Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15349 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru tar-Restawr — Prospectus

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prospectus u kopja tas-sillabi ta' l-istudji li qed isiru fil-korsijiet differenti taċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr? Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-timetables tal-korsijiet differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #15463 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-Ingliż — Studenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14311, kif jipparaguna l-figura msemmija ma' dik ta' l-1996, 1997 u 1998? Kemm infetħu language schools fl-1999? Liema huma? Kemm minnhom għad m'għandhomx il-permessi meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li: a) Skond l-istatistika li għandha d-Diviżjoni ta' l- Edukazzjoni n-numru ta' studenti barranin li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż fis-snin indikati kien kif ġej: Sena Numru ta' Studenti 1996 27,158 1997 30,059 1998 27,995 1999 35,451 b) Fl-1999 dawn l-iskejjel li se nsemmi ngħataw liċenza biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin: * Burlington English Language School, St Julians; * Berlitz Language Centre, St Julians; * MUT Capital Language School, Valletta. c) Dawk l-iskejjel li bdew jiffunzjonaw fl-1999, jiġifieri dawk imsemmija f'b) kollha għandhom il-permessi meħtieġa.
Leg 9 PQ #15483 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-għalliema reġistrati part-time fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lil studenti barranin huma għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat tul is-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Monitoring Board imwaqqaf għall-Iskejjel li jgħallmu l-Ingliż joħroġ permess (EFL Permit) lil dawk l-applikanti kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti skond il-Legal Notice 60 ta' 1996 u kif emendati fil-L.N. 133 ta' 1999 indipendentement jekk jgħallmux fl-iskejjel ta' l-Istat jew le. Għaldaqstant billi ma jidħolx f'dan il-mertu l-Monitoring Board attwalment ma jżommx statistika dwar l-għadd ta' part-time teachers li jgħallmu kemm fl-iskejjel ta' l-Istat kif ukoll fl-iskejjel ta' l-Ingliż. Tlabt li t-tagħrif mitlub jiġi kompilat.
Leg 9 PQ #15496 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jgħid inbidilx is-syllabus ta' l-eżami għall-Junior Lyceum f'dawn l-aħħar snin? Jista' is-sillabu (tal-ħames suġġetti) għal din is-sena jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Syllabus ta' l-Eżami għall-Junior Lyceum inbidel f'Settembru ta' l-1997. Kopja tas-Sillabu għal din is-sena ser tingħata lill-Onorevoli Kollega.
Leg 9 PQ #15547 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Qormi — Triq Manwel Dimech - Subway

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ is-subway għal pubbliku min-naħa ta' l-iskola primarja fi Triq Manwel Dimech, Qormi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba li s-subway taqa' taħt ir-responsabilita` tagħhom, l-awtoritajiet ta' l-iskola Primarja 'B' fi Triq Manwel Dimech, Qormi, qed iżommuha miftuħa għall-istudenti tagħhom u l-pubbliku fil-ħinijiet u fil-ġranet li l-iskola tkun miftuħa. Barra dawn il-ħinijiet is-subway tinżamm magħluqa biex jiġu evitati abbużi. Dan kien ukoll il-parir li tawhom il-pulizija tad-distrett.
Leg 9 PQ #15587 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Weapons Advisory Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex maħtur uffiċjalment il-weapons advisory board? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid min huma l-membri, u jgħid ukoll jekk hux kollha ġew avżati bil-ħatra? Jekk il-board inħatar, jista' jgħid jekk iltaqax, u jekk le, jista' jgħid għaliex għadu ma ltaqax?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Weapons Advisory Board kien inħatar f'Novembru 1999. Il-membri kienu is-Sur Anthony Ghio (Chairman), is-Sur Michael Stroud (Membru) u P.S. Guido Agius (Membru). Wara din il-ħatra, id-Dipartiment ġie nfurmat li P.S. Guido Agius kien irriżenja mill-Korp tal-Pulizija. Għalhekk kellha tiġi identifikata persuna oħra bħala rappreżentant tal-Pulizija li huwa P.S. Jesmond Cassar. Is-Sur Cassar ġie nfurmat b'din il-ħatra.
Leg 9 PQ #15275 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Fra Diego Bonanno

