Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn it-Tarzna llum? Kemm għamlet qliegħ/telf is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sal-31 ta' Diċembru 1998, it-Tarzna ta' Malta kellha dejn ta' Lm122,953,423. It-telf li kellha din l-azjenda fi tmiem is-sena 1998 kien ta' Lm7,550,184 li żdied għal Lm8,664,890 wara li għal darb'oħra kien hemm telf fuq il-vapuri Russi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-bidu tas-sena 'il quddiem? Min huma l-membri attwali tal-kunsill? X'ħidma saret mill-kunsill mill-elezzjoni ġenerali sal-llum? X'kienet ir-raġuni li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, spiċċa konsulent mal-ministeru u ma baqax jagħti s-servizz tiegħu fid-dipartiment għall-affarijiet tal-konsumatur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalma hija l-prattika, meta f`Settembru li għadda kien hemm bidla fl-amministrazzjoni, il-membri tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur issottomettew ir-riżenja tagħhom. Dan il-Kunsill għad irid jiġi kostitwit. Għaldaqstant l-istess kunsill bħalissa mhux qed jiltaqa`.
Fl-24 ta` April 1998, Ministru tal-Finanzi ta` dak iż-żmien, jiġifieri l-Onorevoli Interpellant inniffsu, inkariga lil persuna oħra fid-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex tagħmel xogħol relatat mal-Commission for the Education and Protection of Consumers, l-istess xogħol li sa l-imsemmija data kien isir mill-persuna li għaliha qed isir riferenza.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown skond il-kategorija tan-nies li hemm jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kummerċ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent hemm dawn il-persuni jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kummerċ:
Direttur 1
Prinċipal Anzjan 5
Prinċipal 6
Assistent Prinċipal 5
Uffiċjal Eżekuttiv 12
Supervisor 2
Skrivani 14
Skrivani każwali 3
Messaġġiera 5
Grupp III 7
Grupp II 14
Gradi industrijali oħra 2
Minn dawn Assistent Prinċipal qiegħed sekondat ma' Union u 3 Uffiċjali Eżekuttivi, 3 Skrivani u Grupp II jinsabu fuq 'Parental Leave'
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fi Frar ta' din is-sena fl-istrong room li hemm fuq l-Apron ta' park 9 fl-Airport tal-Gudja nstabux xi blokki ta' deheb li jiswew eluf kbar ta' liri, minsija w mitluqa ma' l-imbarazz? Kemm kien il-valur tagħhom? Ġew claimed? Jekk fl-affermattiv, ta' min kienu? Jekk fin-negattiv, x'sar minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għall-interpellanza numru 4976 tat-23 ta' Frar, 1999, jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi konnessjonijiet bejn l-MIA u l-persuni ndikati fir-risposta bħala 'A' u 'E', bejn l-1 ta' Ottubru, 1991 u d-data li kienu ġew impjegati fulltime mal-MIA? Fejn kienu jaħdmu fulltime waqt dan il-perijodu? Jekk kien hemm konnessjonijiet, fuq liema bażi kienu u x'kumpens kienu jitħallsu? Xi proċeduri ntużaw f'kull każ biex ġew impjegati mal-MIA l-għaxar persuni msemmija fl-interpellanza numru 4976?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatatx xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-ministeru, dipartiment jew korporazzjoni li jinsabu fid-dekasteru tiegħu, lil promoturi li organizzaw iż-żjara tal-Juventus f'Malta?
Jekk iva, minn min u kemm?
Kif ittieħdet id-deċiżjoni u fuq liema bażi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tlett azjendi u cioe` il-Maltacom, il-Mid-Med Bank u l-MIA ikkontribwew bejniethom is-somma ta' Lm25,000 lill-promoturi li organizzaw iż-żjara ta' dan it-tim f'Malta. Min-naħa tagħhom l-Air Malta ikkontribwiet billi pprovdiet is-servizzi.
In kontrokambju, l-azjendi msemmija ħadu pubbliċita` fil-filmat dwar Malta li xxandar fl-intervall tal-logħba u reklami fuq il-boards ta' madwar l-istadium.
Id-deċiżjoni li dawn l-entitajiet jipparteċipaw ittieħdet fuq il-bażi kummerċjali li l-azjendi msemmija dejjem ikkontribwew f'avvenimenti simili fil-passat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaqqaf ix-xogħol fuq vapuri fil-Baċir Nru. 1? Fiex wasal il-ftehim li ssemma bejn dawk interessati, il-gvern u t-Tarzna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inkisirx il-ftehim li kien sar bejn il-Kunsill Lokali ta' Bormla u t-Tarzna sabiex ma jsirx blasting fil-Baċir Nru. 1? Jikkonferma l-Ministru li nhar l-10 u t-12 ta' Marzu, 1999 sar xogħol ta' blasting fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Għalfejn dan ix-xogħol sar f'dan il-baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sar xogħol ta' blasting fuq il-vapur tal-Gozo Channel Cittadella fl-10 ta' Marzu 1999 biss u mhux kif ingħad mill-Onorevoli Interpellant.
