Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġet postijiet l-Awtorita' tad-Djar għall-bejgħ u kiri minn Settembru 1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Settembru 1998 l'hawn, l-Awtorita' tad-Djar ħarġet 184-il post għall-bejgħ. Għall-ħabta ta' Marzu ta' din is-sena, hu ppjanat li jinħarġu 50 post għall-kiri. Aktar tard din is-sena hu ttamat li jinħarġu aktar postijiet b'kiri.

Djar — Imtarfa - Ħsarat fuq bini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin, kemm kien in-numru ta' residenti fl-Imtarfa li rrapportaw xi ħsarat strutturali fil-bini tagħhom, ġdid u/jew li kien tas-servizzi? Jista' jgħid xi progress sar fuq dawn ir-rapporti u x'inhi s-sitwazzjoni llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din id-domanda tirrikjedi eżerċizju twil peress li jrid jiġu verifikati l-files kollha relatati ma' l-Imtarfa.

Impjiegi — Ilbies protettiv

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jasal is-safety equipment għall-ħaddiema fit-taqsima tad-drenaġġ? Jista' jgħid x'tip ta' taħriġ ingħataw il-ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ dwar is-saħħa w is-sigurta' tagħhom fuq ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Ambjent.

Anzjani

Question

Peress li ninsab informat li numru ta' anzjani f'Ħaż-Żabbar qed isibuha bi tqila biex jagħmlu użu mill-premises temporanji ta' l-Uffiċċju Distrettwali tas-Servizzi Soċjali minħabba t-taraġ li fih il-post, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux possibbli li dawn jinqdew f'post aktar adegwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed isir sforz sabiex ix-xogħol ta' rinovazzjoni fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali f'Ħaż-Żabbar jitlesta kemm jista' jkun malajr u nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li qed nagħti dwar dan l-istess suġġett għal Mistoqsija Numru 13,902. Irrid ngħid li l-iskop ta' dan il-proġett m'huwiex biss li jitjieb l-ambjent ta' l-Uffiċċju iżda wkoll li jingħata servizz aħjar u li kemm jista' jkun il-klijenti tad-Dipartiment jinqdew fil-lokal mingħajr il-bżonn li joqgħodu jidħlu l-Belt.

Żabbar — Uffiċċju distrettwali tas-servizzi soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol fuq l-uffiċċju distrettwali tas-servizzi soċjali f'Ħaż-Żabbar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurta' Soċjali f'Ħaż-Żabbar ser ikun lest bejn wieħed u ieħor għal nofs Marzu 2000.

EU — Saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jew jidentifika fejn il-liġi preżenti Maltija m'hijiex konformi mal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea rigward is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att numru VII tal-1994, u r-regolamenti maħruġa taħtu ma jmorrux kontra Direttivi tal-Unjoni Ewropea almenu f'dak li għandhom x'jaqsmu prinċipji ġenerali, inkluż dawk rigward l-applikabbilta', l-iskop u l-oġġettivi tagħhom. Madanakollu, dawn il-liġijiet huma nieqsa minn dettalji tekniċi speċifiċi. Il-Ministeru, bhal kull Ministeru ieħor, għamel eżerċizzju li fih ġew imqabbla ż-żewġ korpi ta' leġiżlazzjoni. Inbeda wkoll programm biex il-liġi Maltija tiġi konformi wkoll fid-dettall mad-Direttivi tal-Unjoni, tant li diġa' ġew abbozzati diversi regolamenti ġodda.

Aġenzija Sedqa — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Aġenzija Sedqa mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonjiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru u l-4 ta' Jannar, 2000, l-Aġenzija SEDQA impjegat ħaddiema ġodda, kif ġej: * Persuna waħda bħala Data Input Operator għaċ-Ċentru Detox; u * Persuna oħra bħala Counsellor mad-Diviżjoni tal-Kura. Dawn iż-żewġ persuni ġew impjegati wara li saret talba lil ETC u kienu reġistranti regolari ma' l-istess korporazzjoni. Dawn għaddew mill-proċess ta' l-impjieg, kif stabbilit mill-ETC.

Ċentru Ħidma Soċjali — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maċ-Ċentru Ħidma Soċjali, mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Dipartiment Ħarsien tal-Familja mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000, ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda.

Anzjani — Ħrieqi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-ħrieqi lill-anzjani? Kemm hemm anzjani li qed jieħdu l-ħrieqi? Kemm hemm talbiet ta' anzjani pendenti biex dawn jieħdu l-ħrieqi? Kemm hemm anzjani li jħallsu għall-ħrieqi u kemm hemm anzjani li ma jħallsux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħrieqi bi prezz issussidjat jingħataw lill-applikanti li għandhom 60 sena jew aktar u li huma ċertifikati li għandhom problema ta' kontinenza. Total ta' anzjani li qed jieħdu l-ħrieqi huwa ta' 1473. Talbiet ta' anzjani pendenti biex jieħdu l-ħrieqi m'hemm xejn. Hemm 1393 anzjani li jieħdu l-ħrieqi bi ħlas u 80 li jieħdu l-ħrieqi b'xejn.