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet meħtieġa fil-bini ta' l-iskola Fra Diego Bonanno tal-Marsa biex ma tibqax bis-saqaf iqattar u bil-ġir u l-ġebel nieżel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li qed isiru t-tħejjijiet biex kemm jista' jkun ix-xogħol meħtieġ isir fis-Sajf li ġej.
Leg 9 PQ #15276 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fra Diego Bonanno - Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-lift għall-iskola Fra Diego Bonanno tal-Marsa ilu minn Ottubru 1999 jistenna fil-bitħa biex jitwaħħal? Qed issir ħsara lil dan l-apparat mir-riħ u x-xemx? Meta se jitwaħħal il-lift?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta l-Unit għall-Aċċessibilita` tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija tat-Taqsima tax-Xogħlijiet rat il-possibilita` ta' l-istallazzjoni ta' "lift" fil-Kumpless Skolastiku tal-Marsa, ma kkunsidratx il-fattur tas-"supply" adegwat ta' l-elettriku li hemm bżonn fl-istess Kumpless. Bl-intervent tat-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, waqt li kienet qiegħda tagħmel "survey" tas-"supply" ta' l-elettriku fl-iskejjel in konnessjoni ma' l-introduzzjoni tal-"computers" fil-Klassijiet 5 u 6 tal-Primarja u fis-Sekondarji, ġiet a konoxxenza ta' dan il-problema. Fil-fatt b'ittra datata 15 ta' Marzu 1999 il-Korporazzjoni EneMalta ntalbet biex tipprovdi s-"supply" meħtieġ. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'ittra datata 26 ta' Lulju 1999 ġiet informata li biex il-Korporazzjoni EneMalta taqdi l-ħtiġijiet ta' l-elettriku ta' l-erba' skejjel f'dan il-Kumpless, kien meħtieġ il-bini ta' "sub-station". Għaldaqstant id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-12 ta' Ottubru 1999 issttomettiet din l-applikazzjoni għall-bini lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u ħallset lill-Korporazzjoni EneMalta għat-tagħmir tas-"sub-station". La darba joħroġ il-permess għall-bini tas-"sub-station" u din tinbena, il-Korporazzjoni EneMalta tqiegħed is-"switchgear" meħtieġ fiha u jsiru l-alterazzjonijiet strutturali fejn sejjer jitqiegħed il-"lift" u l-istess "lift" ikun jista' jiġi nstallat.
Leg 9 PQ #15320 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Eżamijiet tal-Matsec/degrees

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżamijiet tal-Matsec u d-degrees ta' l-Universita' ta' Malta hux se jkunu rikonoxxuti fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, jekk Malta ssir membru sħiħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' ma hemmx diffikultajiet biex ċertifikati ta' l-Universita` ta' Malta jkunu rikonoxxuti fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea. Aktar u aktar ma jkunx hemm diffikulta` meta Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni.
Leg 9 PQ #15323 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Parents' Day

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel sekondarji sejħu l-Parents' Day qabel ma saru l-eżamijiet ta' nofs is-sena u allura qabel ma' l-ġenituri ħadu r-riżultati? Għaliex sar dan? Il-Ministru jidhirlu li hi sistema tajba li l-Parents' Day issir qabel l-eżamijiet? Jekk iva, x'se jagħmel biex dan ma jibqax isir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel Sekondarji li sejħu Parents' Day qabel ma saru l-eżamijiet ta' nofs is-sena kienu dawn li ġejjin: Cospicua Girls' Secondary School Ħamrun Girls' Secondary School St Andrews Girls' Secondary School B'Bajda Girls' Secondary School Mrieħel Girls' Secondary School S'hurst Girls' Secondary School Samra Girls' Secondary School Rabat Girls' Secondary School Informat li l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel imsemmija ħasset illi iktar kien jaqbel li l-ġenituri jiltaqgħu ma' l-għalliema ta' wliedhom qabel l-eżamijiet ta' nofs is-sena sabiex dawn jingħataw informazzjoni dwar l-andament ta' wliedhom u jekk ikun il-każ tittieħed xi azzjoni korrettiva li jkun hemm bżonn qabel ma' t-tfal joqogħdu għall-eżami.
Leg 9 PQ #15325 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum Mrieħel

