Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħata s-servizz ta' l-ilma fi Triq ġdida fi Triq in-Nadur, f'Wied il-Għajn?
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-ħadid li twaħħal mal-faċċati tad-djar fil-post imsemmi hawn fuq, sabiex jipprovdu s-servizz tad-dawl humiex ta' periklu peress li jinsabu fil-baxx? Jista' jinsab mezz alternattiv anqas perikoluż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma lestiet il-pjanijiet biex dan ix-xogħol isir, iżda minħabba l-ammont sostanzjali ta' proġetti li qed twettaq bħalissa l-Korporazzjoni, l-imsemmi xogħol hu ppjanat għas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tar-riżultat bil-marki li ngħata kull kandidat skond kull kriterju li qagħdu għall-intervista għall-vakanzi ta' Customer Service Officer fil-Maltacom plc, dak iż-żmien Telemalta, skond is-sejħa 4/94?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta' min jgħid li fejn hemm alterazzjoni tal-marki din saret wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3664, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki (bħal 'O' levels) u xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) għandhom, jekk għandhom, l-erba' ħaddiema in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sejħa relattiva għall-grad ta' Custoemr Service Officer ma kienitx tesiġi li l-applikanti, ikollhom kwalifiki fil-livell ordinarju jew xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) iżda li 'jkunu lesti li jitgħallmu u jużaw il-Girafe Computer Package u Microsoft Package (Word and Excel) applications'.
Għaldaqstant ma nħossx li għandi nagħti d-dettalji mitluba dwar l-erba' ħaddiema in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati mas-soċjeta' Air Malta Co. Ltd u dawn liema gradi kienu jokkupaw tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Ministru jgħid kif se tintlaqat Malta mill-ħtieġa li tadotta leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar "crude oil and oil products trade" meta skond il-progress report ta'l-Unjoni Ewropea dwar Ċipru jingħad li: "the harmonisation of excise taxes will in principle effect the price of diesel oil which would have to increase by 150% in order to be in line with the EU directive on excise. This will have on impact on public and private transport since around 30.1 of vehicles are disel fuelled"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-gvern Malti ma rċieva l-ebda rapport mingħand l-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward. Għaldaqstant għadu kmieni biex wieħed jesprimi ruħu dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Korporazzjoni Enemalta tħares lejn il-ħtieġa ta' l-Unjoni Ewropea li pajjiżi membri jridu jżommu "oil stocks" għal 90 jum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Enemalta tħares lejn din id-direttiva b'mod pożittiv peress li hija ntiża biex f'każ ta' kriżi, l-pajjiżi membri ma jinqabdux bla żejt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-Ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-compliment ta' Customer Service Officers - Branch Operations qabel ma ngħataw il-ħatra l-erba' Customer Service Assistants fl-24 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-compliment illum? Jekk kien hemm xi żieda fih dan kif jiġġustifika meta hu fatt magħruf li hi intenzjoni tal-Maltacom plc li tagħlaq xi fergħat minn tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-compliment ta' Customer Service Officers qabel l-24 ta' Diċembru 1998 kien ta' 28, esklużi tnejn li qed jagħmlu xogħol ta' Administration Customer Service Officers u mhumiex fir-roster. Illum, esklużi t-tnejn imsemmija, il-compliment huwa ta' 32.
Tajjeb jingħad li kien fl-interess tal-Kumpanija li jinħatru l-4 Customer Service Officers, li qabel kellhom il-grad ta' Customer Service Assistants u li l-ħatra tingħata b'effett mit-28 ta' Mejju 1998.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fergħa tal-Maltacom li ngħalqet kienet għal-raġunijiet indipendenti mill-Kumpanija.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4186, il-Customer Service Officers kollha, jiġifieri 32 iddaħħlu fir-roster konċernati ... Għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid: (a) x'kienet din il-ħtieġa li l-Customer Service Officers wettqu l-ħidma ta' Customer Service Assistants; (b) x'kienu r-raġunijiet indipendenti mill-Maltacom biex CSO ma jibqgħux jagħtu s-servizz tagħhom fil-post ta' qabel; (c) il-Ministru huwa infurmat li l-ftehim ma' l-Unjoni sar mingħajr il-kunsens ta' l-impjegati konċernati; u (d) il-ftehim imsemmi huwa wieħed permanenti jew temporanju u jekk hu temporanju għal kemm?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Customer Service Officers, li għalihom qed tirreferi l-Onorevoli Interpellant. ma setgħux jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom fil-fergħa li kienu fiha qabel, wara li l-istess fergħa ingħalqet għal raġunijiet indipendenti mill-Kumpanija. Dawn ir-raġunijiet huma ta' natura ġudizzjarja.
Jiena nfurmat li r-rappreżentanti tal-Customer Service Officers kienu preżenti meta ntlaħaq ftehim temporanju bejn il-Kumpanija u l-Union dwar ir-roster il-ġdida li qed jaħdmu bħalissa. Fil-preżent għaddejjin negozjati bejn il-Kumpanija u l-Union dwar roster ġdida.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal clerk I, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-mistoqsija diġa` tajt tweġiba għaliha meta rrispondejt il-mistoqsija parlamentari numru 4661 magħmula mill-istess Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service fil-Customer Care Unit fi ħdan il-Maltacom huwa ta' tnejn? Jista' l-Ministru jikkonferma wkoll li bħalissa hemm Assistant Head of Customer Service min-naħa tat-telegrafija u fergħat nieqes? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-Maltacom għandhiex il-ħsieb li timla' din il-vakanza u jekk fil-pożittiv, meta u x'inhuma r-rekwiżiti biex impjegat ikun jista' japplika?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service huwa ta' tnejn. Bħalissa hemm vakanza waħda f'dan il-grad u s-sejħa interna għall-mili ta' din il-vakanza diġa ħarġet.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk li qegħdin fl-istat li jirċievu l-paga mingħajr ma qed jingħataw xogħol?
