Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-bord ta' l-appelli (promozzjonijiet) fil-Maltacom plc kemm wara l-protesta u l-petizzjoni li xi mpjegati kienu ressqu lill-istess Ministru u kemm wara diversi rapporti li dehru fil-media? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord, jekk il-bord hux qed jiltaqa' u jekk le, għaliex u jekk hux qed jisma' l-appelli mressqa u jekk le, meta beħsiebu jibda jismagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4663 magħmula mill-istess Interpellant fuq l-istess suġġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-bord ta' l-intervisti wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilita' u mertu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4662 li hija identika għal din magħmula mill-istess Interpellant.
Jista' l-Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentaru numru 4667?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sa l-aħħar ta' Mejju l-Enemalta pprogrammat li fl-Imġar jitwaħħlu 19-il lampa ġdida u fil-Mellieħa 8; filwaqt li minħabba vultaġġ baxx ser jinbidlu 42 arblu fir-Rabat, 15 fl-Imġarr u 2 f'San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jgħid liema boards ta' korporazzjonijiet jew aġenziji tal-gvern inħatru tul ix-xahar ta' Frar? Minn min huma komposti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul ix-xahar ta' Frar ġie appuntat il-Board tad-Diretturi tal-Maltapost plc. Dan huwa kompost miċ-Chairman is-Sur Frank Dimech u mid-Diretturi s-Sinjuri Anthony Debono, Paula Ganado, Dr. Joseph P. Farrugia, Joseph Farrugia. George Gatt u Tony Meilaq.
Jikkonferma l-Ministru li konsulent tal-ministeru tiegħu qed iservi wkoll ta' Deputy Chairman tal-MDC? Jekk iva, x'inhuwa il-ħlas li qed jieħu miż-żewġ karigi? Billi huwa mifhum li din il-persuna taħdem wkoll fis-settur privat, kemm hi obbligata li tqatta' ħin fil-ġimgħa fil-ministeru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet konsulent fil-Ministeru tiegħi bejn il-15 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 1998. Fil-preżent din il-persuna qed tirċievi remunerazzjoni ta' Lm1500 fis-sena kif jirċievu d-diretturi l-oħra ta' l-MDC. Naturalment la d-Deputat Chairman ta'l-MDC mhuwiex konsulent fil-Ministeru ma għandu l-ebda obbligu li jagħmel xi ħin fil-Ministeru.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sitwazzjoni ta' l-availability space area li għandha f'idejha l-MDC għal skop ta' ħażna jew operat industrijali?
X'inhi l-pożizzjoni attwali ta' Ħal-Far vis-a-vis l-MDC? Għaliex postijiet f'Ħal Far jinsabu mitluqa u abbandunati meta jistgħu jintużaw b'mod ekonomiku aħjar? Liema minn din l-area f'Ħal Far hija taħt ir-responsabbilta' ta' l-MDC?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-availability space area tinbidel minn żmien għal żmien.
250-500 1000-1500 2000-3000 UFFIĊINI
Malta 4 1 3 4
Għawdex 1 - - 3
Ser ikun hemm ukoll 38 fabbrika ta' 100 metru kwadru ġewwa Malta li ser ikunu amministrati mill-IPSE bħala Business Incubation Units.
Fil-preżent l-MDC għandha wkoll numru ta' fabbriki vojta li huma allokati lill-investituri ġodda. F'xi fabbriki minn dawn qed isir xogħol ta' refurbishing biex dawn il-fabbriki jibdew joperaw.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Qasam Industrijali ta' Ħal-Far m'hemmx postijiet tal-MDC li huma abbandunati. Hemm xi postijiet vojta li huma allokati jew earmarked fejn xogħol ta' 'refurbishment' qed isir jew mistenni jibda dalwaqt mill-MDC jew mill-okkupant innifsu. Xi wħud minn dawn il-postijiet ġew lura f'idejn l-MDC wara proċeduri li ttieħdu fix-xhur li għaddew. L-MDC għandha post ġewwa Ħal Far li tużah bħala maħżen. L-area li hija amministrata mill-MDC ġewwa Ħal Far hija dik li għaddiet għand il-Korporazzjoni permezz ta' l-Avviż Legali numru 67 tal-1993.
Jista' l-Ministru jgħid kif fi Triq San Mark u Irish Street f'Bormla ma sarux lampi fihom? Peress li dawn ġew rapportati kemm-il darba u għadu ma sar xejn, jista' l-Ministru jara għalfejn dan id-dewmien peress li r-residenti ta' dawn it-toroq huma anzjani u għandhom ħafna taraġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultax li hemm pendenti talbiet għal lampi ġodda fit-toroq imsemmija. Rigward ħsarat, il-manutenzjoni meħtieġa saret fl-10 ta' Marzu 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li interviews li kellhom isiru biex jidħlu nies fil-Freeport f'Marzu, 1999 tħassru? Kemm kien hemm ħsieb li jidħlu ħaddiema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intervisti li għalihom qed jirreferi ma ġewx imħassra iżda posposti.
