Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab informat li mill-2004 sal-lum l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ingħatat xogħol ta’ konsulenza għall-valur globali ta’ €333,197.89. Dan ix-xogħol kien maqsum lill-ex ADT sas-sena 2009 u li-Transport Malta mill-2010 sa 2012. Fir-rigward ta’ Transport Malta, ninsab infurmat li l-kumpanija kienet ġiet appuntata mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Rigward ix-xogħol li ngħata qabel, ninsab infurmat li m’hemmx informazzjoni jekk ix-xogħol ingħatax b’tender jew direct order. Sena b’sena ix-xogħol u il-Valur kien maqsum kif ġej Ex-ADT Sena Valur 2004 Informazzjoni mhux disponibbli 2005 € 12,368.97 2006 € 20,357.72 2007 € 20,614.95 2008 € 13,743.30 2009 € 40,462.20 Transport Malta Sena Valur 2010 € 131,504.45 2011 € 40,857.50 2012 € 53,288.80

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 345 u jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (MIZZI, JOE)

Tweġiba tinghata f’xi seduta oħra meta tinġabar l-informazzjoni kollha.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — inventarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jista' jgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Mal-Ħatra tal-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura kien hemm inventarju tal-Ex Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Dan l-inventarju kien jinkludi biss għamara tal-uffiċini flimkien ma’ inkwatri, settijiet tat-telefon u settijiet tat-televiżjoni.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — il-Mellieħa - Xogħlijiet fuq roundabouts u soft areas

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni dwar meta se jsir ix-xogħol fuq ir-roundabouts u soft areas li hemm fit-toroq li saru b'kofinanzjament tal-Unjoni Ewropea u li jwasslu mill-Mellieħa sal-Għadira u mill-Għadira saċ-Ċirkewwa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tħawwil tal-pjanti ġewwa s-soft areas li hemm fi Triq il-Marfa beda u se jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li dak fil-bypass tal-Mellieħa se jibda dalwaqt.

Il-Marsa — Triq Diċembru 13

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1368 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hi mistennija li titlesta Triq Diċembru 13, ġewwa l-Marsa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proġett ta’ Triq Diċembru 13 li kien beda f’Novembru 2011, twaqqaf mill-Gvern preċedenti f’Novembru 2012 u pposponih għal Marzu 2013. Dan ifisser li x-xogħol fuq din it-triq twaqqaf għal 4 xhur. B’ konsegwenza ta’ dan, 5.5 miljun ewro kienu fil-periklu li jintilfu għaliex ma sarx progress kif kien ippjanat minn qabel fuq ix-xogħlijiet infrastrutturali u b’ hekk ix-xogħol fuq din it-triq waqa’ lura. Il-Gvern il-ġdid minnufiħ ħa passi biex ix-xogħol jerġa jibda. Il-proġett ta’ Triq Diċembru 13 hu mistenni li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2014.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – kuntratti ta’ security guards

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li hemm kuntratt wieħed ta’ servizz ta’ sigurta’ma Global Security Service li r-rata kompluta fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT. Dan il-kuntratt li sar minn Transport Malta, beda fit-22 ta’ Frar 2013 u huwa validu għal perjodu ta’ sena. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-impenn tal-Gvern kontra x-xogħol prekarju jibqa dejjem wieħed assolut. Il-Gvern jemmen li x-xogħol prekarju waqt li jċaħħad lill-ħaddiema mid-dinjita tagħhom, la jagħmel ġid lil min iħaddem u lanqas lill-ekonomija. Il-kwistjoni tax-xogħol prekarju kienet diskussa fuq livell ta’ Kabinett. Ġie maqbul li jitressaq Pjan ta' Azzjoni quddiem l-MCESD għad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali, biex eventwalment ikun ipprezentat pjan t’azzjoni finali.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — transfers tal-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-12 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni dettaljata dwar min kienu l-persuni milquta, il-postijiet minn u fejn imxew, u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Peres li l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ma għadux jinkludi fih l-Agrikoltura u l-Ambjent ( Ex-MRRA ), kellu jsir eżerċizzju biex impjegati li kienu jagħmlu xogħol relatat jintbagħtu fl-entità rispettiva tagħhom. Dan l-eżerċizzju kien jinvolvi ċ-ċaqliq ta’ 74 ħaddiem. Minn dawn 64 saru bi qbil bejn l-impjegati u l-Ministeru/Entità. L-ghaxra l-oħra seħħew minħabba li n-natura tax-xogħol tagħhom kienet taqa’ taħt id-dekasteru l-ġdid.

