Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi – zuntier — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk għandux il-ħsieb li jsir xogħol ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-knisja arċipretali tas-Siġġiewi? Jekk iva, meta huma mistenni li jinbeda dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li ninforma lill-Onor Interpellant li qed jitħejja pjan ta’ ħidma għall- 5 snin li ġejjin, ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li qatt ma saret talba biex isir tali restawr.

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq ġonna/spazji pubbliċi

Question

Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1842 intqal li ħaddiema tal-ministeru wettqu xogħol fuq ġonna/spazji pubbliċi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet li saru f’din il-lokalità mill-ħaddiema tal-ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema kienu l-inħawi li fihom saru dawn ix-xogħlijiet? Kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li saru dawn ix-xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Ministeru fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar: Xemxija promenade : Żebgħa ta’ railings u ta’ benches tal-injam Ta’ l’Ghasselin : Żebgha ta’ railings u ta’ benches tal-injam Dawret il-Gżejjer : Żebgha ta’ concrete bolards u żebgħa ta’ railings Pjazza ta’ Bugibba : Xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-paviment Twaħħil ta’ gradilji ta’ culverts Kisi u tibjid tal-kolonni tal-istruttura tal-injam Żebgħa tax- shed tal-injam Area vicin il-Fun Park : Art tal-konkos quddiem il- garages ta’ viċin Xogħlijiet ta’ tiswija fil-Fun Park Area ta-‘Dolmen’ : Żebgħa ta’ railings u ta’ benches tal-injam Żebgħa ta’ concrete bolards Sa l-ahhar tlett snin il costings globali ta’ dawn ix-xogholijiet huma: Sena 2011 EUR 73, 454.88 Materjal, Labour u Makkinarju Sena 2012 EUR 38,782.15 Materjal, Labour u Makkinarju Sena 2013 EUR 48,492.72 Materjal, Labour u Makkinarju (sa issa) TOTALI EUR 160,729.75

Kunsilli lokali – laqgħat dwar it-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-laqgħat li saru mal-kunsilli lokali għal dak li jikkonċerna r-riforma tat-trasport pubbliku, u ma’ liema kunsilli saru dawn il-laqgħat? X’ħareġ minn dawn il-laqgħat? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali wasslu s-suġġerimenti tagħhom? Jista’ jagħti dettalji ta’ x’kienu dawn is-suġġerimenti mill-kunsilli lokali differenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Onor. Joe Mizzi ltaqa’ mal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, inkluż dawk Għawdxin u matul dawn il-laqgħat, saret konsultazzjoni dwar il-materji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu. Dwar dak li jikkonċerna r-riforma tat-trasport pubbliku, ħareġ ċar li minkejja li r-riforma kienet meħtieġa, inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u r-riforma ġiet implimentata b’mod mgħaġġla wisq, tant li din ma ħallietx ir-rizultat mixtieq mill-poplu u l-poplu għadu jbghati l-konsegwenzi sal-lum. Kienu l-Kunsilli Lokali kollha li wasslu s-suġġerimenti tagħhom dwar kif is-servizz jista’ jitjieb, fosthom biex il-karozzi tal-linja jkunu aktar frekwenti, biex iżommu l-ħin u biex ikun hemm servizz aħjar lejn l-Isptar Mater Dei u biex ikun servizz li jaqdi aħjar lill-anzjani.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — kiri ta' vetturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 57, u peress li fit-tweġiba supplementari fl-istess seduta l-Ministru qal li l-kiri taż-żewġ vetturi qed isir bir-rata ta' €8.75 kuljum, jista' jgħid: a) minn min qed jinkrew; u b) min hu intitolat juża dawn il-vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Iż-żewġ karozzi li l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għandu mikrijin, ġew mikrija mingħand Burmarrad Commercials Ltd permezz ta’ kuntratt li sar f’ Ottubru 2012 marbut għal tlett snin. Dawn il-karozzi qed jintużaw mic-Chief of Staff u Private Secretary fl-istess Ministeru, li huma ntitolati li jużaw dawn il-vetturi skont l-“Engagement of staff for Minister’s Secretariats – March 2013”

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — informazzjoni dwar vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?