It-tip ta' sistema li ntużat hija dik magħrufa bħala 'Slurry Blasting' u l-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq dan il-vapur baqgħu fuq il-post waqt li kien għaddej dan ix-xogħol. Għalhekk ma naħsibx li nħoloq xi nkonvenjent għar-residenti viċin il-baċir.
It-teknoloġija wżata, kienet għadha fi stadju sperimentali meta sar il-ftehim imsemmi. It-Tarzna qed tagħmel l-almu tagħha biex l-użu ta' din it-teknoloġija jiġi estiż u b'hekk jitnaqqsu l-inkonvenjenzi għar-residenti ta' madwar l-azjenda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi abbuż fiż-żona fejn hemm l-inċineratur, li suppost jintuża sabiex materjal ta' l-ikel ta' fuq l-ajruplani jinħaraq, liema abbuż huwa ta' periklu għas-saħħa?
Jaf il-Ministru li fi żmien Gvern Laburista, l-Ministeru għall-Ambjent kien qabbad konsulenti dwar waste management li fost ħwejjeġ oħra jagħmlu riferenza għall-periklu li dan l-inċineratur qed joħloq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Wara deċiżjoni tal-kabinett, f`Lulju 1998, l-Environmental Management Unit ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, qabbdet lil Aspinwall & Co. Ltd tar-Renju Unit bħala konsulenti, biex jagħmlu studju li ġie msejjaħ ~Waste Management Subject Plan for the Maltese Islands~.
Dan l-istudju ġie iffinanzjat mill-Ministeri tas-Saħħa, Xogħolijiet Pubbliċi u Agrikultura u Trasport. Ta` min jgħid li l-MIA plc ħarġet ħamsa u għoxrin fil-mija, jiġifieri s-somma ta` Lm9,000 ta` l-ispejjeż tal-konsulenza. Dan sar minkejja l-fatt li l-MIA plc għadha mhix responsabbli għall-immaniġġjar tal-iskart mill-ajruplani.
Dan l-istudju beda fl-1 ta` Awissu 1998 u l-aħħar draft report mistenni jiġi ppreżentat sa l-aħħar ta` Mejju 1999, biex iservi ta` bażi biex jittieħdu deċiżjonijiet. L-ewwel draft report kien ġie ppreżentat f` Settembru 1998. F`dan id-draft report saret referenza għan-nuqqasijiet preżenti, iżda ma jsemmix periklu jew abbużi.
Ta` min jgħid li jekk l-MIA tkun taf li qegħdin isiru xi abbużi, din tieħu l-passi neċessarji biex dawn jieqfu.
Peress li fl-inħawi tal-Wardija ntlemħu nġenji ta' Kalaxlokk, liema nġenji jintużaw sabiex isir it-tħaffir ta' l-ilma, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jsir xi tħaffir għall-ilma f'dawk l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jirriżulta li fl-inħawi msemmija sejra ssir 'trial hole' ġewwa post privat u li dan ix-xogħol mhux konness ma tħaffir għall-ilma.
Tajjeb wieħed iżid li l-Kumpanija Kalaxlokk m'għandhiex inġenji li jistgħu jintużaw sabiex isir tħaffir għall-ilma.
Peress li hawn diversi ilmenti li ġew importati burgers magħmula mill-laħam tal-majjal u ċioe' diġa' kienu qed jinbiegħu f'super markets partikolari, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kwantitajiet ta' dawn il-burgers tal-majjal u kemm tħallset levy fuqhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat susssidju t-Tarzna s-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mill-Fond Konsolidat it-Tarzan ta' Malta matul is-sena li għaddiet irċeviet l-ammont ta' Lm5,527,000 bħala sussidju.
Mit-Treasury Clearance Fund l-azjenda irċeviet is-somma ta' Lm11.4 miljuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju l-kumpannija Enemalta u l-Water Services Corporation is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta ma ngħatat l-ebda sussidju matul is-sena li għaddiet waqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irċeviet is-somma ta' Lm13.5 miljuni bħala sussidju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-eluf ta' familji li bħalissa qegħdin igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u l-ilma humiex se jkompli jgawdu minn din l-iskema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-rati tad-dawl u ta' l-ilma kif aġġustati mill-amministrazzjoni preżenti fihom infushom huma bażikament skema ta' sussidju. Kulħadd jaf li dawn ir-rati ġodda huma aktar vantaġġjużi mill-iskema li kien għamel il-gvern ta' qabel. Madankollu l-familji li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant xorta waħda ser jibqgħu igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tat-tender WSC/T/8/99 "Geocoding of around 20,000 premises and the development of a related software application tool"?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-iskop huwa mniżżel ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tat-tender WSC/T/8/99, fejn jinstabu aktar spjegazzjonijiet u dettalji dwar il-proġett.