Trasport Pubbliku — ilmenti

Question

Issa li għalaq iż-żmien li fihom setgħu jintbagħtu l-ilmenti dwar it-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm minn 3,500 ilment kienu dwar trasport pubbliku f'Għawdex? Jista' jagħti lista tat-tip ta' lment li kien hemm fuq it-trasport f'Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Transport Malta rċeviet total ta’ 28 suġġeriment u/jew lment mill-pubbliku kif ukoll minn entitajiet diversi fir-rigward tas-servizz tat-transport pubbliku li jikkonċerna lil Għawdex. Lista ta’ dawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Matul il-ġimgha li għaddiet saru laqgħat mal-Kunsilli Lokali ta’ Ghawdex fejn ġew elenkati xi problemi relatati mat-trasport pubbliku.

TRASPORT PUBBLIKU — bendy buses

Question

Billi riċentement saru diversi dikjarazzjonijiet dwar it-tneħħija tal-bendy buses minn fuq ċerti rotot tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mir-rotot eżistenti hu mistenni li jiġu affettwati b'dawn id-deċiżjonijiet? Meta mistenni jidħol fis-seħħ it-tibdil indikat?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1239, u ċioe` li d-deċiżjoni fir-rigward ta’ liema rotot, kif ukoll iż-żmien meta sejrin jitneħħew il-bendy buses għadha fil-proċess li tittieħed wara li issir analiżi kompleta u dettaljata tas-suġġerimenti u l-ilmenti illi tressqu lil Transport Malta permezz tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll minn laqgħat mal-Kunsilli Lokali .

TRANSPORT MALTA – REĠISTRAZZJONI TA’ VETTURI

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi, kemm ġodda kif ukoll second hand, separatament, li ġew reġistrati ma' Transport Malta, kull xahar bejn Jannar 2008 u Diċembru 2011? Kemm minn dawn il-vetturi huma intitolati li jingħataw lura rifużjoni, kif propost mill-gvern preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' vetturi, kemm ġodda kif ukoll second hand, li ġew reġistrati ma' Transport Malta, kull xahar bejn Jannar 2008 u Diċembru 2011 qegħdin jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija 1946.

REĠISTRAZZJONI TA’ VETTURI — RIFUŻJONIJIET

Question

Billi saru diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-fatt li dawk li xtraw vetturi kienu se jingħataw lura l-ħlas imsejjaħ żejjed li kienu ħallsu meta rreġistraw il-vettura tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ persuni li rreġistraw il-vetturi tagħhom fiż-żmien imsemmi u li huma intitolati li jieħdu rifużjoni ta' dak li tħallas żejjed?

Response (MIZZI, JOE)

Il-flus imħallsa f’VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi huma flus imċaħħda lill-Maltin u lill-Għawdxin. L-impenn tal-Gvern għadu dak li l-konsumaturi milquta jingħataw rimedju. Il-Gvern bħalissa għaddej b’xogħol tekniku biex iżomm dan l-impenn.

Terminal taċ-Ċirkewwa — Litter Bins

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu stallati litter bins fit-terminal il-ġdid taċ-Ċirkewwa u l-madwar tiegħu minħabba li dan in-nuqqas qiegħed iwwassal għal ħafna skart imxerred ma' kullimkien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminal il-ġdid taċ-Ċirkewwa huwa r-responsabbiltà tal-Gozo Channel. Rigward litter bins fil-madwar tat-terminal ninforma lill-Onor. Interpellant li ittieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment sabiex dawn jiġu stallati.