Response (MIZZI, JOE)

Peres li ma kienx hemm informazzjoni sodisfaċenti, sar eżerċizzju fejn instabu xi vetturi li ma kienux qed jiġu utilizzati kif suppost u xi wħud minnhom ma kienux f’ kundizzjoni kif wieħed jixtieq. Għaldaqstant ittieħdu l-passi neċessarji.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta u l-entitajiet ta’ qabilha (ADT, MMA, DCA), ix-xogħol ta’ konsulenza li ngħata lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament huwa miġbur fl-istess kont taħt l-isem ta’ kumpanija li l-isem tagħha ukoll ngħata separatament f’ mistoqsija parlamentari numru 2076. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2076.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-bypass – applikazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1675 il-Gvern se jimxi mal-pjanti approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-2009 fil-permess tal-ippjanar PA05852/06 jew se jemenda l-pjanti u jissottometti applikazzjoni ġdida bi pjanti ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq proposta emendata biex tnaqqas l-inkonvenjent lil kull minn se juża’ dan il-footbridge. Bil-kontra tal-gvern preċedenti, l-gvern preżenti se jagħti prijorità assoluta lis-sigurtà tar-residenti li jgħixu fiż-żona in kwistjoni u għalekk se jżomm mal-impenn tiegħu li joffri soluzzjoni għall-problema li sfortunatament kienet injorata għal snin sħaħ, minkejja li seħħew inċidenti fatali.

European Regulation on Ship Recycling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti rigward il-proposti tal-NGO Ship-breaking Platform (NGO Platform) u l-European Environmental Bureau (EEB) fil-konfront tal-European Regulation on Ship Recycling?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokument illi jinkudi informazzjoni rigward il-proposti tal- NGO Ship-breaking Platform (NGO Platform) u l-pożizzjoni tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta fir-rigward ta’ dawn il-proposti.

Vapuri smantellati

Question

Kemm hu stmat li vapuri li kienu jġorru l-bandiera Maltija fl-aħħar sena intbagħtu biex jiġu smantellati (shipbreaked)? Jista’ jgħid jekk Transport Malta żżommx record ta’ fejn dawn ikunu ntbagħtu biex jiġu smantellati?

Response (MIZZI, JOE)

Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta ma jżommx rekords uffiċjali dwar bastimenti li jintbagħtu biex jiġu żmantellati. Tajjeb li wieħed jinnota li ħafna drabi bastimenti jiġu mibjugħa qabel ma dawn jintbagħtu biex jiġu żmantellati u għalhekk ma jkunux qed itajru bandiera Maltija minħabba li s-sid ma jkunx eliġibli biex jirreġistra bastimenti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.

Ministru għat-Trasport u Infrastruttura — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura żar il-Kunsilli Lokali kollha esklussivament biex jara fejn jista’ jkun ta’ għajnuna u servizz fil-proġetti u xogħol li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu. F’dawn iż-żjarat qatt ma ġie diskuss xejn rigward servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali.

L-Imġarr — Triq Sir Temi Zammit - Pelican Lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mit-talba li tressqet mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr bir-referenza tagħha qed tingħata separatament, għat-twaħħil ta' pelican lights fil-parti t'isfel tat-Triq Sir Temi Zammit, iż-Żebbiegħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Transport Malta ma hemm l-ebda talba pendenti għal pelican crossing fi Triq Sir Temi Zammit, Żebbiegħ/Imġarr.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li permezz ta’policy tar-rilaxx ta’ uffiċjali pubbliċi ma’ xi organiżżazzjoni volontarja, bħalissa hemm ħames persuni mill-Ministeru li huma fuq leave bi ħlas ma’ xi organiżżazzjoni volontarja. Hemm żewġt impjegati oħra minn Transport Malta li huma detailed ma NGO’s on grounds of public policy.Skont din il-policy, l-impjegati rilaxxati jibqgħu jitħallsu mid-Dipartiment jew Entita’ li jkunu ġew rilaxxati minnha. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Trasport Pubbliku — Tibdil ta’ rotot

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot tal-karozzi tal-linja mistennija jinbidlu in konnessjoni mal-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa? Meta mistennija li jidħlu fis-seħħ dawn il-bidliet?