L-iskop tat-tender WSC/T/8/99 huwa bħala pilot project, fejn 20,000 account f'Għawdex ser jiġu marbuta ma link fuq GIS basemap. L-iżvilupp ta' programm ta' software ser jagħti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma il-faċilita` li tanalizza dettalji dwar il-konsum ta' dawn l-accounts b'relazzjoni mal-lokalitajiet ta' fejn joqgħodu u b'hekk tgħin f'analiżi ta' unaccounted for water, għal tiftix ta' telf u għal sistema aħjar ta' billing u metering. Dan il-proġett, flimkien mal-proġetti oħra ta' telemetry u xi forma ta' automated meter reading jfisser qabża ta' kwalita fix-xogħol tal-Korproazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ħaddiema fil-Maltacom plc qed jiġu offruti somma ta' flus biex jiġi terminat l-impjieg tagħhom mill-korporazzjoni? Fuq liema kriterji qed jinħadmu ċ-ċifri li qed jiġu offruti lill-ħaddiem? Kien hemm xi ħaddiema li diġa' aċċettaw li jispiċċaw minn mal-korporazzjoni? Fuq liema kriterji l-Maltacom plc iddeċidiet li tniedi din l-iskema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Korproazzjoni Telemalta, illum Maltacom, u t-Taqsima Parastatali tal-GWU, li kien ikopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1996 u l-31 ta' Diċembru 1998, kien intlaħaq qbil li 'il-Korporazzjoni, meta jkun iż-żmien opportun, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' skema ta' 'Phased Retirement' fuq bażi volontarja. Il-Union tiġi konsultata dwar din l-iskema.
Il-kriterji li fuqhom inħadmu ċ-ċifri offruti lill-ħaddiema li jgħażlu li jibbenifikaw minn din l-iskema saru bi ftehim bejn il-Kumpanija u l-Union. il-kriterji wżati huma dawn:
1. F'Mejju 1998 saret l-offerta għal dawk li għalqu l-55 sena. Dawn ġew
offruti 15-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni.
2. F'Novembru 1998 ħarġet l-offerta għal dawk il-ħaddiema li għandhom
bejn 50 u 55 sena. Dawm ġew offruti 13-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni.
3. F'Jannar 1999 ħarġu żewġ skemi oħra:
(a) waħda għal dawk ta' eta` bejn il-45 u l-50 sena. Dawn ġew offruti
ġimgħat paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni
(b) oħra għal dawk ta' bejn l-40 u l-45 sena li ġew offruti 10 ġimgħat
paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta`
tal-pensjoni sa massimu ta' Lm15,000.
S'issa applikaw 130 ħaddiem biex jirtiraw qabel iż-żmien u minn dawn 67 diġa ħallew il-Kumpanija.
Il-Maltacom iddeċidiet li tniedi din l-iskema fid-dawl tal-pjan tagħha biex tirriorganizza l-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se ssir xi estensjoni tas-servizz ta' l-ilma fi Triq Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun/Wied il-Għajn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandha l-ebda talba għall-provvista ta' l-ilma fil-post imsemmi. Jekk issir talba f'dan ir-rigward, il-Korporazzjoni hija lista li tħejji l-pjanijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu jew naqsu self-employed mill-5 ta' Settembru, 1999 sa l-aħħar statistika li ħarġet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-figuri pubblikati mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika ma jkoprux parti minn xahar sħiħ u għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata mid-data msemmija.
L-aħħar ċifri pubblikati jkopru x-xahar ta' Jannar 1999. In-numru ta' persuni jaħdmu għal rashom matul dak ix-xahar kien ta' 15,267 li juri tnaqqis ta' 114 fuq Settembru 1998 meta n-numru kien ta' 15,381.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex kostitwita l-Kummissjoni dwar is-Self-Employed li kien waqqaf Gvern Laburista wara Ottubru, 1996? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm inżammu seduti u xi progress qiegħed isir għall-benefiċċju ta' dan is-settur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kummissjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant m'għadhiex kostitwita. Il-Ministeru tiegħi qed jorganizza fuq bażi regolari laqgħat ma' din il-kategorija ta' ħaddiema għall-benefiċċju tagħhom kif ukoll tal-pubbliku in ġenerali.