Jaħseb il-Ministru li din is-sitwazzjoni issa twalet wisq mingħajr ma l-gvern ħareġ b'soluzzjoni aċċettabbli għal partijiet kollha kkonċernati u li mhux sew li l-ħaddiema jibqgħu f'din l-inċertezza dwar il-futur tagħhom?
Kemm ilhom issa għaddejjin it-trattattivi? Dawn jinsabu weqfin? Il-gvern kif se jżomm il-wegħda pre-elettorali tiegħu lil dawn il-ħaddiema li jassiguralhom l-impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk għadhom għaddejin. Id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati bdew f'Ottubru 1998 u matul id-diskussjonijiet ġew esplorati diversi alternattivi.
Waqt id-diskussjonijiet saru diversi tentattivi biex il-Kumpanija tieħu xi xogħolijet, pero` sfortunatament qed issibha diffiċli tikkompeti.
Naturalment negozjati ta' dan it-tip, fejn l-għan ewlieni huwa li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha konċernati jieħdu ż-żmien.
L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata li twettaq il-wegħdi elettorali kollha li huma nklużi fil-programm elettorali, inkluż li jkun hemm responsabbilta fil-finanzi pubbliċi.
Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi — Żjara fil-Libja
Question
Billi fl-istampa lokali kien ġie rrapportat li xi jiem ilu kellek iżżur il-Libja, tista' tinforma lill-Kamra jekk din iż-żjara saritx u jekk iva, ma min kellek laqgħat uffiċjali u dwar liema suġġetti kienu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din iż-żjara ġiet posposta fuq talba tal-Gvern Libjan stess, għax il-Ministri li kelli niltaqa magħhom kienu mpenjati barra l-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni li saret mill-MSU (illum MITTS) dwar is-sistema tal-billing tal-Water Services Corporation, liema investigazzjoni ġiet ordnata miż-żewġ ministri preċedenti, dak tal-Kummerċ u dak tax-Xogħlijiet Pubbliċi? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-rapport li sar u li kien ġie ppreżentat lill-ex-ministri tal-Kummerċ u tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu fuq dak ir-report u jekk is-sitwazzjoni llum hijiex aġġornata skond dak ir-rapport?
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' konsumaturi li għandhom arretrati xi jħallsu mal-korporazzjonijiet tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Water Services Corporation? Kemm minn dawn huma individwi personali u kemm huma kumpanniji jew ħwienet kummerċjali? Kemm hi s-somma dovuta f'kull kategorija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent iż-żewġ korporazzjonijiet jinsabu mpenjati biex joħorġu l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma li ilhom pendenti għal ħafna żmien. Għalhekk ma nħossx li huwa ġust li jitwaqqaf ix-xogħol li qed isir biex tinġabar l-informazzjoni mitluba. Fuq kollox kull konsumatur għandu arretrati xi jħallas u dan grazzi għad-diżgwid li ħalla warajh il-Gvern Laburista f'dan il-qasam
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pensjonanti li għandhom xi arretrati dovuti fil-ħlasijiet tad-dawl u l-ilma u tat-telephone illum?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi s-somma dovuta lil kull korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-pensjonanti kollha għandhom xi arretrati dovuti fil-ħlasijiet tad-dawl u l-ilma. Naturalment fil-biċċa l-kbira tal-każi, dan mhux tort tal-konsumatur imma grazzi għat-taħwid li l-amministrazzjoni preċedenti irnexxielha toħloq f'dan il-qasam.
Dwar l-abbonati tal-Maltacom, id-database tal-Kumpanija ma tagħmilx distinzjoni bejn pensjonanti u oħrajn li mhumiex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu fid-Dockyard, Shipbuilding u l-Freeport fulltime u part-time?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Ħaddiema fuq bażi full-time
Malta Drydocks 2994 irġiel u 47 nisa
Malta Shipbuilding 826 irġiel u 5 nisa
Malta Freeport 513 irġiel u 40 nisa
F'dawn l-azjendi m'hemmx ħaddiema, kemm irġiel kif ukoll nisa, impjegati fuq bażi part-time.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Peress li wara żjajjar fi ħwienet fir-Rabat ta' Malta s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Edwin Vassallo ġie rrapportat li qal li minn studju li għandu l-gvern juri li l-kummerċ beda jirpilja, jista' l-Ministru jikkonferma li qal hekk? Jista' jgħid għal-liema studju qed jirriferi? Jista' jpoġġi kopja ta' l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fl-okkażjoni msemmija, is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar analiżi u mhux dwar studju. Lanqas ir-rapporti li għalihom saret referenza ma jsemmu xi studju.
Analiżi taċ-ċifri għax-xahar ta' Jannar 1999 turi żieda ta' 22 fil-mija fl-importazzjoni u ta' 27 fil-mija fl-esportazzjoni. Din iż-żieda hija indikazzjoni ta' attivita ekonomika aktar mgħaġġla.
Ukoll ir-rapport tal-Bank Ċentrali għal Diċembru 1998, fit-taqsima Business Perceptions Survey, indika stennija ta' żieda fl-attivita ekonomika fl-ewwel sitt xhur ta' l-1999.