Adult Training Centres — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-adult training centres humiex se jaċċettaw studenti li spiċċaw mill-ispecial schools?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali s-sena l-oħra għamel il-pjanijiet tiegħu biex ikun jista' jilqa' persuni b'diżabilita' li jridu jimxu mill-iskejjel speċjali għall-"Adult Training Centres". Sabiex dawn il-pjanijiet ikunu jistgħu jitwettqu jkun jinħtieġ, fost ħwejjeġ oħra, r-reklutaġġ ta' aktar "care workers".

Żejtun — Triq San Duminiku - Post Nru. 16

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk il-post Nru.16, St. Domenic Street, Żejtun RO 48792 għadux taħt requistion order għax kien hemm talba biex din titneħħa li kienet sostwita wkoll b'ittra iffirmata mill-persuna li bħalissa qed tgħix fih b'kera? Jekk dan il-post għadu taħt requistion order, din se tispiċċa ladarba għand min huwa mikri għandu joħroġ minn dan il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond li għalih saret referenza għadu rekwiżizzjonat u okkupat mill-inkwilin li allokah id-Dipartiment. Jekk u meta joħroġ, l-inkwilin hu obbligat li jġib iċ-ċwievet id-Dipartiment.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ ta' l-applikazzjoni 16151: (a) meta din l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva saret; (b) jekk din l-applikazzjoni ġietx aċċettata; (ċ) jekk ġiet aċċettata meta ntlaqgħet; (d) kemm kellha punti; u (e) x'kienet ir-raġuni wara t-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt f'Mistoqsija Parlamentari Numru 13830 peress li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istess applikazzjoni.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ ta' l-applikazzjoni 16530: (a) meta din l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva saret; (b) jekk din l-applikazzjoni ġietx aċċettata; (ċ) jekk ġiet aċċettata meta ntlaqgħet; (d) kemm kellha punti; u (e) x'kienet ir-raġuni wara t-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dettalji mitluba jingħataw biss meta l-Onor. Interpellant jipproduċi awtoriżżazzjoni bil-miktub mingħand l-applikanti konċernati peress li din l-informazzjoni hija waħda strettament kunfidenzjali.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ ta' l-applikazzjoni 15887: (a) meta din l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva saret; (b) jekk din l-applikazzjoni ġietx aċċettata; (ċ) jekk ġiet aċċettata meta ntlaqgħet; (d) kemm kellha punti; u (e) x'kienet ir-raġuni wara t-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dettalji mitluba jingħataw biss meta l-Onor. Interpellant jipproduċi awtoriżżazzjoni bil-miktub mingħand l-applikanti konċernati peress li din l-informazzjoni hija waħda strettament kunfidenzjali.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ ta' l-applikazzjoni 14119: (a) meta din l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva saret; (b) jekk din l-applikazzjoni ġietx aċċettata; (ċ) jekk ġiet aċċettata meta ntlaqgħet; (d) kemm kellha punti; u (e) x'kienet ir-raġuni wara t-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dettalji mitluba jingħataw biss meta l-Onor. Interpellant jipproduċi awtoriżżazzjoni bil-miktub mingħand l-applikanti konċernati peress li din l-informazzjoni hija waħda strettament kunfidenzjali.

Impjiegi — Karozzi impressed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari numru 12984 u ċioe' jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li diġa tajtu għall-Mistoqsija Numru 13,282.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista, lokal b'lokal, ta' l-anzjani li daħlu fid-dar ta' Bormla sal-lum? Kemm għad hemm postijiet vakanti? Meta se jimtlew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-lokalitajiet minn fejn ġew l-anzjani li daħlu fid-dar ta' Bormla sa llum huma dawn li ġejjin: Bormla Birgu Qormi Tarxien Paola Ż abbar Kalkara Zejtun San Gwann Għaxaq Marsaskala Fgura Għad baqa' 22 post vakant li ser jimtlew fil-ġimgħat li ġejjin.

Djar — Appartamenti b'kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew allokati appartamenti b'kera mill-26/10/96 sal-5/9/98 mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali (mhux mill-Awtorita' tad-Djar)? Kemm ġew allokati appartamenti mill-istess dipartiment minn 5/9/98 s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mis-26 ta' Ottubru 1996 sal-5 ta' Settembru 1998 ġew allokati 523 appartament b'kera mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u mill-5 ta' Settembru 1998 sallum ġew allokati 254 appartament mill-istess Dipartiment.