Ma naħsibx li f'dan l-istadju wieħed għandu jagħti dettalji dwar numru ta' ħaddiema meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati persuni fil-Management Team tal-Malta Shipbuilding mill-5 ta' Settembru, 'il hawn? Jekk iva, x'tip ta' xogħol jagħmlu u kemm qed jitħallsu kull wieħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mill-5 ta' Settembru 1998 ġew impjegati tlett uffiċjali maniġerjali fuq bażi ta' kuntratt definit għal tlett snin. Dawn l-uffiċjali huma l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni li għandu salarju ta' Lm26,000; l-Uffiċjal Eżekuttiv għar-Riżorsi Umani li għandu salarju ta' Lm18,000 u l-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Finanzi li għandu salarju ta' Lm12,000 u Lm2,000 bħala rimborż ta' spejjeż. Din l-iskala ta' salarji hija l-istess waħda li l-MIMCOL kienet iddiskutiet u rrakkomandat lill-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-agreement li għamel l-ex-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta għax-xiri ta' żejt b'kuntratt għal sena?
Il-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta kien jaf u approva dan l-agreement?
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi salesman jew broker li rrakkmanda dan l-agreement u jekk iva, min kienet din il-persuna jew kumpannija?
Kemm tħallset senserija fuq dan l-agreement u min ħadha?
X'informazzjoni aktar jista'jagħti l-Ministru lill-poplu Maltin dwar dan l-agreement li se jiswa aktar minn 12m dollaru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ma' din l-informazzjoni hemm inkluża dettalji dwar 'Fixed Price', 'Floating Price' u l-ammont dovut għax-xahar ta' Frar 1999.
Il-Bord kien ta l-approvazzjoni biex iċ-Chairman jinnegozjadawn il-kuntratti.
L-Enemalta ttrattat ma' bank barrani dwar dawn il-kuntratti. Il-bank kien rappreżentat minn ditta ta' avukati f'Malta biex sar il-kuntratt, iżda n-negozjati dwar prezzijiet saru dirett mal-bank.
Il-Korporazzjoni ma ħallset l-ebda senserija.
L-ammont ta' 12-il miljun dollaru huwa maħdum fuq il-prezzijiet ta' bħalissa. Għalkemm il-ħlasijiet isiru kull xahar, l-ammont finali jkun magħruf biss meta tgħaddi s-sena kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħtieġa li jiġu mpjegati air hostesses ġodda mal-kumpannija Air Malta fiż-żmien li ġej? Jekk fl-affermattiv, meta se toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet u x'se jkunu l-pre requisites għar-rigward ta' eta' u kwalifiki? Meta daħlu l-aħħar full time air hostesses? Kemm daħlu u xi kwalifiki kellhom f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalma tagħmel kull sena, l-Air Malta bħalissa għaddejja bil-proċess ta' reklutaġġ ta' Air Hostesses fuq bażi temporanja biex tkun tista' tlaħħaq maż-żieda fit-traffiku matul ix-xhur tas-Sajf. Għal dan il-għan saret talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u qegħdin isiru l-intervisti tal-kandidati mibgħuta mill-Korporazzjoni.
Ġeneralment il-Kwalifiki huma dawk li jintalbu s-soltu, jiġifieri eta` minima ta' 18-il sena u 5 passes fil-Livell Ordinarju jew Matsec.
L-aħħar ingaġġ ta' 15-il Air Hostess fuq bażi regolari sar fl-1 ta' Frar 1997. Dawn l-Air Hostesses qabel kienu mpjegati fuq bażi part-time. Il-kwalifiki mitluba meta sar dan l-ingaġġ kienu l-istess bħal dawk imsemmija aktar il-fuq.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4292, jista'l-Ministru jgħid x'tip ta'xogħol qegħdin jagħmlu t-tliet persuni li huma sekondati mal-Kalaxlokk mid-dipartimenti/korporazzjonijiet tal-Gvern?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tlett persuni li bħalissa huma sekondati mal-Kalaxlokk huma okkupati kif ġej:
1. wieħed huwa nkarigat mis-superviżjoni tal-ħaddiema tal-Kumpanija li
bħalissa qed jagħmlu xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit tal-Hilton.
2. wieħed huwa l-uniku surveyor li fadlilha l-Kumpanijia u jagħti
s-servizzi tiegħu fid-diversi xogħolijiet li l-istess kumpanija għandha
bħalissa.
3. wieħed huwa nkarigat mit-tmexxija tad-drawing office tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq San Ġużepp, il-Ħamrun saru lampi ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq minflok dawk li hemm imdendla f'nofs it-triq? Kien ikkonsultat il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qabel ma nbeda x-xogħol? Għaliex it-tqegħid ta' dawn il-lampi waqaf mal-konfini tal-Ħamrun u ma baqax tiela' fil-konfini ta' Santa Venera meta t-triq hi waħda u meta l-istess kunsilli lokali f'dak li hu riabilitazzjoni ta' Triq San Ġużepp qed jipprovaw jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi tagħhom? Jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol jitkompla minnufih għal parti ta' Triq San Ġużepp li tagħmel ma' Santa Venera?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il lampa ġdida tqegħdet f'Santa Venera, sena b'sena mill-1994 sa l-aħħar tas-sena li għaddiet? F'liema toroq tqiegħdu? Liema lampi saru fuq talbiet tal-kunsill lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduata oħra.