Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Marsa – Triq Diċembru 13 — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq Diċembru 13 fil-Marsa? Meta hu programmat li jitlesta dan ix-xogħol? Kemm hu stmat li jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fuq Triq Diċembru 13 imxew ‘il quddiem u għaddejjin b’ritmu tajjeb. Sal-lum, ix-xogħlijiet strutturali ta’ nofs l-underpass tlestew u l-karreġġjata li ser tieħu t-traffiku lejn il-Marsa qed tiġi ffurmata. Ta’ min ifakkar li x-xogħol fuq din it-triq, li kien beda f’Novemru 2011, twaqqaf mill-Gvern preċedenti f’Novembru 2012 u ppostonieh għal Marzu 2013. Dan ifisser li x-xogħol fuq din it-triq twaqqaf għal 4 xhur bil-konsegwenza li 5.5 miljun ewro kienu fil-periklu li jintilfu minħabba li ma sarx progress kif kien ippjanat minn qabel fuq ix-xogħlijiet infrastrutturali. B’hekk ix-xogħol fuq din it-triq waqa’ lura. Il-Gvern preżenti ħa passi minnufih biex ix-xogħol jerga jibda. Ix-xogħol fuq Triq Diċembru 13 hu mistenni li jitlesta fl-2014 u hu stmat li jigi jiswa madwar €8 miljuni.

Mellieħa – Bypass — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq il-bypass tal-Mellieħa hux lest minn kollox? Jekk le x'fadal isir u meta hu mistenni jitlesta kollox? Kemm ġiet jew se tiġi l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet il-kbar fuq il-bypass tal-Mellieħa tlestew. Bħalissa qed jitlestew xi xogħlijiet minuri li hu stmat li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Ix-xogħol kollu hu stmat li jiswa 5.2 miljun Ewro, għalkemm il-kontijiet fuq ix-xogħlijiet kollha għadhom qed jiġu maħduma.

Għadira — Ċirkewwa – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq it-triq li mill-bajja tal-Għadira twassal sal-port taċ-Ċirkewwa hux lest minn kollox? Jekk le x'fadal isir u meta hu mistenni jitlesta kollox? Kemm ġiet jew se tiġi l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq Triq il-Marfa, li twassal sal-port taċ-Ċirkewwa, qegħdin fi stadju avvanzat ħafna, u jonqos biss ċertu xogħlijiet ta’ tiswija u snagging biex tkun lesta minn kollox. L-ispiża totali tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni hija stmata għal madwar €7.8 miljun.

Għawdex – Xewkija/Rabat – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq it-triq li tieħu mix-Xewkija sa Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex hux lest minn kollox? Jekk le x'fadal isir u meta hu mistenni jitlesta kollox? Kemm ġiet jew se tiġi l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-triq li tieħu mix-Xewkija sa’ Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex huma kollha lesti, apparti ċertu xogħlijiet ta’ snagging li qegħdin fl-istadju finali. L-ispiża totali tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni hija stmata għal madwar €12.1 miljun.

fondi Ewropej 2007- 2013 — tiswija ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx fondi biex jintuzaw fuq toroq mill-programm finanzjarju 2007 – 2013? Jekk iva, kemm fadal u fuq liema toroq se jintużaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi allokati li baqa’ biex jintużaw mill-programm finanzjarju 2007-2013 jammontaw għal € 83,984,309.61. Din is-somma tinkludi il-VAT, spejjeż ta’ superviżjoni, studji relatati mal-proġetti kif ukoll somma ta’ kontinġenza. Dawn il-fondi huma allokati għal dawn il-proġetti: Upgrading tat-TEN-T Network Phase I Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi, Luqa Moll iċ-Ċangatura u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa / Floriana Triq il-Marfa, Ċirkewwa / Mellieħa By-Pass Tal Mellieħa, Mellieħa Triq Diċembru 13 Triq l-Imġarr, Xewkija, Triq Fortunato Mizzi u Triq ir-Repubblika, Rabat, Għawdex Upgrading tat-TEN-T Network Phase II Rikostruzzjoni ta’ Salina Coast Road Upgrading tat-TEN-T Network Phase III Kostruzzjoni ta’ Grade Separated Junction fil-Kappara