Question

Jaf il-Ministru li l-istudenti tal-Form IV li jattendu fil-Junior Lyceum ta' l-Imrieħel, damu sa Frar bla għalliem tar-reliġjon? Jaf li dawn l-istudenti ġew mitluba joqogħdu għall-eżamijiet ta' nofs is-sena, mingħajr ma kienu għamlu s-syllabus tas-suġġett imsemmi? Għalhekk jista' l-Ministru jgħid issa x'se jiġri mit-tagħlim li suppost ħadu dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm għal xi żmien ma kienx possibbli li tintbagħat teacher tar-Reliġjon, dawn l-istudenti kienu, permezz ta' arranġament intern, ikollhom lezzjoni fil-ġimgħa. Minn Jannar, minn meta intbagħatet għalliema sar kull sforz biex l-istudenti jirkupraw dak li tilfu. Fil-fatt kull mistoqsija fil-karta ta' l-eżami kienet ġiet ittrattatha fil-klassi.
Leg 9 PQ #15337 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji tal-gvern biex jiġi stmat x'effett għandu fuq il-ġenituri l-ħlas tal-miżati fl-iskejjel indipendenti? Kemm-il laqgħa saret bejn il-Ministru u/jew uffiċjali tiegħu u l-kapijiet ta' dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa saru żewġ laqgħat mal-mexxejja ta' l-iskejjel indipendenti. Matul din il-laqgħa ġew diskussi punti ta' interess komuni. L-istħarriġ tas-sitwazzjoni qiegħed fil-fażi tal-bidu.
Leg 9 PQ #15258 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet Sportivi — Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet jew clubs sportivi li ġiet mgħoddija lilhom proprjeta' pubblika b'titlu ta' ċens? X'inhija l-proprjeta' li ġiet mgħoddija lil kull waħda minn dawn l-għaqdiet jew clubs? Kemm hija l-kera li qed iħallsu dawn l-għaqdiet u l-clubs għall-użu ta' din il-proprjeta' separatament? Fuq liema kriterji ġew iffissati dawn il-kirjiet u jekk sarux diskussjonijiet qabel ma dawk konċernati, qabel ma dawn saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba għal domanda simili ngħatat f'risposta numru 8356. Informat ukoll li l-kirjiet proposti lill-klabb jew għaqdiet ġew imfassla fuq il-kirjiet adottati fir-Riżoluzzjoni Parlamentari ta' Ottubru 1997. L-Onor. Membru jaf ukoll li bħalissa dawn il-kuntratti, flimkien mal-kirjiet rispettivi qed jiġu diskussi ma' dawk l-għaqdiet jew klabbs konċernati.
Leg 9 PQ #15269 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Budget — Studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju min-naħa tal-Ministeru dwar kif il-miżuri mħabbra fil-budget 2000 irriżultaw fi tnaqqis fis-salarji ta' l-impjegati fil-qasam edukattiv? Jekk sar dan l-istudju, jista' jgħid b'kemm naqas is-salarju għal kull skala differenti ta' impjegati milquta?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru l-prattika f'Malta s'issa hi li l-effett ta' xi miżuri li jitħabbru fil-Budget jiġi evalwat minn mekkaniżmu stabbilit li jkejjel l-inflazzjoni a'bażi ta' Household Budgetary Survey, li jiġi aġġornat minn żmien għal żmien, u skond ir-riżultat jiġi stabbilit kumpens għall-għoli tal-ħajja b'Ordni Nazzjonali.
Leg 9 PQ #15272 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Twaħħil ta' apparat tal-mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema skejjel tal-gvern ingħataw permessi biex kumpanniji li joffru jew beħsiebhom joffru s-servizz tal-mobile phone iwaħħlu s-sistemi ta' trażmizzjoni tagħhom? Qabel jingħataw dawn il-permessi, l-awtoritajiet edukattivi nfurmaw irwieħhom li f'pajjiżi oħra l-kumpanniji ma tħallewx iwaħħlu apparat simili fl-iskejjel minħabba r-riskju tal-kanċer mir-radju attivita?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif dwar din il-Mistoqsija għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #15273 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Fra Diegu Bonanno