Response (MIZZI, JOE)

Transport Malta qiegħda fi stadju ta’ tħejjija tar-rotot inklużi dawk konnessi ma’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, fejn f’ kull każ qed tieħu inkonsiderazzjoni tas-suġġerimenti tal-pubbliku in ġenerali u tal-Kunsilli Lokali. Wara li jiġu konklużi diskussjonijiet ma’ l-Arriva, isiru laqgħat mal-Kunsilli Lokali qabel ma t-tibdil jidħol fis-seħħ. Dan il-proċess se jsir gradwalment.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – ingaġġ ta’ kap

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1773, jista’ jgħidli min hi l-persuna li mliet il-post u x’pakkett finanzjarju għandha din il-persuna? X’forma ta’ kuntratt se jkun hemm, definit jew indefinit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap għall-uffiċju dwar ir-Regolament tal-Bini huwa l-Perit Michael Ferry. Is-Sur Ferry ġie mpjegat fuq bażi ta’ kuntratt definit għal tlett snin, bi ħlas ta’€36,000 fis-sena u car allowance ta’ €5520.

Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar

Question

B’referenza għar-rapport li deher fit-timesofmalta.com datat 23 ta’ April 2013, jista’ l-Ministru jispjega x'tibdiliet saru mill-Gvern preżenti fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? B'kemm u kif se jiżdied il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma fil-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? Dan se jfisser aktar spejjeż? Jekk iva minn liema fondi se jiġi ffinanzjati?

Response (MIZZI, JOE)

Sa issa t- tibdilitiet li saru ma kienux sostanzjali fil-proposti ta’ dan il proġett, iżda il-gvern preżenti qed jikkunsidra alternattivi biex l-ilma ikun jista’ jinġabar aktar qrib fejn joriġina, kif ukoll biex jitnaqqas l-ilma f’wiċċ it-toroq li jżid it- traffic safety u fl-istess ħin qed isir studju biex naraw nistgħux inżidu l-ħażna tal-ilma. Dan qed isir ukoll biex jintużaw fondi Ewropej li sa issa setgħu jintilfu .

Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar

Question

B’referenza għar-rapport li deher fit-timesofmalta.com datat 23 t’April 2013 fejn il-Ministru ġie rrapportat li qal li l-Gvern preżenti għamel xi tibdiliet fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tinħareġ sejħa oħra ħalli jsiru dawn it-tibdiliet jew jekk hux se ikun hemm variation fuq il-kuntratt eżistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ikun hemm il-ħtieġa ta’ tibdiliet u spejjeż sostanzjali, dawn ix-xogħlijiet isiru billi tinħareġ sejħa oħra għall-offerti (tender).

Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti li juru l-emendi li qal li saru mill-Gvern preżenti fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? Jista’ jgħid jekk intalbux permessi mingħand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal dawn it-tibdiliet?

Response (MIZZI, JOE)

Il-pjanti għat-titjib tal-proġett għadhom m’humiex fi stadju finali u għalhekk ma jistgħux jiġu ippreżentati għalissa, u lanqas ma huma fi stadju li ssir l-applikazzjoni mal-MEPA.

Ħal Qormi — Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jkun lest ix-xogħol fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan il-parti tal-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi huwa ppjanat li jitlesta ghan-nofs is-sena d-dieħla. Hemm parti mill-ħaddiema jaħdmu ‘on site’ filwaqt li parti oħra jaħdmu ‘off-site.’ Bħalissa hemm 12 jaħdmu ‘on-site’ u 20 jaħdmu ‘off-site’.

Widien – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema widien se jsir xogħol ta' manutenzjoni matul il-perijodu tas-sajf li deħlin fih? X’tul ta’ kilometri mistennija jkunu mnaddfa?

Response (MIZZI, JOE)

Matul il-perjodu tas-sajf li ġej, fost oħrajn, mistenni jsir xogħol ta’ tindif u manutenzjoni f’Wied is-Sewda, u f’partijiet mill-Wied tal-Qlejgħa u l-Wied tal-Fiddien. It-tulijiet tal-widien li mistennija jkunu mnaddfa jiddependi mill-andament tax-xogħol.

Kunsilli lokali – ħaddiema on loan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tiegħu dwar ħaddiema ta' dan il-Ministeru li huma on loan mal-kunsilli lokali? Dawn se jiġu miġbura lura mal-Ministeru? Għal kemm jammontaw dawn il-ħaddiema? Ix-xogħol li kienu jagħmlu dawn il-ħaddiema, min se jagħmlu ġaladarba dawn jerġgħu jmorru lura mal-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-total ta’ ħaddiema ta’ dan il-Ministeru li huma on loan mal-Kunsilli Lokali jammonta għal tlieta. Ix-xogħol li qed jagħmlu dawn il-ħaddiema se jibqa’ jsir, bid-differenza li jkun hemm koordinament mad-dipartiment konċernat.