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1998 sal-lum l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ingħata xogħol ta’ konsulenza għall-valur globali ta’ €9906. Dan ix-xogħol kien maqsum bejn exADT, exMMA,exDCA u Transport Malta. Sena b’sena ix-xogħol u l-Valur kien maqsum kif ġej: Transport Malta Sena € 2012 590 2011 472 2010 3068 ex-ADT Sena € 2009 1652 2008 472 2007 563 2006 275 2004 – 2005 Nil 2003 1974 1999 – 2002 Nil Ir-rekords tal-ADT jmorru lura sas-sena 1999, għalhekk m’hemmx rekords għas-sena 1998. ex-MMA Sena € 2009 700 2008 70 2007 70 1998 – 2006 Nil ex-DCA 1998 – 2009 Nil Transport Malta m’għandhiex informazzjoni jekk ix-xogħol ta’ konsulenza imsemmi ngħatax b’tender jew direct order.

Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura — spiża fuq IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?

Response (MIZZI, JOE)

Skont iċ-ċirkulari OPM 3/2008, Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern, għajr għal eċċezzjonijiet partikulari, ma jistgħux jiġu mixtrija kompjuters jew notebooks, pero’ jistgħu biss jinkrew taħt id-Desktop Services Agreement li ġie iffirmat mill-MITA għan-nom tal-Gvern ma’ numru ta’ kumpaniji. Fis-Segretarjat tal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura inkrew 9 kompjuters (desktop) u 15 laptops. Bi ftehim li ntlaħaq bejn is-Segretarji Parlamentari tramite l-Uffiċini tac-CIO rispettivi u l-MITA qabel l-elezzjoni li għaddiet, is-Segretarjati l-ġodda ingħataw kompjuters mikrija ġodda mill-MITA u l-kirja ta’ dawn il-kompjuters għal-5 snin flimkien ma’ l-ispiża tal-liċenzji rikjesti qed jiġu koperti mill-MITA. Rigward il- mobiles tal-Ministeru, dawn ġew kollha ssussidjati, għaldaqstant l-ebda mobile ma ġie mixtri jew mikri.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Konsulenti u Kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-konsulenti li nħatru minn Marzu tal-2013 ’ hawn? Kemm hu l-ħlas tagħhom individwalment fix-xahar, x’servizz huma mitluba li jagħtu u kemm-il siegħa huma mitluba jaħdmu fix-xahar fuq ix-xogħol ta’ konsulenza? Jista’ fil-lista jinkludi wkoll il-membri ta’ kull kumitat li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizz hu mitlub li jagħti kull membru?

Response (MIZZI, JOE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — lista ta' bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ bordijiet u l-membri li kienu jagħmlu parti minnhom qabel id-9 ta’ Marzu 2013.

VRT — liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ħsieb li joħorġu liċenzji ġodda ma’ dawk li hemm biex jingħata servizz ta’ VRT?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li abbażi ta' deċizjoni li kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, l-ammont ta' liċenzji għal stazzjonijiet ta' VRT huwa fiss, u li dan jammonta għal erbgħin permess. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi se jkun qiegħed jikkunsidra din is-sitwazzjoni b'konsultazzjonijiet mas-settur tal-VRT.

VRT — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-futur għas-servizz tal-VRT?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2710.

Trasport Pubbliku — Tibdil ta’ rotot

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2327, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti/proposti li saru kemm mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kif ukoll minn dak ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta saru s-suġġerimenti msemmija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess suġġerimenti?

Response (MIZZI, JOE)

Il-laqgħat mal-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl-il Baħar saru fit-28 ta’ Marzu li għadda. Dwar it-trasport pubbliku, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ressaq ilmenti, fost oħrajn, dwar l-użu ta’ bendy buses li qed jikkawżaw konġestjoni, dwar il-ħtieġa ta’ aktar traġitti, dwar l-inkonvenjenzi li qed ibatu minnhom ir-residenti li jgħixu qrib il-bus interchange u l-ħtieġa li jkun hemm servizz aħjar fil-qalba tal-Mellieħa. Il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar ressaq is-suġġeriment li jkun hemm riforma fir-rotot, li jkun hemm rotta diretta mill-Qawra għall-Belt, lejn Golden Bay, lejn ir-Rabat, lejn iċ-Ċirkewwa u lejn Tas-Sliema. Issuġerixxa wkoll li tinħoloq rotta ġdida li sservi lix-Xemxija, l-Imbordin, San Martin, il-Wardija, il-Bidnija, Burmarrad, Buġibba, Qawra u San Pawl. Issuġerixxa wkoll rotot oħrajn li jibdew jgħaddu minn Triq il-Korp tal-Pijunieri

Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura — laqgħat ma’ ambaxxaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul ix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika x’ġie diskuss u jekk kienx mistieden ma’ xi wieħed jew waħda minn dawn l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa issa saru laqgħat ta’ korteżija mill-Ambaxxaturi taċ-Ċina, Spanja, Kuwajt, Stati Uniti u tal-Italja.Fil-futur qrib hemm ipprogramati diversi laqgħat ma’ ambaxxaturi oħra.