Is-Siġġiewi – xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali fis-Siġġiewi li se jsiru minn fondi nazzjonali jew Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-unika triq arterjali fil-konfini tas-Siġġiewi hija Triq is-Siġġiewi. Din it-triq inbniet mill-ġdid inqas minn għaxar snin ilu bħala parti mill-proġett finanzjat mill-Protokol Taljan.

Ħal Luqa – xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali f'Ħal Luqa li se jsiru minn fondi nazzjonali jew Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir eżerċizzju dwar toroq ġodda u manutenzjoni ta’ toroq oħra.

Ħal Qormi – xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali f'Ħal Qormi li se jsiru minn fondi nazzjonali jew Ewropej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir eżerċizzju dwar toroq ġodda u manutenzjoni ta’ toroq oħra.

Kappara — proġett

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta dettaljata tal-proġett tal-Kappara hekk kif qed jiġi propost minn Transport Malta? Jekk hemm stabilit xi timeframes tal-proġett, kemm ġejja l-ispiża, kif se jiġi ffinanzjat u saru konsultazzjonijiet mal- persons of interest ? Jekk fl-affermativ ma' min kellu dawn id-diskuzzjonijiet? Ir-residenti tal-inħawi ġew konsultati? Meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Transport Malta qed tħejji l-pjanti biex tippreżentahom lill-MEPA fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn il-pjanti għadhom qed jiġu finaliżżati u ser jinkludu il-bini ta’ overpass fuq l-ispazju tal-junction eżistenti. Qed isiru wkoll studji biex tiġi mfassla l-junction ta’ taħt l-istess overpass. Dan il-proġett qed jingħata prijorita’ u l-pjan huwa li x-xogħol jinbeda s-sena d-dieħla, jekk ma jinqalgħux diffikultajiet li sa issa mhux previsti. Ninsab infurmat ukoll illi waqt il-proċess tal-applikazzjoni tal-MEPA saru diversi konsultazzjonijiet dwar dan il-proġett ma’ diversi mir-residenti tal-inħawi. Fl-aħħar ġranet saru wkoll laqgħat ma’ żewġ Kunsilli Lokali tal-inħawi u ma’ rappreżentant tan-Nature Trust. Minbarra hekk qed jiġu ppjanati serje` ta’ laqgħat ma’ residenti li talbu li jiltaqgħu ma’ Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xiri u kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?

Response (MIZZI, JOE)

Il-karozza hi propjetà tal-Gvern. Għalhekk ma kienx hemm għalfejn tinkera karozza.

Għawdex – In-Nadur – Triq ir-Ramla- asfaltar

Question

Peress li r-residenti ta’ Triq Ramla in-Nadur, liema triq mhux dik li tieħu għar-Ramla imma li tmiss ma’ Triq Binġemma u hija parti mill-housing estate, ripetutament jilmentaw bl-istat ħażin tat-triq u hemm ħofor fondi, jista’ l-Ministru jara li titqaxxar l-art fejn hemm dawn il-ħofor u tiġi asfaltata dik il-parti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija taqa` taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Tiftix għaż-żejt — interess minn kumpaniji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29, jista' l-Ministru jgħid min qed imexxi dawn il-laqgħat mal-kumpaniji taż-żejt interessati?

Response (MIZZI, JOE)

Il-laqgħat qed jitmexxew mid-Direttur Ġenerali tal-Continental Shelf Department flimkien mal-Ministru.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – ingaġġ ta’ kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-ingaġġ ta’ kap għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini? Jekk iva min se jkun il-kap? X’se tkun ir-remunerazzjoni li se tingħata lil dan il-kap? X’forma ta’ kuntratt se jkun hemm, definit jew indefinit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-post vakant għall-ingaġġ ta’ Kap għall-Uffiċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini issa ġie mimli skont ir-direzzjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.