjoni tinkludi t-tneħħija tal-gabbani li hemm fl-entratura ta' bieb il-belt għal post iktar arkitetonikament aċċetabbli. It-tneħħija tal-gabbani kienet bdiet fl-amministrazzjoni preċedenti, b'taħdidiet li kienu saru mas-sidien u l-GRTU. Id-diskussjonijiet ikomplu kull fejn ikun hemm il-ħtieġa.