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu mill-Ministeru biex iwassal lill-kapijiet tal-kumpless edukattiv fejn hemm l-iskola primarja u l-iskola sekondarja (Fra Diego Bonanno) fil-Marsa biex jaqsmu bejniethom l-użu tas-sala bi qbil?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsilli Skolastiċi u l-Kapijiet ta' l-erba' skejjel fil-kumpless li jagħmlu użu mis-sala, cioe` Primary A, Primary B, Fra Diegu Bonanno u FX Attard (fejn tinsab is-sala), qatt ma rnexxielhom jaslu għal ftehim dwar kif għandu jinqasam l-użu, l-manteniment u l-amministrazzjoni tas-sala. Id-Diviżjoni kienet interveniet diversi drabi, bla suċċess, biex twassalhom għal ftehim. Tlabt lid-Diviżjoni biex tieħu l-inkarigu li tifformola ftehim li permezz tiegħu l-iskejjel kollha konċernati jibbenefikaw u jaqsmu l-ispejjeż tal-manteniment tas-sala.
Leg 9 PQ #15274 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa - Tniġġis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu matul din is-sena skolastika mill-Ministeru biex issir pressjoni fuq dawk li jmexxu l-power station u l-industriji li f'dawn l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Marsa biex jittaffa t-tniġġis fl-inħawi għax ċerti ġranet l-istudenti u l-istaff ma jkunux jistgħu jieħdu nifs?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull meta, matul din is-sena skolastika, l-awtoritajiet ta' l-iskejjel statali fil-Marsa rrapportaw li hemm tniġġis mill-power station u l-industriji ta' l-inħawi, dejjem mar fuq il-post l-Uffiċjal inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurta`, li flimkien ma' l-awtoritajiet skolastiċi, dejjem għamel rappreżentazzjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati biex l-inkonvenjent jiġi kkontrollat mill-aktar fis possibli. Fil-każ tal-power station, id-Diviżjoni għamlet talba lid-Diviżjoni ta' l-Ambjent biex tinstab soluzzjoni permanenti għad-dħaħen li jipproduċi dan l-impjant.
Leg 9 PQ #15317 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ritratti

Question

Ma jidhirlux l-Ministru li għandu jkun hemm policy dwar ir-ritratti li qed jittieħdu ta' spiss wisq f'ċerti skejjel minn fotografi kummerċjali, fejn l-istudenti qed iħallsu madwar Lm2.50c għal sett ritratti, bil-konsegwenzi illi l-ġenituri qed jiddaħħlu f'ċerti spejjeż bla bżonn?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li din hija materja li tiġi deċiża mill-Kap ta' l-Iskola u mill-Kunsill ta' l-Iskola, naqbel li wieħed għandu jkun sensittiv ħafna għall-mezzi tal-familji li jibgħatu l-uliedhom fl-iskola.
Leg 9 PQ #15319 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Minimu Nazzjonali

Question

Peress li issa bis-saħħa tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali se jidħol il-co-ordinated science, jista' l-Ministru jara x'se jiġri mill-għalliema li kienu jgħallmu l-Fiżika, l-Bioloġija u l-Kimika? Kif se jiġi assigurat li l-aktar għalliema adatti se jgħallmu s-suġġett relevanti? X'se jiġri mill-istudenti fl-aħħar klassijiet tas-sekondarja li se jersqu għall-eżamijiet tal-MATSEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, f'paġna 81, b'refernza għax-Xjenza Koordinata jgħid li biex il-pass ta' l-introduzzjoni tax-Xjenza Koordinata jirnexxi, "l-istituzzjonijiet post-sekondarji u l-Universita` ta' Malta jridu jirreformaw il-progrmmi tagħhom. Sakemm il-ftehim isir realta` konkreta, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni se tibqa' tħaddem is-sistema ta' speċjalizzazzjoni fix-xjenza mit-tielet sena tal-livell sekondarju". Għalhekk mhux se jkun hemm studenti fl-aħħar klassijiet tas-sekondarja li jersqu għall-eżamijiet tal-MATSEC qabel ma' dawn l-eżamijiet tal-MATSEC kif ukoll il-kwalifiċi meħtieġa għad-dħul fil-korsijiet fl-Universita` jkunu qegħdin fuq din il-linja. Id-Diviżjoni qegħda taħseb ukoll għat-taħriġ meħtieġ għall-għalliema biex jgħallmu dan is-suġġett u dan ikun miftuħ ukoll għal min issa qed jgħallem il-Fiżika, il-Bijoloġija u l-Kimika.
Leg 9 PQ #15423 Sitting 278 2000-04-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Pixxina Nazzjonali humiex isiru bil-permessi meħtieġa jew le? Jista' jgħid x'xogħlijiet qed isiru? Liema huma dawk ix-xogħlijiet li għandhom bżonn permess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħlijiet li qed isiru fil-Pixxina Nazzjonali huma: * Manutenzjoni ta' bini/faċilitajiet eżistenti * Tlestija ta' struttri eżistenti fi Blokk 'A' biex jiġu provduti uffiċċji għall-Kumitat Olimpiku Malti * Tlestija ta' sular intermedju * Stallazzjoni ta' servizzi fl-East Block * Tlestija ta' fitness centre fil-post fejn kien hemm uffiċini ta' l-A.S.A. Informat ukoll li l-applikazzjonijiet għall-permessi meħtieġa ġew sottomessi lill-Awtoritajiet kompetenti.