Ir-Rabat (Għawdex) — Triq 31 ta' Marzu - asfalt

Question

Peress li r-residenti tat-Triq 31 ta' Marzu fir-Rabat Għawdex ilhom is-snin jistennew biex it-triq tiġi asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru għal Għawdex minħabba li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbilta` ta’ Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — karozza uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-karozza uffiċjali tal-Ministru? Jista' jgħid meta nxtrat u kemm qamet meta nxtrat?

Response (MIZZI, JOE)

Il-karozza tal-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura kienet tintuża mill-ex Ministru tat-Turiżmu. Din inxtrat fit- 3 ta’ Novembru 2009 għas-somma ta’ €32,305.00.

Ħal Luqa – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Luqa qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` ta’ Ħal Luqa li għad iridu jsiru huma dawn:: · Triq Wied il-Knejjes, Ħal Luqa Għax-xogħlijiet ta’ din it-triq, kienet ħarġet sejħa għall-offerti lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, pero` ma setgħetx tiġi aġġudikata minħabba li l-offerta mitfugħa kienet għolja wisq. Għaldaqstant, bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex tinħareġ sejħa oħra għall-offerti, u qed ikun ippjanat li x-xogħlijiet ser ikunu jistgħu jinbdew lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Ħal Qormi – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Qormi qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` ta’ Ħal Qormi li għad iridu jsiru huma dawn: · Triq Ġorġ Mifsud Chircop, Ħal Qormi Bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti, u qed ikun ippjanat li x-xogħlijiet ser ikunu jistgħu jinbdew lejn il-bidu tas-sena d-dieħla. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Is-Siġġiewi – Toroq – Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-lokalità tas-Siġġiewi qegħdin fil-programm tal-Gvern sabiex jingħataw it-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq li qegħdin fil-programm eżistenti tal-Gvern ġewwa l-lokalita` tas-Siġġiewi li għad iridu jsiru huma dawn: · Triq NikolinaCaruana · Triq Patri Guże` Delia · L-inħawi Ta’ Fonzu F’dawn it-toroq, hemm problema sabiex jinbeda x-xogħol minħabba li t-toroq għadhom ma ġewx iffurmati minn min kellu l-obbligu legali li jiffurmhom. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Ħal Qormi – Bridge fl-inħawi tal-Imrieħel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni fuq il-proposta tal-bridge fl-inħawi tal-Imrieħel ġewwa Ħal Qormi u meta beħsiebu jinbeda x-xogħol? Jista’ l-Ministru jara li jiġu emendati l-pjanti skont il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li hemm eżistenti sabiex dan il-bridge jkun jakkomoda lir-residenti ta' dik iż-żona peress li ħafna mir-residenti ta' dik iż-żona huma anzjani u żgur li ma jifilħux jitilgħu r-rampi kif proposti fil-permess eżistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 1360 u 2440 ninfurmah ukoll li r-rampi kif approvati fil-permess tal-ippjanar PA 5852/06 huma ddisinjati bi slope gradient ta’ 1:20 sabiex ikunu konformi mal-linji gwida t’aċċessibilita` (Access for All Design Guidelines) ippublikati mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita` (KNPD). Sadanittant, diga’ qiegħed isir ħafna xogħol b’ ħafna possibilitajiet differenti ta’ disinn u pożizzjoni ta’ fejn jiġi l-bridge minħabba traffic safety kif ukoll peress li ħafna mir-residenti ta' dik iż-żona huma anzjani li ma jifilħux jitilgħu r-rampi hekk kif proposti fil-permess eżistenti.

Mapep – policy dwar lingwi

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’se tkun il-policy dwar il-lingwi li se jintużaw meta jiġu stampati mapep ta’ Malta għall-użu tat-turisti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.